Riżerva Naturali ta' Bashkiriya

riżerva naturali fil-Baxkortostan, ir-Russja

Ir-Riżerva Naturali ta' Bashkiriya jew ta' Zapovednik (bir-Russu: Башкирский; bil-Baxkir: Башҡортостан дәүләт ҡурсаулығы) tinsab fil-parti ċentrali tal-Muntanji Ural (tan-Nofsinhar) tal-Baxkortostan . Fiha xaqlibiet muntanjużi bil-foresti mix-xaqlibliet tal-Punent tal-Muntanji Ural tan-Nofsinhar sax-xmara Kaga, b'tranżizzjoni viżibbli minn foresti muntanjużi għal foresti tal-isteppa. Ir-riżerva tinsab fid-Distrett ta' Burzyansky tal-Baxkortostan.[1][2]

Veduta tar-riżerva naturali

Topografija

immodifika

Ir-riżerva hija kkonfinata lejn it-Tramuntana mix-xmara Kaga, lejn il-Lvant mill-qċaċet tan-Nofsinhar tal-Muntanji Ural, lejn in-Nofsinhar mix-xmara Uzyan, u lejn il-Punent mill-muntanji ta' Krakovja. Il-qċaċet ta' bosta ktajjen muntanjużi huma llixxati u miksija bil-foresti. Il-foresti jinsabu wkoll fuq ix-xaqlibiet tal-muntanji fil-Lvant tat-tranżizzjoni tar-riżerva lejn l-isteppa u iktar fil-baxx hemm il-mergħat.[1]

Klima u ekoreġjun

immodifika

Ir-Riżerva Naturali ta' Bashkiriya tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-foresti muntanjużi tal-Ural u l-ekoreġjun tat-tundra, li huwa żona fejn jiltaqgħu ż-żoni tal-veġetazzjoni Ewropej u Asjatiċi (fil-Muntanji Ural) (ID #610 tad-WWF).[3]

Il-klima tar-Riżerva Naturali ta' Bashkiriya hija klima kontinentali umduża, bi sjuf friski (klima Subartika skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen (Dfc)). Din il-klima hija kkaratterizzata minn sjuf miti (minn xahar sa tliet xhur biss 'il fuq minn 10 °C (50.0 °F)) u minn xtiewi kesħin u bil-borra (l-iksaħ xhar ikollu temperatura ta' −3 °C (26.6 °F)).[4][5]

Flora u fawna

immodifika
 
Wieħed mill-anfibji li jgħixu fir-riżerva

Minħabba l-post fejn tinsab, f'punt fejn jiltaqgħu diversi ekoreġjuni, ir-riżerva għandha livelli għoljin ta' bijodiversità. Il-veġetazzjoni tinkludi tipi Siberjani, Ewropej, Asjatiċi Ċentrali u Artiċi. Il-foresti jkopru 80 % tar-riżerva; il-biċċa l-kbira foresti boreali tas-siġar taż-żnuber u tal-lerċi, b'xi sezzjonijiet tar-riżerva b'betulli twal. Tul ix-xmajjar iktar fil-baxx hemm meded ta' foresti tal-alnu u taż-żafżafa.[2] Ir-riżerva fiha 812-il speċi ta' pjanti vaskulari, 95 speċi ta' algi, 42 speċi ta' fungi (makromiċiti), 322 speċi ta' likeni, u 124 speċi ta' ħażiż. L-annimali tar-riżerva huma tipiċi tal-foresti tan-Nofsinhar tal-Ural: orsijiet kannella, skojjattli, linċi, skojjattli ħomor, u gallozzi. Fir-riżerva ġew irreġistrati 275 speċi ta' vertebrati, inkluż 17-il speċi ta' ħut, tliet speċijiet ta' anfibji, sitt speċijiet ta' rettili, 196 speċi ta' għasafar u 53 speċi ta' mammiferi. In-nixxigħat kesħin u rapidi fihom it-troti.[2]

Ġestjoni

immodifika

Fir-riżerva hemm mużew naturali, iżda biex wieħed iżur it-territorju tar-riżerva huwa meħtieġ permess mit-tim tal-ġestjoni tar-riżerva. Barra minn hekk, għadd limitat biss ta' rotot ekoloġiċi jistgħu jintużaw mill-gwidi.[2]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "История заповедника". bashzapovednik.ru (bir-Russu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-01-28. Miġbur 2022-04-19.
  2. ^ a b ċ d "Главная страница ● Особо Охраняемые Природные Территории (ООПТ)". www.zapoved.ru. Miġbur 2022-04-19.
  3. ^ "Mappa tal-ekoreġjuni". ecoregions2017.appspot.com. Miġbur 2022-04-19.
  4. ^ "Kottek, M., J. Grieser, C. Beck, B. Rudolf, and F. Rubel, 2006. "World Map of Koppen-Geiger Climate Classification Updated" (PDF). Gebrüder Borntraeger 2006" (PDF).
  5. ^ "Data Catalog". datacatalog.worldbank.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-19.