Fil-kożmoloġija, it-terminu materja skura jfisser il-komponent ipotetiku tal-materja li mhuwiex osservabbli direttament, billi ma jarmix radjazzjoni elettromanjetika bħall-materja magħrufa u jidher biss permezz tal-effetti gravitazzjonali[1]

Mappa tridimensjonali tal-materja skura magħmula minn NASA, ESA u R. Massey (CALTECH)

Jistmaw li l-materja skura tagħmel il-parti l-kbira, kważi d-90%, tal-massa li hemm fl-univers.

Tagħrif ġenerali

immodifika

Minkejja l-mapep dettaljati tal-Univers viċin, li jkopru l-ispettru elettromanjetiku kollu mill-mewġ tar-radju għar-raġġi gamma, instabu biss 10% tal-massa tiegħu, kif stqarr fl-2001 lin-New York Times Bruce H. Margon, astronomu fl-Università ta' Washington:

Ninsabu f'sitwazzjoni daqsxejn imbarazzanti għax ikollna nammettu li rnexxielna nsibu biss 90% tal-materja tal-Univers.

L-aħħar kalkoli juru li l-materja skura tagħmel madwar 86% tal-massa tal-univers u madwar 26% tal-enerġija tiegħu.

Fil-bidu kienu jsejħulha "massa nieqsa", minkejja li effettivament hi materja li l-effetti gravitazzjonali tal-massa tagħha huma osservabbli. Però din il-materja ma tarmi l-ebda radjazzjoni elettromanjetika; għalhekk ma tistax tiġi osservata mill-istrumenti tal-analiżi spettroskopika u għal din ir-raġuni ngħatat l-aġġettiv "skura". It-terminu massa nieqsa jista' jqarraq bina billi mhux il-massa li hi nieqsa imma d-"dawl" tagħha biss.

Irridu nagħmluha ċara li l-kunċett ta' materja skura jagħmel sens biss fil-kuntest tal-mudell standard tal-kożmoloġija li nużaw illum ibbażat fuq il-Big Bang. Dan minħabba żewġ raġunijiet fundamentali:

  • b'dan il-mudell ma nistgħux nispjegaw b'mod ieħor il-formazzjoni tal-galassji u l-ġemgħat tal-galassji[2] fiż-żmien ikkalkolat mill-bidu tal-Big Bang
  • fix-xenarju kożmoloġiku li nużaw illum, li jipprevedi l-gravità bħala l-unika forza, ma nistgħux nispjegaw kif il-galassiji jistgħu jibqgħu sħaħ billi l-materja viżibbli, komposta mill-barjoni, ma tipprovdix ġibda gravitazzjonali qawwija biżżejjed.

Min-naħa l-oħra, jekk it-teorija li nużaw illum tinsab żbaljata, jista' jkun li ma jkunx hemm bżonn tal-materja skura, billi l-ipoteżi tal-eżistenza tagħha ġejja biss mill-ksur ta' mudell matematiku u mhux minn evidenza sperimentali ċerta.

Irridu noqogħdu attenti li ma nħalltux il-materja skura ma' ipoteżi oħra li jsejħulha "enerġija skura".

 
Varjazzjoni tal-materja skura mad-distanza - Teleskopju spazjali Hubble

Fl-1933 l-astronomu Fritz Zwicky kien qiegħed jistudja l-mixi tal-ġemgħat ta' galassji tal-bogħod u ta' massa kbira, fil-każ partikolari tal-ġabra ta' Coma[3] u ta' Virgo[4]. Zwicky stima l-massa ta' kull galassja tal-ġemgħa mill-luminożità tagħha u għadd il-mases galattiċi flimkien biex jikseb il-massa totali tal-ġemgħa. Imbagħad għamel stima oħra indipendenti mill-massa totali, ibbażata fuq il-kejl tad-dispersjoni tal-veloċitajiet individwali tal-galassji fil-ġemgħa; Din it-tieni stima ta' massa dinamika kienet 400 darba akbar mill-istima bbażata fuq id-dawl tal-galassji.

Minkejja li l-evidenza sperimentali kienet diġà teżisti fi żmien Zwicky, kien biss fis-sittinijiet li x-xjenzjati bdew jiflu din id-diskrepanza b'mod sistematiku u l-eżistenza tal-materja skura bdiet tiġi kkonsidrata. L-iskoperta tagħha mhux biss solviet in-nuqqas tal-massa fil-ġemgħat ta' galassji, imma kellha konsegwenzi fil-wisgħa iżjed fuq il-kapaċità tal-bniedem li jbassar l-evoluzzjoni u d-destin tal-Univers.

