Fidel Castro: Differenza bejn il-verżjonijiet

Content deleted Content added
Paġna ġdida: Fidel Castro (Biran, Kuba, 13 ta' Awwissu, 1926 - 25 ta' Novembru, 2016) kien rivoluzzjonarju Kuban li mexxa lil Kuba mill-1959 sal-2008. Taħt it-tmexxija tiegħu, Kuba saret stat...
(L-ebda differenza)

Reviżjoni ta' 06:55, 27 Novembru 2016

Fidel Castro (Biran, Kuba, 13 ta' Awwissu, 1926 - 25 ta' Novembru, 2016) kien rivoluzzjonarju Kuban li mexxa lil Kuba mill-1959 sal-2008. Taħt it-tmexxija tiegħu, Kuba saret stat soċjalista b'partit wieħed, l-industrija u n-negozju ġew nazzjonalizzati u riformi soċjalisti ġew implimentati fis-soċjetà.

Tfulija

Bin bidwi Spanjol għani, huwa studja l-liġi fl-Università ta' Havana fis-snin erbgħin, minn fejn adotta politika xellugija anti-imperjalista.

Ir-Rivoluzzjoni Kubana

Kuba għaddiet minn taħt diversi dittatorjati, li matulhom il-ħeġġa għar-riforma ħalliet postha għal korruzzjoni u ripressjoni, l-aktar taħt Gerardo Machado (1925–33) u s-suċċessur tiegħu, Fulgencio Batista y Zaldgvar li kien ħaġa waħda mal-Istati Uniti.

Fl-1 ta’ Jannar 1959, Castro ħa t-tmexxija tal-pajjiż wara rivoluzzjoni popolari kontra d-dittatur Batista. Kien hemm ħafna sezzjonijiet tal-pajjiż li raw ħafna tajjeb f'Castro, bħal ngħidu aħna l-Ġiżwiti. Ħalliha li mbagħad wara, ir-rivoluzzjoni ħadet xejra anti-Kattolika.

Castro mill-ewwel beda jwettaq programm ta’ riformi ekonomiċi u soċjali iżda mingħajr ma ta lura lill-pajjiż il-libertajiet li kien wiegħed qabel ma ħa l-poter. Dawk li bdew jopponuh intefgħu l-ħabs jew inqatlu.

Bil-mod il-mod, Castro innazzjonalizza kollox, ħafna drabi mingħajr ma ta xi kumpens lis-sidien ta’ qabel tal-kumpaniji.

Kuba u l-Istati Uniti

Castro speċjalment fl-ewwel snin tiegħu bħala politiku pinġa lilu nnifsu bħala ċ-champion ta' liberaliżmu kontra dak li ħafna kienu jikkonsidraw bħala l-imperjaliżmu kapitalista tal-Istati Uniti fl-Amerika Latina.

Castro kien element qawwi fil-Gwerra Bierda, fiż-żmien meta l-ideoloġiji kienu importanti ħafna fil-politika. Fl-1962 l-Amerika mponiet embargo fuq l-esportazzjoni minn Kuba li ħalla effett ħażin fuq l-ekonomija Kubana.

Ir-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Amerika komplew jiħżienu fil-bidu tas-snin 60 meta madwar 1,400 Kuban imħarrġin mic-CIA Amerikana ppruvaw jinvadu lil Kuba biex ineħħu lil Castro mill-poter, fil-magħrufa Bay of Pigs (1961), disfatta kbira għall-Gvern ta’ Kennedy.

Fl-1962 qamet il-kriżi tal-missili nukleari tal-Unjoni Sovjetika f’Kuba li wasslet biex is-Sovjetiċi jirtiraw il-missili fuq l-insistenza ta’ l-Amerikani. L-involviment ta’ Kuba fl-Amerika ċentrali, l-Afrika u l-Karibew komplew żiedu l-antipatija lejhom min-naħa ta’ l-Amerikani.

