Park Nazzjonali ta' Kilimanjaro
Il-Park Nazzjonali ta' Kilimanjaro huwa park nazzjonali fit-Tanzanija li jinsab 300 kilometru (190 mil) fin-Nofsinhar tal-ekwatur u fir-Reġjun ta' Kilimanjaro, it-Tanzanija. Il-park jinsab qrib ir-reġjun ta' Moshi u jinkludi l-muntanja Kilimanjaro kollha 'l fuq mil-linja tas-siġar u l-medda kollha tal-foresta muntanjuża tal-madwar 'il fuq minn 1,820 metru (5,970 pied).[1][2] Ikopri erja ta' 1,688 kilometru kwadru (652 mil kwadru), u jinsab fil-koordinati GPS 2°50'–3°10'S 37°10'–37°40'E. Il-park huwa amministrat mill-Awtorità tal-Parks Nazzjonali tat-Tanzanija (TANAPA).[3] Ġie stabbilit bħala park nazzjonali fl-1973.
Il-park iġġenera generated US$51 miljun fi dħul fl-2013,[4] it-tieni l-iktar fost il-parks nazzjonali tat-Tanzanija,[5] u kien wieħed minn żewġ parks nazzjonali tat-Tanzanija biss li ġġenera surplus matul is-sena baġitarja 2012-2013.[6] Iż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Ngorongoro, li tinkludi l-Krater ta' Ngorongoro, mhix park nazzjonali. TANAPA rrapportat li l-park irreġistra 58,460 turist matul is-sena baġitarja 2012-2013, li minnhom 54,584 ruħ kienu barranin.[7] Mill-57,456 turist tal-park matul is-sena baġitarja 2011-2012, 16,425 ruħ marru jimxu fil-mogħdijiet tal-muntanja, li kien għadu ferm inqas mill-kapaċità massima ta' 28,470 ruħ kif speċifikat fil-Pjan ta' Ġestjoni Ġenerali tal-park.[8]
Storja
immodifikaFil-bidu tas-seklu 20, il-muntanja Kilimanjaro u l-foresti tal-madwar ġew iddikjarati riżerva naturali mill-gvern kolonjali Ġermaniż. Fl-1921, il-park ġie ddeżinjat riżerva forestali, u fl-1973, iż-żona muntanjuża 'l fuq mil-linja tas-siġar (madwar 2,700 metru (8,900 pied)) ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala park nazzjonali. Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[2] Fl-2005, il-park twessa' biex tiġi inkluża l-foresta muntanjuża kollha, li qabel kienet parti mir-Riżerva Forestali ta' Kilimanjaro.
Flora
immodifikaIl-veġetazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Kilimanjaro tista' tinqasam f'erba' żoni:
- iż-żona tal-foresta pluvjali (minn 1,801 metru sa 2,700 metru), mimlija veġetazzjoni folta ddominata mis-siġar għoljin;
- iż-żona tax-xagħri (minn 2,700 metru sa 4,000 metru), fejn jgħixu l-iktar speċijiet ta' arbuxxelli;
- iż-żona tad-deżert f'elevazzjoni għolja (minn 4,000 metru sa 5,000 metru), qisha deżert u b'ambjent ta' deżolazzjoni;
- iż-żona tal-quċċata (minn 5,000 metru sa 5,895 metru), li spiss tkun miksija bil-borra u tkun soġġetta għal kundizzjonijiet tat-temp estremi.
Żona tal-foresta pluvjali (minn 1,800 metru sa 2,700 metru)
immodifikaBla dubju din iż-żona hija l-iżjed waħda b'rikkezza ta' speċijiet veġetali, iddominata minn siġar għoljin u folti li jgħattu għalkollox il-mogħdijiet tal-mixi u jiffurmaw foresti sbieħ b'qishom "mini" tas-siġar. L-iżjed speċijiet ta' siġar għoljin preżenti huma: Macaranga kilimandscharica, Albizia schimperiana u Mitragyna rubrostipulata. Qrib dawn il-ġganti tal-veġetazzjoni jikbru siġar inqas għoljin, fosthom Tabernaemontana holstii, Xymalos monospora u Agauria salicifolia. Fost l-ispeċijiet ta' xtieli karatteristiċi ta' din iż-żona hemm l-orkidej tal-ġeneru Polystachya, xi speċijiet ta' Impatiens: Impatiens pseudoviola ta' lewn roża u Impatiens kilimanjari bil-fjuri ħomor skuri, u Mimulopsis kilimandscharica, pjanta li tarmi fjuri roża.
Fuq in-naħa tat-Tramuntana u tal-Punent, il-foresta tirċievi inqas xita u hemmhekk jikbru speċijiet differenti: eżemplari għoljin u mgħawġin ta' ġniebru (Juniperus procera), u żewġ speċijiet ta' siġar taż-żebbuġ, Olea africana, għolja sa 10 metri, u Olea kilimandscharica, għolja sa 30 metru.
Fl-elevazzjonijiet iktar għoljin, is-siġar jonqsu. Hemm eżemplari iżolati ta' diversi speċijiet ta' Podocarpus, ta' Ilex minutus u tas-siġar kbar ta' Ocotea usambarensis, li ġieli jlaħħqu għoli ta' 40 metru. Fiż-żoni iktar umdużi u mkennija tikber il-Hagenia abyssinica, bil-weraq kbir iniggeż, li tarmi fjuri ħomor skuri.