Fl-2008, bis-saħħa tal-istudju ta' diversi riċerkaturi, fosthom Franċiżi u Kanadiżi fl-Istitut tal-Astrofiżika ta' Pariġi, għandna xhieda definittiva tal-preżenza tal-materja skura. Difatti, bl-użu tat-teleskopju Canada-France-Hawaii Telescope (Cfht), li jinsab fuq il-muntanja Mauna Kea fil-Ħawaii, l-istudjużi ħarsu lejn eluf ta' xbihat biex jivverifikaw id-devjazzjoni tad-dawl fil-vjaġġ kożmiku tiegħu u kkonfermaw li dan jiddevja anki f'postijiet fejn m'hemmx mases viżibbli. Kien bis-saħħa ta' dawn l-osservazzjonijiet li instabet il-materja skura li minkejja li ma tidhirx għandha effetti gravitazzjonali.

Xhieda potenzjali għall-materja skura

immodifika

Ir-rotazzjoni tal-Galassji

immodifika
 
Il-kurva tar-rotatazzjoni tal-galassji: (A): predetta; (B): osservata.

Il-kurvi tar-rotazzjoni tal-galassji spirali fornew evidenza osservattiva importanti għall-ħtieġa tal-materja skura. Dawn il-galassji fihom popolazzjoni vasta ta' kwiekeb fuq orbiti kważi ċirkolari madwar iċ-ċentru galattiku. Kif jiġri fil-każ tal-orbiti planetarji, skont it-tielet liġi ta' Kepler l-istilel bl-ikbar orbiti galattiċi għandhom l-iċken veloċitajiet orbitali; Imma t-tielet liġi ta' Kepler tapplika biss għall-kwiekeb qrib il-periferija ta' galassja spirali, billi nissoponu minn qabel li l-massa magħluqa mill-orbita hi kostanti. Ma dan kollu l-astronomi għamlu osservazzjonijiet tal-veloċitajiet orbitali tal-istilel fir-reġjuni periferiċi ta' għadd kbir ta' galassji spirali, u sabu li fl-ebda każ ma jssegwu t-tielet liġi ta' Kepler dawn il-veloċitajiet. Bil-kontra minnflok jonqsu iżjed ma tkun kbira d-distanza miċ-ċentru, il-veloċitajiet jibqgħu kostanti. L-implikazzjoni hi li l-massa magħluqa mill-orbiti tikber iżjed ma jkun kbir ir-raġġ, anki għall-istilel li mid-dehra jinstabu viċin il-limitu tal-galassja. Minkejja li tinsab ħdejn il-konfini tal-parti luminuża tal-galassja, din għandha profil ta' massa li tidher li jkompli 'l hemm sewwa mir-reġjuni okkupati mil-kwiekeb.

Fil-każ tal-istilel qrib il-periferija ta' galassja spirali, b'veloċitajiet orbitali osservati normalment ta' 200 kilometru fis-sekonda, kieku l-galassja kienet magħmula mill-materja li tidher biss, dawn l-istilel ma jdumux ma jitilquha billi l-veloċitajiet orbitali tagħhom huma erba' darbiet ikbar mill-veloċità tal-ħrib tal-galassja. La ma nosservawx galassji li qegħdin jinfirxu b'dan il-mod, fil-ġewwieni tagħhom bilfors irid ikun hemm ammont ta' massa li mhux qegħdin inqiesuha meta ngħoddu flimkien il-massa tal-partijiet viżibbli.

 
Lenti gravitazzjonali f'grupp ta' galassji.

Il-lentijiet gravitazzjonali

immodifika

Il-lentijiet gravitazzjonali jistgħu jkunu prova oħra tal-eżistenza tal-materja skura. Il-massa viżibbli mhijiex biżżejjed biex toħloq lenti gravitazzjonali, għalhekk għal din il-lenti hemm bżonn il-preżenza ta' kwantitajiet enormi ta' materja skura biex ikun hemm massa totali kapaċi li tgħawweġ il-mogħdija tad-dawl.

