Pitons

żewġ qċaċet vulkaniċi f'Saint Lucia

Il-Pitons huma żewġ qċaċet vulkaniċi li jinsabu f'Saint Lucia. Il-Gros Piton hija għolja 798.25 metru (2,618.9-il pied) u l-Petit Piton hija s-743 metru (2,438 pied); iż-żewġ pitons huma kkollegati permezz tal-katina muntanjuża tal-Piton Mitan. Il-Pitons huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO b'daqs ta' 2,909 ettari (7,190 akri), u jinsabu qrib ir-raħal ta' Soufrière.[1]

Veduta tal-Pitons u tal-Baħar Karibew mill-ajru: il-Petit Piton fuq ix-xellug u l-Gros Piton fuq il-lemin.

Ġeografija

immodifika

Il-Pitons jinsab qrib l-irħula ta' Soufrière u Choiseul tul il-kosta tal-Lbiċ tal-gżira, fid-distretti elettorali nri 3 u 10. Il-Pitons jinsabu fuq iż-żewġ naħat tal-Bajja ta' Jalousie.

Flora u fawna

immodifika

L-iskolli tal-qroll ikopru kważi 60 % taż-żona marittima tas-sit. Stħarriġ żvela li f'din iż-żona jgħixu 168 speċi ta' ħut tal-pinna, 60 speċi ta' cnidaria, inkluż qroll, tmien molluski, 14-il sponża, 11-il ekinodermi, 15-il artropodi u tmien annelidi. Il-veġetazzjoni terrestri dominanti hija foresta tropikali bl-indewwa li tvarja minn foresta subtropikali niedja, għal żoni żgħar ta' foresta niexfa u boskijiet niedja tal-elfini fuq il-qċaċet. Mill-inqas 148 speċi ta' pjanti ġew irreġistrati fuq il-Gros Piton u 97 speċi fuq il-Petit Piton u l-katina muntanjuża bejn iż-żewġ Pitons, fosthom tmien speċijiet ta' siġar rari. Il-Gros Piton jospita madwar 27 speċi ta' għasafar (ħamsa minnhom endemiċi), tliet rodituri indiġeni, opossum, tliet friefet il-lejl u tliet anfibji.[1]

Ġeoloġija

immodifika

Il-kumpless vulkaniku jinkludi roqgħa ġeotermali fejn joħorġu gassijiet tal-kubrit u fawwariet sħan.

Gros Piton

immodifika

Il-Gros Piton tinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Bajja tal-Pitons. Din hija t-tieni l-ogħla quċċata ta' Saint Lucia, wara l-Muntanja ta' Gimie.

Wieħed jista' jixxabbat mal-Gros Piton mingħajr ħbula jew xi esperjenza partikolari fit-tixbit. Wieħed jista' jimxi u jixxabbat sal-quċċata u jerġa' jinżel sal-livell tal-baħar fi żmien diversi sigħat. Wieħed jista' jikseb is-servizzi tal-gwidi lokali (tipikament wara li jikkuntattja xi lukanda) li jitħarrġu mill-gvern biex ikollhom għarfien bażiku tal-lingwi l-iktar komuni fost it-turisti u tal-proċeduri mediċi meħtieġa f'ka' ta' aċċidenti komuni.[1]

Petit Piton

immodifika

Il-Petit Piton tinsab iktar lejn nofs il-Bajja ta' Soufrière, fin-Nofsinhar ta' Soufrière u fit-Tramuntana tal-Gros Piton.

Abdome Deligny ixxabbat mal-Petit Piton għall-ewwel darba fl-1878. Meta jinzerta bnazzi, wieħed jista' jilmaħ il-gżejjer ta' Dominica, Martinique, Barbados u Saint Vincent mill-quċċata tagħha.[2]

Kultura popolari

immodifika

Id-ditta lokali tal-birra ta' Saint Lucia magħmula mill-Birrerija ta' Windward & Leeward jisimha "Pitons".[3]

Iż-żewġ muntanji huma attrazzjoni għat-turisiti li jħobbu jimxu u/jew jixxabbtu. Il-Fondazzjoni ta' Soufrière, grupp mingħajr skop ta' qligħ li jieħu ħsieb il-preservazzjoni tal-Pitons, jorganizza wkoll żjarat sal-qċaċet għal kull min ikun interessat.

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pitons Management Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-12.
  2. ^ Devaux, Robert (1975). Saint Lucia Historic Sites. Saint Lucia National Trust. p. 101.
  3. ^ "Windward & Leeward Brewery Limited - Piton Beer, St. Lucia". web.archive.org. 2016-04-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-04-03. Miġbur 2023-02-12.