Stephen Hawking
Stephen William Hawking (8 ta' Jannar 1942 – 14 ta' Marzu 2018) kien xjenzat Ingliż tal-fiżika, kożmoloġista, awtur, u direttur tar-riċerka fis-Centre for Theoretical Cosmology fl-Università ta' Cambridge. Kien Professur tal-Matematika fl-istess Università bejn l-1979 u l-2009.
Hawking irriċerka u kontribwixxa teoriji fuq ir-relazzjoni bejn l-ispazju u ż-żmien. Filwaqt li kellu għerf kbir, kien kapaċi jinżel fil-livell biex jifhmu kulħadd – kif għamel bil-ktieb tiegħu A Brief History of Time (1988).
Studju u Mard
immodifikaHawking iggradwa mill-Università ta’ Cambridge fir-Renju Unit. Fl-istess żmien meta sar jaf li kellu l-marda tal-motonewruni. Kellu 21 sena u t-tobba tawh ftit snin ħajja. Għex sa 76 sena. Ħafna minnhom fuq siġġu tar-roti u jitkellem bl-għajnuna ta’ kompjuter u vuċi elettronika.
Black Holes (Toqob Suwed)
immodifikaForsi l-akbar xogħol tiegħu jibqa’ dak fuq il-black holes. Hawking stabbilixxa li l-black holes jarmu tipi ta’ radjazzjoni differenti u b’hekk għen ħafna biex ix-xjenzati jifhmu aħjar l-oriġini u l-karatteristiċi tagħhom.
Hawking ħadem ħafna fuq l-oriġini tal-univers. Stabbilixxa kważi b’ċertezza li l-univers li ngħixu fih inħoloq f’mument u f’punt partikolari mal-15-il biljun sena ilu. Fl-istess ħin bit-teoriji tiegħu jispekula dwar l-eżistenza ta’ universi differenti u tagħna huwa biss wieħed minnhom.
Stephen Hawking għamel ħafna snin jippriedka t-Teorija ta’ Kollox, tant li film dwar ħajtu maħruġ fl-2014 jġib propju dak l-isem, The Theory of Everything. Iżda aktar ma għadda żmien, Hawking evolva l-ħsieb tiegħu u sar xettiku dwar kemm tista’ titfassal teorija li tispjega dak kollu ta’ madwarna.
Ateiżmu
immodifikaImrobbi f’familja nisranija, Hawking sar ateu u ddikjara li Alla ma jeżistix. Madanakollu xorta waħda kien isostni li l-univers qisu ddisinjat bi ħsieb. Probabbli li l-ideat tiegħu dwar Alla u r-reliġjon wasslu lill-ewwel mara tieghu, Jane Wilde, biex titbiegħed minnu. U filwaqt li ġibed l-antipatija ta’ esponenti ewlenin ta’ reliġjonijiet differenti, xorta waħda kien hemm min laqgħu, fosthom il-Papa Benedittu u l-Papa Franġisku.
Mewt
immodifikaIx-xjenzat Stephen Hawking, li qatta’ ħajtu jispjega l-aktar affarijiet ikkumplikati tax-xjenza minn fuq siġġu tar-roti, miet matul il-lejl fl-eta’ 76 sena.
Fil-messaġġ tal-familja, wliedu Lucy, Robert u Tim qalu li missierhom kien xjenzat kbir li l-kuraġġ u l-umoriżmu li kellu ispiraw lil miljuni madwar id-dinja. Darba fost l-oħrajn Hawking kien irrappurtat li qal hekk, "Ma tantx tkun tista’ ssejjaħlu univers dan li qed ngħixu fih, li kieku ma kienx fih ukoll il-persuni li tħobb".
Legat
immodifikaMoħħ Hawking kien deskritt minn ħafna bħala "brillanti". Tant kien moħħ kbir, li għal xi wħud jista' jitqies bħala s-suċċessur ta' Albert Einstein. Għal oħrajn lil Einstein għaddieh.
Film
immodifikaThe Theory of Everything huwa film ta' sagħtejn dirett minn James Marsh, bl-atturi ewlenin ikunu Eddy Redmayne, Felicity Jones, u David Thewlis. Film drammatiku u bijografiku, ibbażat fuq il-ktieb ta’ Jane Hawking: Travelling to Infinity: My Life with Stephen. Film dwar il-ħajja tax-xjenzat famuż tal-fiżika, Stephen Hawking mill-lenti tal-ex mara tiegħu, Jane. Film li juri l-isforzi kbar psikoloġiċi u emozzjonali li Jane għaddiet minnhom fil-ħajja tagħha ma Hawking, imma li fl-istess waqt juri wkoll l-intelliġenza u l-kuraġġ ta’ Hawking.
Fl-1963 Stephen Hawking ta’ 22 sena jkun student brillanti fl-universita’ ta’ Cambridge, għadu inċert f’liema qasam irid jispeċjaliżża. Huwa twil, irqiq u ta’ dehra goffa u xi ftit żgarbat, iżda dan ma’ jwaqqfux milli jibni relazzjoni ma Jane, studenta attraenti ta’ l-arti.
Hekk kif it-tnejn li huma jsiru jħobbu lil xulxin u Hawking jibda juri interess qawwi fli jistudja l-oriġini ta’ l-universe, isir jaf li qed isofri minn kundizzjoni msejħa ALS (Lou Gehrig’s Disease); moħħu se jibqa’ ċar imma l-kontroll tiegħu fuq ġismhu se jiddeterjora. It-tobba jagħtuh sentejn oħra ħajja.
Hawkings jaqa’ f’dipressjoni u tkun Jane li tinkoraġġih biex ikompli jgħix. Hawking u Jane jiżżewġu u jkollhom tlett itfal. Hawking jispiċċa f’si[[u tar-roti u anke jitlef il-vuċi tiegħu. Maż-żmien Jane tegħja tieħu ħsieb Hawking u t-tfal u tfittex l-għajnuna ta’ oħrajn, fosthom nurse full-time li eventwalment issir it-tieni mara tiegħu wara li jissepara minn ma' Jane.