Aspetti sperimentali

immodifika

Fil-21 ta' Awwissu 2006, in-NASA ħarġet starrija għall-istampa li skontha it-teleskopju Chandra sab xhieda diretta tal-eżistenza tal-materja skura fejn jiltagħu żewġ ġemgħat ta' galassji.[5] Fil-bidu tal-2007, l-astronomi tal-Cosmic Evolution Survey u t-Teleskopju spazjali Hubble, permezz ta' tgħarif miksub mit-teleskopju Hubble u minn strumenti fl-art, pinġew mappa tal-materja skura u wrew li dawn jippermeaw l-univers; fejn insibu materja viżibbli jkun hemm ukoll kwantitajiet kbar ta' materja skura, imma din hi preżenti wkoll fiż-żoni fejn m'hemmx materja viżibbli.[6]

Fit-3 Ta' April 2013, ix-xjenzjati tan-NASA qalu li l-Alpha Magnetic Spectrometer fuq l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali x'aktarx innota traċċja ta' materja skura[7][8][9][10][11]. L-ewwel riżultati tal-iSpace-borne Alpha Magnetic Spectrometer urew eċċess ta' pożitroni b'enerġija għolja fir-raġġi kożmiċi, li nistgħu nispjegah bil-preżenza tal-materja skura.

Ipoteżijiet dwar il-materja skura

immodifika

L-ipoteżijiet prevalenti

immodifika

Fil-letteratura dehru bosta teoriji biex jispegaw in-natura ta' dik li tissejjaħ "massa nieqsa", marbuta ma' diversi fenomeni. Il-materja skura kieku tinsab fid-"dlam" madwar il-kwiekeb u tinqasam b'mod fondamentali f'barjonika u mhux barjonika:

  • Il-materja skura barjonika hi dik magħmula minn materja li hi għal kollox simili għal dik li tikkonstistwixxi l-istilel, il-pjaneti, it-trab interstellari, eċċ., li però ma titfsx rsdjszzjoni. Insibu xi kostitwenti oħra possibbli tal-materja skura barjonika fil-MACHO (Massive Compact Halo Objects), oġġetti kompatti ta' massa kbira fir-raġġiera galattika.
  • Il-materja skura mhux barjonika hi rappreżentata prinċipalment mill-partiċelli ipotetiċi WIMP (Weakly Interacting Massive Particles), mogħnija minn massa unitarja kbira, komposti minn materja intrinsekament differenti minn dik barjonika u jinteraġixxu b'mod dgħajjef magħha u għalhekk diffiċli li nsibuhom. Hemm min jaħseb li nistgħu nittrattawhom bħala partiċelli supersimmetriċi bħan-newtralini, jew in-newtrini bil-massa, jew assjoni, jew partiċelli oħra li mhuma osservati qatt u soġġetti biss għall-forza gravitazzjonali u għall-interazzjoni nukleari dgħajfa. Hemm tliet tipi ta' esperimenti li jippruvaw juru dawn il-partiċelli: I) billi jinħalqu f'aċċeleraturi ta' partiċelli, II) billi jqisu l-enerġija li għandhom jitilqu meta jaħbtu mal-materja ordinarja, III) it-tixjin bejn partiċelli ta' materja skura preżenti madwar iċ-ċentru tal-galassja jew tax-xemx jista' jagħti partiċelli normali, bħal newtrini, pożitroni, anti-protoni. Barra minn hekk, l-iskoperta li n-newtrino għandu xi massa, għalkemm estremament baxxa, jagħmlu kandidat biex jirrappreżenta almenu parti mill-materja skura u jista' jispjega parzjalment il-massa żejda fil-ġemgħat u superġemgħat ta' galassji, imma mhux ta' galassja waħda, għax huma jimxu b'veloċità qrib ta' dik tad-dawl u mument jew ieħor jaħarbu mill-ġibda gravitazzjonali tagħha u joħorġu minnha.

Jaħsbu li mill-inqas 90% tal-materja skura mhijiex barjonika. Infatti, billi l-abbondanza kożmika tad-dewterju (atomu tad-dewterju għal kull 100 000 ta' idroġenu) hi estremament sensibbli għad-densità tal-materja fil-forma ta' barjoni, kieku d-densità barjonika kienet ogħla il-preżenza tad-dewterju kienet tkun ħafna iżjed baxxa. Bil-kuntrarju l-abbundanza osservata tad-dewterju hi kompatibbli mad-densità tal-materja osservata.

