Kritika tat-traduzzjoni

Il-kritika tat-traduzzjoni tinvolvi l-istudju sistematiku, evalwattiv, u interpretattiv ta’ aspetti differenti ta’ xogħlijiet tradotti. Il-kritika tat-traduzzjoni huwa qasam akkademiku interdixxiplinari relatat mal-kritika letterarja u mat-teorija tat-traduzzjoni. Dan il-qasam jinvolvi l-istħarriġ ta’ traduzzjonijiet ta’ studenti, u r-reviżjonijiet ta’ traduzzjonijiet ippubblikati.

Spjegazzjoni tal-Kunċett

immodifika

Il-kunċett tal-"kritika tat-traduzzjoni” għandu dawn id-definizzjonijiet:

  1. L-assessjar tal-kwalità tat-test fil-mira,speċjalment fl-ekwivalenza semantika u pragmatika meta mqabbla mat-test sors .
  2. L-assessjar tal-proċess li ġie segwit mit-traduttur sabiex jiġi prodott it-test.
  3. Parti mix-xjenza tat-traduzzjoni li tittratta: - In-natura u l-għanijiet tal-kritika tat-traduzzjoni - Il-problemi relatati mal-kritika tat-traduzzjoni - Id-definizzjonijiet ta’ kriterji u proċeduri validi għall-kritika tat-traduzzjoni rigward l-għanijiet tagħha.

Il-kritika tat-traduzzjoni hija fergħa li taqa’ taħt il-qasam akkademiku tal-Istudji tat-Traduzzjoni. Xi wħud iqisuha inqas “akkademika” mid-dixxiplina li hija mnissla minnha.Madankollu, il-kritika tat-traduzzjoni mhijiex biss stħarriġ suġġettiv li jiddependi mill-gosti u l-intuwizzjoni ta' min janalizza t-test. Il-fehma li ġudizzji xierqa għandhom sehem importanti fil-prattika u l-ivvalutar tat-traduzzjoni ma għandhiex topponi l-idea li l-kritiku tat-traduzzjoni huwa kapaċi jibbaża l-analiżi tiegħu fuq deskrizzjonijiet sistematiċi u għarfien intersuġġettiv tal-proċess u l-prodott finali tat-traduzzjoni.Kif ġie osservat, il-kritika oġġettiva ma tistax ma tikkunsidrax il-varji fatturi involuti fil-proċess tal-komunikazzjoni interlingwali u interkulturali.

Ħarsa ġenerali

immodifika

Wieħed mill-għanijiet tal-kritika tat-traduzzjoni huwa li titqajjem kuxjenza dwar id-dettall kumpless involut fit-traduzzjoni, u li tesplora jekk it-traduttur laħaqx l-għanijiet tiegħu. Jekk il-kritika tat-traduzzjoni għandhiex titqies bħala qasam isseparat minn dak tat-teorija tat-traduzzjoni hija kwistjoni li tqajjem ċertu kontroversja.

Kemm it-tradutturi professjonali, kif ukoll dawk mhux professjonali iżda li jinvolvu ruħhom fit-traduzzjoni letterarja inevitabbilment jiffaċċjaw il-kwistjoni tal-kwalità tat-traduzzjoni. Il-kritika tat-traduzzjoni għad għandha bosta kwistjonijiet miftuħa, bħal pereżempju l-isem li għandu jingħata għall-proċess tal-evalwazzjoni tat-traduzzjonijiet, u liem għandhom ikunu l-kriterji tal-evalwazzjoni, fejn kull wieħed minn dawn jistħoqqlu studju ddettaljat.

Test letterarju jista’ jiġi esplorat bħala traduzzjoni, mhux biex jiġi ġġudikat fih innifsu, iżda biex jinftihem f’relazzjoni mal-oriġinali. Dan isir billi wieħed jeżamina l-potenzjal interpretattiv li joħrog mill-proċessi li ttieħdu.

Meta jitqabblu traduzzjonijiet differenti bbażati fuq l-istess test sors, ir-riżultati tal-analiżi għandhom jiġu użati sabiex tinbena ipoteżi dwar kull traduzzjoni: kriterji bħal "xebh diverġenti," “diverġenza relattiva," “diverġenza radikali," u "addattament," huma importanti għal din it-tip ta’ analiżi.

Teorista influwenti ħafna f’dan il-qasam kien Antoine Berman, li saħaq li jista’ jkun hemm ħafna metodi differenti għall-kritika tat-traduzzjoni. Minħabba f’hekk, Berman ħoloq mudell li jista’ jiġi użat bħala direzzjoni analitika, immodifikat skont l-għanijiet speċifiċi ta' kull traduttur u addattat għal kull tip ta’ test standard. Huwa jkompli jsostni li kull traduttur għandu l-ewwel jiżviluppa proġett ta' traduzzjoni, qabel ma jibda l-proċess ta' traduzzjoni.

Għalkemm dan huwa suġġett diskutibbli, nistgħu ngħidu li l-kritika tat-traduzzjoni hija bżonjuża. Pereżempju, mit-twaqqif tal-Uffiċċju tat-Traduzzjoni fl-1940 fit-Turkija, is-sistema letterarja Torka ssaħħet u estendiet minn traduzzjonijiet b’ħafna lingwi differenti, u l-attività tat-traduzzjoni ġiet evalwata minn varji kittieba, tradutturi u kritiċi. Metodoloġija għall-istudji deskrittivi tat-traduzzjoni ġiet proposta minn Gideon Toury. Fiha jissuġġerixxi li t-tradutturi għandhom kontinwament jieħdu deċiżjonijiet matul il-proċess tat-traduzzjoni. Fil-qosor, studjużi li jaqblu ma’ dan il-mudell sostnew li t-traduzzjonijiet għandhom jiġu deskritti skont in-normi tal-lingwa mira li huma validi fi żminijiet u f’postijiet speċifiċi, u mqabbla man-normi tal-lingwa sors, sabiex jipproduċu kritika ta' traduzzjoni oġġettiva (Toury 1980:73).