Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon

park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Java, l-Indoneżja

Il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon jinsab fix-xifer l-iktar fil-Punent ta' Java, fil-provinċja ta' Banten, fl-Indoneżja. Jinkludi l-grupp ta' gżejjer vulkaniċi ta' Krakatoa fil-provinċja ta' Lampung, kif ukoll gżejjer oħra, fosthom Panaitan, u gżejriet oħra lil hinn mill-kosta bħal Handeuleum u Peucang fl-Istrett ta' Sunda.

Krakatoa f'Jannar 2016

"Ujung Kulon" litteralment tfisser "ix-Xifer jew il-Ponta tal-Punent". Il-park tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Ġeografija

immodifika

Il-park fih erja ta' 1,206 km2 (466 mil kwadru; li minnhom 443 km2 (171 mil kwadru huma fil-baħar), u l-biċċa l-kbira minnha tinsab fuq peniżola li twassal sal-Oċean Indjan. L-esplożjoni ta' Krakatoa fil-qrib fl-1883 ipproduċiet tsunami (mewġa ġganteska) li eliminat il-villaġġi u l-għelejjel taż-żoni kostali tal-peniżola tal-Punent, u ksiet iż-żona kollha b'saff ta' rmied bi ħxuna medja ta' 30 ċentimetru (12-il pulzier). Dan l-avveniment ikkawża l-evakwazzjoni totali tal-bnedmin kollha mill-peniżola, u b'hekk setgħet issir repożitorju għall-biċċa l-kbira tal-flora u tal-fawna ta' Java, kif ukoll għall-biċċa l-kbira tal-kumplament tal-foresti fuq art baxxa fil-gżira.

 
Makakk (Macaca fascicularis) fil-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon

Il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon huwa l-ewwel park nazzjonali propost fl-Indoneżja u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991 peress li fih l-ikbar foresta tropikali fuq art baxxa li għad fadal f'Java. L-iżbroffar ta' Krakatoa fl-1883 u t-tsunami sussegwenti qerdu bosta insedjamenti umani li qabel kienu fiż-żona tal-park u li mbagħad qatt ma reġgħu ġew popolati mill-ġdid.[2]

Xi partijiet mill-park nazzjonali u s-Sit ta' Wirt Dinji attwali ilhom protetti mill-bidu tas-seklu 20. Krakatoa (jew pjuttost it-tliet gżejriet li fadal) ġiet iddikjarata bħala Riżerva Naturali fl-1921, segwita mir-Riżervi Naturali ta' Pulau Panaitan u ta' Pulau Peucang fl-1937, ir-Riżerva Naturali ta' Ujung Kulon fl-1958, ir-Riżerva Naturali ta' Gunung Honje fl-1967, u l-iżjed reċenti l-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon fl-1992. Fl-2005 il-park ġie ddeżinjat bħala Park ta' Wirt Naturali tal-ASEAN.[3]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Flora u fawna

immodifika
 
Banteng fil-park fl-1941

Il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon huwa l-aħħar refuġju magħruf għar-rinoċeront ta' Java li huwa speċi f'periklu kritiku wara li xi nassaba qatlu l-aħħar rinoċeront li kien għad fadal fil-Park Nazzjonali ta' Cát Tiên fil-Vjetnam, fejn kien għad hemm popolazzjoni żgħira ta' 10 individwi jew inqas fl-2010. Huwa stmat li l-popolazzjoni tar-rinoċeronti ta' Java fil-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon kienet tlaħħaq l-40-60 rinoċeront fis-snin 80 tas-seklu 20.[4] Bejn l-2001 u l-2010 ġew identifikati 14-il ferħ ta' rinoċeront permezz ta' nases bil-kameras u bil-filmati.[5] Abbażi tar-reġistrazzjonijiet li saru bejn Frar u Ottubru 2011, ġew identifikati 35 rinoċeront, li minnhom 22 kienu maskili u 13 kienu femminili. Minnhom seba' kienu anzjani, 18 kienu adulti, ħamsa kienu frieħ, u ħamsa kienu għadhom kemm twieldu. B'żieda mis-snin preċedenti, fl-2013 kien hemm tmien frieħ, li minnhom tlieta kienu femminili, u 50 individwu adult, li minnhom 20 kienu femminili. Dawn ġew identifikati permezz ta' 120 kamera li ġibdu filmati billejl permezz ta' sensuri taċ-ċaqliq. Kienet data preċiża, għaliex kull rinoċeront għandu l-morfoloġija unika tiegħu bħala impronti, l-iktar it-tikmix tal-ġilda madwar l-għajnejn.

