Pont du Gard
Il-Pont du Gard huwa l-ogħla pont u akkwedott Ruman u wieħed mill-aħjar li ġie ppreservat, tant li fl-1985 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-importanza storika tiegħu.[1]
Għal xi żmien kien jingħad li l-Pont du Gard inbena madwar is-sena 19 Q.K. Imma, skavi ġodda wrew li l-bini sar f'nofs l-ewwel seklu W.K. Ix-xogħol tal-bini huwa attribwit lil Marcus Vipsanius Agrippa, l-assistent ta' Ċesri Awgustu.[3]
Dan il-pont huwa ddisinjat biex iġorr l-ilma minn naħa għall-oħra tax-xmara Gardon. Fil-fatt jagħmel parti minn akkwedott ta' 50 kilometru li jġib l-ilma min-nixxiegħa maġenb Uzes sal-kolonja Rumana ta' Nemausus, magħrufa llum bħala Nîmes.[4]
Il-Pont du Gard hu mibni fuq tliet livelli:
- il-livell ta' taħt: fih sitt arkati, twil 142 metru, b'sitt metri ħxuna, u għoli ta' 22 metru.
- il-livell tan-nofs: fih 11-il arkata, twil 242 metru b'erba' metri ħxuna, u għoli ta' 20 metru.
- il-livell ta' fuq: fih 35 arkata, twil 275 metru bi tliet metri ħxuna, u għoli ta' seba' metri.
Fl-ewwel livell hemm triq u fuq it-tielet livell, hemm tubu tal-ilma, li hu fond 1.8 metru u wiesa' 1.2 metru.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Pont du Gard ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 u fl-2007 saret modifika minuri fil-konfini tas-sit.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pont du Gard (Roman Aqueduct)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-31.
- ^ "The Pont du Gard". www.france.fr (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-31.
- ^ "Le Pont du Gard, un ouvrage antique | Site du Pont du Gard". www.pontdugard.fr. Miġbur 2021-07-31.
- ^ a b "The Pont du Gard". www.france.fr (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-31.