Staġnar ekonomiku

F’pajjiżu, Castro rnexxielu jeqred kważi għal kollox l-illitteriżmu, iżda l-ekonomija kellha bżonn għajnuna kbira.

Il-bidliet kbar li seħħew fis-snin tmenin fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant, u t-tmiem ta’ l-Unjoni Sovjetika ħallew lil Kuba iżolata politikament, filwaqt li l-embargo ta’ l-Amerikani kompla jagħmel ħafna ħsara lill-ekonomija Kubana.

Fi Frar 1996, jet fighters Kubani waqqgħu żewġ ajruplani Amerikani li kienu qed ituru fl-ispazju ta’ l-ajru Kuban. L-embargo Amerikan sar iktar strett.

Riformi

Fil-21 ta’ Jannar 1998 il-Papa Ġwanni Pawlu II beda żjara f’Kuba fejn appella biex “Kuba tinfetaħ għad-dinja u d-dinja għal Kuba.”.

It-transizzjoni ta' poter li seħħet fl-aħħar għaxar snin ta' Fidel Castro għal ħuħ Raul, fissret bidu ta' riforma. Il-ftuħ ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn Kuba u l-Istati Uniti fi żmien il-presidenza Obama jistgħu jwasslu għal riformi ekonomiċi ta' ġid għall-pajjiż u l-poplu Kuban.

Mewt

Wara li tħabbret il-mewt ta' Fidel Castro, il-Gvern Kuban ħabbar disat ijiem ta' luttu. Tul dan il-perjodu attivitajiet pubbliċi mhux se jsiru filwaqt li l-bnadar se jittajru mezzasta.

Kien f'April 2016, meta għall-aħħar darba Fidel Castro indirizza l-Partit Komunista. Huwa ħeġġeġ lill-membri kollha tal-Partit biex jżommu l-ideali tar-rivoluzzjoni ħajjin.

Kien hemm diversi reazzjonijiet ta' mexxejja dinjija hekk kif tħabbret il-mewt ta' Castro.

Il-President Russu Vladimir Putin li ddeskriva lil Castro bħala simbolu ta' era u bħala ħabib tar-Russja.

Il-President Amerikan Barack Obama offra l-kondoljanzi għall-famija Castro. Il-President Amerikan tenna li hija l-istorja li se tiġġudika lil Fidel Castro. Min-naħa tiegħu l-President Elett Donald Trump fi tweet qal sempliċiment “Fide Castro is Dead!”

Il-Papa Franġisku qal li l-mewt ta' Fidel Castro hija aħbar ta' niket u wassal il-kondoljanzi lil ħuħ Raul Castro.

Min-naħa l-oħra l-eks-Mexxej Sovjetiku Mikhail Gorbachev li qal li minkejja d-diffiklutajiet kollha, Castro rnexxielu jmexxi lill-pajjiż fit-triq ta' żvilupp indipendenti.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Indjan Narendra Modi ddeskriva lil Castro bħala wieħed mill-aktar personalitajiet ikoniċi tas-seklu 20.

Reazzjonijiet oħra waslu minn Mexxejja tal-Amerika Latina fosthom, il-President Messiakn Enrique Pena Nieta li ddeskiva lil Castro bħala ħabib tal-Messiku.

Min-naħa l-oħra, il-President Franċiż Francois Holland qal li Castro kien figura mportanti tas-seklu 20. Tenna li madankollu Franza kkundannat l-abbużi tad-drittijiet umani li seħħew f'Kuba.

Filwaqt li l-Kubani li jgħixu f'Kuba kienu mnikkta b'din l-aħbar mhux l-istess jista jingħad għal Kubani li jgħixu f'Miami. Rapporti qalu li għadd ta' Kubani li jgħixu f'Little Havana ħarġu jiċċelebraw il-mewt ta' Fidel Castro. Huma nstemgħu jgħidu “Cuba si! Castro no!”