Saryarka
Saryarka (bil-Każak: saryarka, li tfisser "wita safra") hija parti watja mir-reġjun muntanjuż tal-Każakistan, b'pajsaġġ enormi ta' 450,344 ettaru magħmul minn steppi u lagi fit-Tramuntana tal-Każakistan.[1] Saryarka ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-7 ta' Lulju 2008[2] u tinkludi żewġ riżervi naturali: ir-Riżerva Naturali Statali ta' Naurzum fil-Provinċja ta' Kostanay u r-Riżerva Naturali Statali ta' Korgalzhyn fir-Reġjun ta' Aqmola.[3]
Iż-żewġ riżervi fihom artijiet mistagħdra li jservi bħala punti ta' waqfa importanti għall-għasafar li jpassu mill-Afrika, mill-Ewropa u min-Nofsinhar tal-Asja sal-postijiet tat-tnissil tagħhom fil-Punent u fil-Lvant tas-Siberja. Huwa stmat li bejn 15 u 16-il miljun għasfur, fosthom speċijiet mhedda, jużaw is-siti bħala postijiet fejn l-għasafar jieqfu biex jieklu u għalhekk huma postijiet magħrufa sew fost dawk li jħobbu josservaw l-għasafar. Il-fjamingi roża u l-pellikani b'mod partikolari huma attrazzjoni kbira fir-Riżerva Naturali Statali ta' Korgalzhyn.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaSaryarka hija sit ta' wirt naturali dinji tal-UNESCO u tqies li għandha valur straordinarju universali abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar", ladarba hemm spazji kbar ta' artijiet mistagħdra u ta' bwar mhux mimsusa li huma partikolari tal-Asja Ċentrali, u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni", ladarba jpassu speċijiet rari bħall-grawwijiet tas-Siberja jew fejn jgħixu b'mod permanenti ħafna żwiemel fil-beraħ u fis-selvaġġ kif ukoll speċijiet ta' fawna selvaġġa rari tal-isteppi tal-Każakistan, fosthom il-marmotti, il-lupi u s-sajga (speċi ta' antilopi mneħirhom minfuħ).[3]
Referenzi
immodifika- ^ "Kazakh Uplands region, Kazakhstan" (bl-Ingliż). Encyclopedia Britannica. Miġbur 2021-02-26.
- ^ "Twenty-seven new sites inscribed" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-26.
- ^ a b "Saryarka – Steppe and Lakes of Northern Kazakhstan" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre. Miġbur 2021-02-26.
- ^ "Korgalzhyn State Nature Reserve :: Kazakhstan reserves. The Biggest nature reserves in Kazakhstan". www.orexca.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-02-26.