Palazzi u Parks ta' Potsdam u Berlin
Il-Palazzi u Parks ta' Potsdam u Berlin (bil-Ġermaniż: Schlösser und Gärten von Potsdam und Berlin) huma grupp ta' kumplessi ta' palazzi u ġonna pajsaġġistiċi estiżi li jinsabu fir-reġjun ta' Havelland madwar Potsdam u l-belt kapitali tal-Ġermanja, Berlin. Dan it-titlu ntuża fid-deżinjazzjoni tas-siti kulturali bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1] Is-sit ġie rrikonoxxut għall-unità storika tal-pajsaġġ tiegħu — eżempju uniku ta' disinn tal-pajsaġġ fi sfond ta' ideat monarkiċi tal-istat Prussjan u sforzi komuni ta' emanċipazzjoni.
Daqs
immodifikaInizjalment, is-Sit ta' Wirt Dinji kien jinkludi 500 ettari, li kienu jkopru madwar 150 proġett ta' kostruzzjoni mill-1730 sal-1916. Sar-Rivoluzzjoni Paċifika tal-1989, dawn l-inħawi kienu sseparati bil-Ħajt ta' Berlin, bejn Potsdam u l-Punent ta' Berlin, u diversi siti storiċi nqerdu u ġew sostitwiti b'fortifikazzjonijiet tal-"fruntiera tal-mewt".
Żewġ stadji ta' estensjonijiet tas-Sit ta' Wirt Dinji fl-1992 u fl-1999 wasslu biex tiġi inkorporata żona akbar. Skont il-Fondazzjoni tal-Palazzi u tal-Ġonna Prussjani ta' Berlin-Brandenburg, li tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tas-sit, l-erja totali hija ta' 2,064 ettaru.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Palazzi u Parks ta' Potsdam u Berlin ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990 u ġew estiżi fl-1992 u fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Deżinjazzjoni fl-1990
immodifikaId-deżinjazzjoni fl-1990 kienet tinkludi:
- il-Palazz u l-Park ta' Sanssouci, Potsdam
- il-Ġnien il-Ġdid (bil-Ġermaniż: Neuer Garten), il-Palazz tal-Irħam (bil-Ġermaniż: Marmorpalais), u x-Schloss Cecilienhof, fil-Grigal tal-Palazz ta' Sanssouci, Potsdam
- il-Park Babelsberg u x-Schloss Babelsberg, Potsdam
- ix-Schloss Glienicke u l-Park Klein-Glienicke, Berlin
- id-dar tal-injam ta' Nikolskoe, Berlin
- il-Gżira tal-Pagun (bil-Ġermaniż: Pfaueninsel), Berlin
- il-Böttcherberg, Berlin
- il-Loġġa tal-Kaċċa ta' Glienicke (bil-Ġermaniż: Jagdschloß Glienicke), Berlin
Estensjoni tal-1992
immodifikaL-estensjoni tal-1992 żiedet:
- il-Knisja tar-Redentur (bil-Ġermaniż: Heilandskirche), Sacrow (Potsdam)
- il-Palazz u l-Park ta' Sacrow, Potsdam
Estensjoni tal-1999
immodifikaL-estensjoni tal-1999 żiedet:
- il-Lindenallee, Potsdam
- il-Königliche Gärtnerlehranstalt (l-eks skola tal-ġardinara) u l-Kaiserbahnhof, Potsdam
- il-Palazz u l-Park ta' Lindstedt, Potsdam
- il-villaġġ, il-knisja, iċ-ċimiterju u l-pajsaġġ ta' Bornstedt, fit-Tramuntana tal-Park ta' Sanssouci, Potsdam
- is-Seekoppel (żona pajsaġġistika fil-Punent tar-Ruinenberg), Potsdam
- il-Voltaireweg (żona ħadra u triq bejn il-Park ta' Sanssouci u n-Neuer Garten), Potsdam
- iż-żona tad-daħla tal-Park ta' Sanssouci, Potsdam
- id-djar tal-injam ta' Alexandrowka (magħrufa bħala l-"kolonja Russa"), Potsdam
- il-Pfingstberg u l-Belvedere auf dem Pfingstberg, Potsdam
- iż-żona bejn il-Pfingstberg u n-Neuer Garten, Potsdam
- ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Jungfernsee, Potsdam
- il-Foresta tar-Re (bil-Ġermaniż: Königswald), magħmula minn diversi foresti madwar il-Palazz u l-Park ta' Sacrow), Potsdam
- iż-żona tad-daħla tal-Park ta' Babelsberg, Potsdam
- l-osservatorju fil-Park ta' Babelsberg, Potsdam
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Palaces and Parks of Potsdam and Berlin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-17.