Qed issir ukoll distinzjoni bejn il-"materja skura kisħa", irrappreżentata essenzjalmente mill-partiċelli ipotetiċi tal-"lenti" WIMP, u l-"materja skura sħuna", irrappreżentata min-newtrini, li, kif għedna, huma partiċelli superveloċi.

Teoriji alternattivi

immodifika

Hemm minoranza ta' riċerkaturi li l-ipoteżi tal-materja skura ma jqisuhiex soddisfaċenti bħala spjegazzjoni tal-effetti osservati. Fosthom:

  • Arrigo Finzi, gravitazzjoni modifikata, 1963.
  • Robert Sanders, gravitazzjoni modifikata, 1984.
  • John W. Moffatt, gravitazzjoni mhux simmetrica (NGT, Nonsymmetric Gravitational Theory), 1994[12]
  • Alexander Mayer, 2005.
  • Mordehai Milgrom, it-teorija MOND, 1981, akronimu ta' Modified Newtonian Dynamics (Dinamika Newtonjana Modifikata).[13] Din tipproponi li fuq l-iskali ta' aċċelerazzjonijiet tipiċi taż-żoni esterni tal-galassji il-liġi tal-gravitazzjoni universali ta' Newton teħtieġ modifika ħafifa, b'mod li tieħu kont tal-kurvi ta' rotazzjonijiet ċatti mingħajr ma tirrikorri għall-materja skura. It-teorija MOND ġiet appoġġata u żviluppata anke mill-pijunier tat-termodinamika tal-ħofor suwed, Jacob David Bekenstein.
  • Jacob Bekenstein, tensor-vector-scalar gravitation (TeVeS), 2004.[14]
  • Johan Masreliez, Scale Expanding Cosmos model (SEC), 1999.[15] SEC hu mudell kożmoloġiku komplut ibbażat fuq it-teorija ġenerali tar-relattività. Ma tinnegax l-eżistenza tal-materja skura, imma ma għandhiex bżonn tispjega il-kurvi ta' rotazzjoni tal-galassji jew tal-anomaliji graviazzjonali oħra.[16]
  • Maurizio Michelini[17] It-teorija tiegħu tipproponi li hemm preżenti għejun gravitazzjonali "addizzjonali" fil-kwadru ta' teorija iżjed ġenerali tal-inerzja u tal-gravitazzjoni. Il-forza gravitazzjonali tiddipendi infatti mhux mill-"massa gravitazzjonali" ta' Newton imma minn azzjoni komplessa ta' awtotarka eżerċitata fuq il-mases minn fluss ta' mikrokwanti (b'tul ta' mewġa daqs it-tul ta' Planck u enerġija żgħira ħafna) li jimlew l-univers. Il-ħbit tal-mikro-kwanti mal-mateja jiġġenera qabel kollox il-forzi tal-inerzja relattivistiċi. Barra minn hekk, fl-intern tal-korpi ċelesti superdensi il-mikro-kwanti jġarrbu għadd kbir ħafna ta' ħabtiet, jitilfu ftit mill-enerġija tagħhom u jiġġeneraw forza gravitazzjonali addizzjonali. pereżempju, il-kostanti tal-gravitazzjoni tal-istilel ta' newtroni hu daqs 200-300 darba għal G. Ġaladarba l-istilel ta' newtroni huma mifruxin mal-galassji, jista' jkun biżżejjed li jirappreżentaw 2-3% tal-massa totali biex jagħmlu effett gravitazzjonali biżżejjed biex jispjega (flimkien mal-kontritribut tal-popolazzjonijiet ta' nani kanella) il-veloċitajiet ta' rotazzjoni għolja li jiġu osservati.
  • Dragan Slavkov Hajdukovic, fiżiku mas-CERN ippropona teorija ġdida[18] li tistħajjel il-materja skura bħala illużjoni maħluqa mill-polarizzazzjoni gravitazzjonali. Biex nieħdu eżempju jekk indaħħlu pjanċa dielettrika f'kapaċitur ċatt parallel imbagħad bħala riżultat ikollna tnaqqis fil-kampo elettriku bejn il-pjanċi. Dan it-tnaqqis hu dovut għall-fatt li ċ-ċarġijiet elettriċi ta' sinjal oppost jattiraw lil xulxin, imma kieku ċ-ċarġijiet elettriċi ta' sinjal oppost kienu repulsivi, minflok attrattivi, il-kampo elettriku kien jiżdied. La ċ-ċarġijiet gravitazzjonali ta' sinjal oppost huma repulsivi jiġri li l-kamp gravitazzjonali jiżdied u hekk il-materja skura tkun biss illużjoni.

