Repubblika Sovjetika ta’ Don
Ir-Repubblika Sovjetika ta’ Don (bir-Russu: Донская советская республика, b’ittri Rumani: Donskaya Sovetskaya Respublika) kienet repubblika Sovjetika għal ftit xhur tar-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa li eżistiet minn Marzu sa Mejju 1918.[1]
Ir-repubblika ġiet ipproklamata f’Marzu 1918 wara li l-Armata l-Bajda rtirat miż-żona. It-territorju tar-Repubblika Sovjetika ta’ Don kien dak tal-Oblast tal-Armata ta’ Don. F’Mejju, wara l-irvell tal-Armata ta’ Don u l-avvanzar tal-Ġermaniżi fir-reġjun bħala riżultat tat-Trattat ta’ Brest-Litovsk, ir-repubblika nħakmet u l-mexxejja tagħha ħarbu. Imbagħad, minflok ir-Repubblika Sovjetika ta’ Don, it-territorju beda jissejjaħ ir-Repubblika tal-Armata ta’ Don.[2]
Storja
immodifikaIr-Repubblika Sovjetika ta’ Don ġiet ipproklamata fit-23 ta’ Marzu 1918 u l-belt kapitali tagħha kienet Rostov-na-Donu. It-territorju tar-repubblika kien jinkludi l-Oblast tal-Armata ta’ Don u parti mill-Governorat ta’ Yekaterinoslav, wara li l-Armata tal-Voluntiera u l-forzi tal-Armata ta’ Don ta’ Alexey Kaledin irtiraw miż-żona. Bejn id-9 u l-14 ta’ April, kungress reġjonali ta’ Sovjetiċi eleġġa Kumitat Eżekuttiv Ċentrali (KEĊ) ta’ 26 Bolxevik u 24 Rivoluzzjonarju Soċjalist tax-Xellug għar-repubblika. Il-KEĊ, min-naħa tiegħu, sawwar Kunsill ta’ Kummissarji tal-Poplu (Sovnarkom), li kien immexxi minn Fyodor Podtyolkov tal-Armata l-Ħamra. Persunal Straordinarju mmexxi minn Sergo Ordzhonikidze ġie stabbilit ukoll biex jorganizza d-difiża tar-repubblika.[1]
Ir-Repubblika Sovjetika ta’ Don bdiet titlef is-sostenn bħala riżultat tar-rekwiżizzjonijiet tal-ikel u l-ġustizzjar ta’ “kontrorivoluzzjonarji” ssuspettati. F’April, kien hemm irvell ġenerali tal-Armata ta’ Don, u mill-1 ta’ Mejju t-truppi Ġermaniżi wkoll daħlu fit-territorju tar-repubblika, bħala riżultat tat-Trattat ta’ Brest-Litovsk. Fis-6 ta’ Mejju, l-Armata ta’ Don immexxija minn Pyotr Krasnov ħakmet il-belt kapitali Rostov-na-Donu, li kienet okkupata mit-truppi Ġermaniżi. Il-mexxejja tar-Repubblika Sovjetika ta’ Don ħarbu lejn Tsaritsyn, iżda Podtyolkov inqabad u ġie ġustizzjat mill-Armata ta’ Don. Ir-Repubblika ta’ Don imbagħad ħadet il-kontroll tat-territorju tar-Repubblika Sovjetika ta’ Don. Madankollu, ir-Repubblika Sovjetika ta’ Don ġiet abolita uffiċjalment mill-gvern Sovjetiku f’Settembru peress li l-mexxejja kienu baqgħu f’Tsaritsyn.[2]
Referenzi
immodifika- ^ a b Smele, Jonathan D. (2015). Historical Dictionary of the Russian Civil Wars, 1916-1926. London: Rowman & Littlefield. ISBN 9781442252813. p. 337.
- ^ a b Holquist, Peter (2002). Making War, Forging Revolution: Russia's Continuum of Crisis, 1914-1921. Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press. ISBN 9780674009073. p. 171.