Sal-2013, iż-żoni tal-ikel tar-rinoċeronti bil-veġetazzjoni tat-tip Eupatorium odoratum naqsu minn 10 b'158 ettaru għal ħamsa b'20 ettaru. B'hekk żdiedet ukoll il-kompetizzjoni għall-postijiet tal-ikel bejn ir-rinoċeronti solitarji u l-banteng.[6]

Il-park jipproteġi wkoll 57 speċi rari ta' pjanti. Il-35 speċi ta' mammiferi jinkludu l-banteng, il-gibbun fiddien, il-lutung ta' Java, il-makakk wikkiel il-granċijiet, il-leopard ta' Java, id-dhole ta' Sumatra, il-ġurdien-ċerva ta' Java, ir-rusa ta' Java, u l-lontra tal-pil lixx. Barra minn hekk hemm ukoll 72 speċi ta' rettili u ta' anfibji, u 240 speċi ta' għasafar.

 
Tigra ta' Java fil-park, ritratt ta' Andries Hoogerwerf meħud fl-1938

L-istatus tal-kukkudrilli fi ħdan il-park ma tantx huwa magħruf; qajla jiġi osservat xi wieħed. Hemm rapporti li jgħix il-gharial falz fi ħdan il-park, iżda dawn mhumiex ikkonfermati. Barra minn hekk, il-kukkudrill tal-ilma baħar storikament kien preżenti fis-sistemi tax-xmajjar kostali kollha ta' Java iżda attwalment ġie sterminat f'dawn ir-reġjuni. Popolazzjonijiet iżolati żgħar tal-kukkudrill tal-ilma baħar ġew irrapportati li jeżistu fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Ujung Kulon, iżda dawn mhumiex ikkonfermati.

It-tigri ta' Java kienu jgħixu fiż-żona protetta sa nofs is-snin 60 tas-seklu 20 u mbagħad ġew estinti.[7]

Google Doodle

immodifika

Il-kumpanija tas-sit tat-tiftix Google, għenet biex jiżdied il-profil tal-park u ċċelebrat il-25 anniversarju tiegħu billi bidlet il-logo tal-Google għal "doodle" ta' żewġ rinoċeronti ta' Java. Id-doodle ntuża fl-Indoneżja fis-26 ta' Frar 2017.[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ujung Kulon National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-03.
  2. ^ Post, The Jakarta. "Ujung Kulon: Memories of paradise". The Jakarta Post (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-03.
  3. ^ "UNEP: Ujung Kulon" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-01-14. Miġbur 2022-05-03.
  4. ^ van Strien, N.J.; Steinmetz, R.; Manullang, B.; Sectionov, Han; K.H., Isnan; W., Rookmaaker; K., Sumardja; E., Khan; M.K.M. & Ellis, S. (2008). "Rhinoceros sondaicus". IUCN Red List of Threatened Species.
  5. ^ antaranews.com. "Javan rhinos breed at Ujung Kulon: WWF". Antara News. Miġbur 2022-05-03.
  6. ^ Jakarta, Koran. "Informasi Berita Terbaru Hari Ini". Koran-Jakarta.com (bl-Indoneżjan). Miġbur 2022-05-03.
  7. ^ Seidensticker, J.; Suyono, I. (1980). The Javan Tiger and the Meri-Betiri Reserve, a plan for management. Gland: International Union for the Conservation of Nature and Natural Resources.
  8. ^ "25th Anniversary of Ujung Kulon Park". www.google.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-03.