Żona tax-xagħri (minn 2,700 metru sa 4,000 metru)
immodifikaIktar fl-għoli mil-linja tas-siġar, is-siġar għoljin jgħebu għalkollox għalkemm xorta waħda hemm preżenza kbira ta' speċijiet veġetali. Iż-żona iktar baxxa tax-xagħri hija mimlija b'popolazzjonijiet kbar ta' Erica arborea li joħolqu effetti kromatiċi suġġestivi. L-iżjed pjanti partikolari ta' din iż-żona huma d-Dendrosenecio kilimanjari u d-Dendrosenecio johnstonii. Din tal-aħħar hija pjanta karatteristika b'zokk twil li jirfed warda wiesa' u mlaħħma bil-weraq. Barra minn hekk, tikber ukoll il-Lobelia deckenii, speċi tal-familja tal-Campanulae li tikber sa għoli ta' 3 metri, bi sbul vertikali karatteristiċi.
Il-pajsaġġ mgħoni wkoll b'bosta speċijiet li jispikkaw inqas iżda li joffru varjetà ta' sfumaturi kromatiċi: fosthom il-Hypericum revolutum bi fjuri sofor żgħar, il-Helichrysum kilimanjari bi fjuri sofor jgħajtu, il-Kniphofia thomsonii, il-Gladiolus watsonioides bi fjuri roża, l-orkidea Disa stairsii, bi fjuri roża jgħajtu, l-Anemone thomsonii, ir-Ranunculus oreophylus bi fjuri sofor, l-iScabiosa columbaria bi fjuri roża, l-Anthospermum usambarensis, arbuxxell li jixbaħ iċ-ċipress bi fjuri bojod, u l-iStoebe kilimandscharica b'weraq żgħir ħafna ta' lewn griż fiddien.
Żona tad-deżert f'elevazzjoni għolja (minn 4,000 metru sa 5,000 metru)
immodifikaIl-ħajja veġetali f'din iż-żona hija limitata għal ftit speċijiet ta' ħaxix b'kapaċità kbira ta' adattament għall-kundizzjonijiet ambjentali xejn favorevoli. Minbarra l-muski u l-likeni xeblikija, hemm ukoll eżemplari ta' Carduus chamaecephalus, b'għamla ċatta u bil-weraq bellusi u bix-xewk, eżemplari iżolati ta' Pentaschistis minor, magħrufa bħala "ħaxixet id-deżert", u speċijiet differenti ta' Helichrysum (H.kilimanjari, H.newii, H.cymosum, H.argyranthum, H.meyeri-johannis).
Il-Haplocarpha rueppellii u l-Haplosciadium abyssinicum huma żewġ speċijiet oħra li bis-saħħa tal-weraq bellusi fiddien tagħhom, jirnexxilhom jirriflettu r-radjazzjoni mix-xemx u jnaqqsu t-telf ta' ilma u ta' sħana, u b'hekk jirnexxilhom jgħixu f'dawn l-elevazzjonijiet.
Żona tal-quċċata (minn 5,000 metru sa 5,895 metru)
immodifikaMinħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi estremi ta' din iż-żona (temperaturi baxxi, radjazzjoni qawwija ħafna mix-xemx, ossiġenu mraqqaq) ma tantx hemm speċijiet li jirnexxilhom jibqgħu ħajjin f'dan l-ambjent.
Fost il-ftit speċijiet insibu l-Helichrysum newii u l-likeni tal-ispeċi Xanthoria elegans.
Fawna
immodifikaFil-park jgħixu varjetà ta' annimali. 'Il fuq mil-linja tas-siġar, il-hyrax tas-siġar ta' Kilimanjaro, id-duiker griż, u r-rodituri spiss jintlemħu. Il-bushbuck u d-duiker aħmar ġieli jintlemħu 'l fuq mil-linja tas-siġar f'xi postijiet. Il-bufli tal-Kap jinstabu fil-foresta muntanjuża u qajla fix-xagħri u fil-bwar tal-ħaxix. L-iljunfanti jinstabu bejn ix-xmajjar Namwai u Tarakia u xi kultant anke f'elevazzjonijiet iktar għoljin. Fil-foresti muntanjużi, jinstabu wkoll ix-xadini blu, il-colobuses bojod u suwed tal-Lvant, il-bushbabies u l-leopardi.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Nazzjonali ta' Kilimanjaro ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1987.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[2]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ "KINAPA UNESCO TRAINING". web.archive.org. 2018-09-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-09-30. Miġbur 2024-01-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Kilimanjaro National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-09.
- ^ "The official site of the Tanzania National Parks -Mount Kilimanjaro National Park". web.archive.org. 2012-09-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-23. Miġbur 2024-01-09.
- ^ Ghazali Musa; James Higham; Anna Thompson-Carr, eds. (2015). Mountaineering Tourism. Routledge. ISBN 978-1-317-66874-9. p. 285.
- ^ Ian Christie; Eneida Fernandes; Hannah Messerli; Louise Twining-Ward (2014). Tourism in Africa: Harnessing Tourism for Growth and Improved Livelihoods. World Bank Publications. ISBN 9781464801976. p. 258.
- ^ "The official site of the Tanzania National Parks - Corporate Information". web.archive.org. 2015-12-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-12-20. Miġbur 2024-01-09.
- ^ "DailyNews Online Edition - Wings of Kili: Paragliding from Africa's highest peak". web.archive.org. 2013-01-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-01-29. Miġbur 2024-01-09.
- ^ "The official site of the Tanzania National Parks - Latest news". web.archive.org. 2015-09-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2024-01-09.