It-teoriji li jipproponu xi modifika tad-dipendenza tal-kamp gravitazzjonali fuq id-distanza intwerew li mhumiex adattati biex jispjegaw il-kurvi ta' rotazzjoni tal-galassji spirali, għax il-previżjonijiet tagħhom jirriżultaw f'kunflitt ma' xhieda osservattiva oħra li hi universalment aċċettata.

S'issa l-ebda teorija mhi aċċettata għal kollox mill-komunità astronomika billi attwalment hu impossibbli li tiġi verifikata b'mod risoluttiv.

Noti u referenzi

immodifika
  1. ^ Studji riċenti wrew li l-emissjoni tar-raġġi X minn għajn mhux magħruf minn xi galassji tal-qrib tista' tiġi kkorrelata mal-emissjoni ta' radjazzjoni minn xi materja skura; A. Boyarsky, O. Ruchayskiy, D. Iakubovskyi, u J. FranseUnidentified Line in X-Ray Spectra of the Andromeda Galaxy and Perseus Galaxy Cluster Phys. Rev. Lett. 113, 251301. [1]
  2. ^ Ġemgħa ta' galassji hi struttura magħmula minn numru kbir ta' galassji bejn mijiet u eluf marbutin flimkien permezz tal-gravità. Huma l-ikbar strutturi marbutin permezz tal-gravità fl-univers li nafu bihom u kienu l-ikbar strutturi fl-universi sat-80ijiet tas-seklu 20 meta instabu s-superġemgħat.
  3. ^ Il-Ġemgħa ta' Coma (Abell 1656) hi ġemgħa kbira ta' galassji li fiha 'l fuq minn 1,000 galassja identifikata. Flimkien ma-Ġemgħa ta' Leo (Abell 1367), hi waħda miż-żewġ ġemgħat ewlenin li jagħmlu s- Superġemgħa ta' Coma. Tinstab u ħadet isimha mill-kostellazzjoni ta' Coma Berenices.
  4. ^ Il-Ġemgħa ta' Virgo hi l-eqreb ġemgħa rikka ta' galassji. B'distanza ta' 60 miljuna sena dawl "biss", ħafna mill-galassji nistgħu narawhom b'teleskopji zgħar.
  5. ^ (EN) Stqarrija stampa tan-NASA
  6. ^ Mappa tal-materja skura
  7. ^ Aguilar, M. et al. (AMS Collaboration), First Result from the Alpha Magnetic Spectrometer on the International Space Station: Precision Measurement of the Positron Fraction in Primary Cosmic Rays of 0.5–350 GeV, [2], 3 ta' April 2013, Physical Review Letters
  8. ^ Heilprin John, Borenstein Seth, Scientists find hint of dark matter from cosmos, [3], 3 ta' April 2013, AP News
  9. ^ Amos Jonathan, Alpha Magnetic Spectrometer zeroes in on dark matter, [4], 3 ta' April 2013, BBC
  10. ^ Trent J., Byerly Josh, NASA TV Briefing Discusses Alpha Magnetic Spectrometer Results, [5], 2 ta' April 2013, NASA
  11. ^ Overbye Dennis, New Clues to the Mystery of Dark Matter, [6], 3 ta' April 2013, New York Times
  12. ^ J. W. Moffat, "Nonsymmetric Gravitational Theory", Nov 1994
  13. ^ Mordehai Milgrom; Do Modified Newtonian Dynamics Follow from the Cold Dark Matter Paradigm?, Astrophysical Journal, Mejju 2002
  14. ^ J.D. Bekenstein, Phys. Rev. D70, 083509 (2004), Erratum-ibid. D71, 069901 (2005) arXiv:astro-ph/0403694
  15. ^ Masreliez C. J., Scale Expanding Cosmos Theory II–Cosmic Drag, Apeiron Okt (2004)
  16. ^ Masreliez C J Dynamic incremental scale transition with application to physics and cosmology, Physica Scripta (Nov. 2007)
  17. ^ M.Michelini, A flux of micro quanta explains Relativistic Mechanics and the Gravitational Interaction, Apeiron Journal, April 2007
  18. ^ Is dark matter an illusion created by the gravitational polarization of the quantum vacuum?, arxiv, 4 ta' Ġunju 2011

Ħoloq esterni

immodifika

Esperimenti għat-tfittix tal-materja skura: