Riżerva tal-Fawna ta' Dja

riżerva u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Kamerun

Ir-Riżerva tal-Fawna ta' Dja (bil-Franċiż: Réserve de faune du Dja, Réserve de Biosphère Dja), tinsab fix-Xlokk tal-Kamerun, u tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987[1] bis-saħħa tad-diversità ta' speċijiet preżenti fil-park, il-preżenza ta' ħames speċijiet mhedda ta' mammiferi, u n-nuqqas ta' attività umana fi ħdan il-park. Ir-riżerva tal-fawna hija ġestita mis-Servizzi ta' Konservazzjoni ta' Dja (DCS), immexxija minn konservazzjonista. Ir-riżerva tingħata appoġġ sinifikanti għall-ġestjoni tagħha permezz ta' bosta proġetti ffinanzjati minn sħab internazzjonali u entitajiet li jappoġġaw il-konservazzjoni fil-Kamerun.

Kenura fix-xmara Dja.

Ix-xmara Dja tinsab kważi mad-dawra kollha tar-riżerva u tifforma konfini naturali madwar erja ta' 5,260 kilometru kwadru (1,300,000 akru).

 
Id-daħla li tagħti aċċess għar-riżerva.

Ir-Riżerva tal-Fawna ta' Dja nħolqot fl-1950 u saret Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987. Tifforma parti integrali mill-foresti tropikali densi li jiffurmaw il-Baċir tal-Kongo. Ir-riżerva hija waħda mill-ikbar riżervi u fost l-iktar protetti fi ħdan iż-żoni ta' foresti tropikali tal-Afrika, b'madwar 90 % tal-erja tagħha li mhix mittiefsa. Ir-Riżerva tal-Fawna ta' Dja hija speċjalment notevoli għad-diversità ta' speċijiet ta' primati li tipproteġi, inkluż il-mangabey tal-kullar abjad, il-mandrill, id-drill, il-gorilla tal-artijiet baxxi tal-Punent u ċ-chimpanzee. Tmiss mar-riżerva tal-Kongo msejħa l-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua u mal-Park Nazzjonali ta' Minkébé fil-Gabon, u b'hekk jiffurmaw l-hekk imsejħa TRIDOMarea, li hija żona importanti għall-protezzjoni tal-ħabitat tal-foresti tropikali Afrikani tal-baċir tal-Kongo.[2]

Flora u fawna

immodifika

Fir-riżerva jgħixu iktar minn 1,500 speċi magħrufa ta' pjanti, iktar minn 107 speċijiet ta' mammiferi (inkluż l-iljunfanti tal-foresti u l-leopard) u iktar minn 320 speċi ta' għasafar. Hemm ukoll popolazzjoni ta' pigmej Baka li jgħixu b'mod relattivament tradizzjonali fi ħdan il-konfini tar-riżerva. Dawn jikkonferixxu valur kulturali rikonoxxut lis-sit u jitħallew jikkaċċjaw bl-użu ta' metodi tradizzjonali, għalkemm l-agrikoltura u l-kaċċa professjonali huma pprojbiti.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Ir-Riżerva tal-Fawna ta' Dja ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Dja Faunal Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-19.
  2. ^ "WWF - Building a future in which humans live in harmony with nature". wwf.panda.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-19.