Konversazzjoni
Il-konversazzjoni hija komunikazzjoni interattiva bejn żewġ persuni jew iktar. L-iżvilupp tal-ħiliet tal-konversazzjoni u l-etikett huwa parti importanti tas-soċjalizzazzjoni. L-iżvilupp ta’ ħiliet tal-konversazzjoni b’lingwa ġdida huwa enfasi frekwenti li ssir fit-tagħlim u fl-apprendiment tal-lingwi. L-analiżi tal-konversazzjoni hija fergħa tas-soċjoloġija li tistudja l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-interazzjoni tal-bniedem, b’enfasi iktar speċifika fuq l-interazzjoni fil-konversazzjoni.
Definizzjoni u karatterizzazzjoni
immodifikaMa teżisti l-ebda definizzjoni aċċettata b’mod wiesa’ ta’ konversazzjoni, lil hinn mill-fatt li konversazzjoni tinvolvi mill-inqas żewġ persuni jitkellmu flimkien.[1] Konsegwentement, it-terminu spiss jiġi definit b’dak li mhuwiex. Skambju li jsir bħala drawwa, pereżempju tislima reċiproka, mhuwiex konversazzjoni, u interazzjoni li tinkludi differenza kbir fl-istatus (pereżempju l-imgħallem jagħti l-ordnijiet lil ta’ taħtu) mhix konversazzjoni lanqas.[2] Interazzjoni b’suġġett jew bi skop iffokat ferm, ġeneralment ukoll ma titqiesx bħala konversazzjoni.[3] F’tentattiv li tiġbor fil-qosor dawn il-proprjetajiet, awtorità kitbet li “l-konversazzjoni hija t-tip ta’ taħdit li jsir b’mod informali, simetriku, u għal skopijiet li jiġu stabbiliti u li jinżammu r-rabtiet soċjali”.[4]
Minn perspettiva inqas teknika, kittieb dwar l-etikett fil-bidu tas-seklu 20 iddefinixxa l-konversazzjoni bħala l-iskambju edukat ta’ suġġetti maħsuba minn nies li jitkellmu ma’ xulxin għall-kumpanija.[5]
Il-konversazzjonijiet isegwu r-regoli tal-etikett minħabba li l-konversazzjonijiet huma interazzjonijiet soċjali, u għalhekk jiddependu fuq konvenzjoni soċjali. Regoli speċifiċi għall-konversazzjoni joħorġu mill-prinċipju tal-kooperazzjoni. In-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn ir-regoli jwassal biex il-konversazzjoni tiddeterjora jew eventwalment tintemm. Il-kontributi f’konversazzjoni huma tweġibiet għal dak li jkun intqal qabel.
Il-konversazzjonijiet jistgħu jkunu l-aħjar forma ta’ komunikazzjoni, skont l-intenzjonijiet tal-parteċipanti. Il-konversazzjonijiet jistgħu jkunu ideali meta, pereżempju, kull parti tkun tixtieq skambju ta’ informazzjoni relattivament ugwali, jew meta l-partijiet ikunu jixtiequ jibnu rabtiet soċjali. Min-naħa l-oħra, jekk il-permanenza jew il-ħila li wieħed jirrieżamina tali informazzjoni tkun importanti, il-komunikazzjoni bil-miktub tista’ tkun ideali. Jekk, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni effiċjenti fl-użu tal-ħin hija l-iktar ħaġa importanti, diskors jaf ikun preferibbli.
Il-konversazzjoni tinvolvi kuntest b’ħafna iktar sfumaturi u kuntest implikat fi ħdan il-kliem biss.[6]
Il-konversazzjoni ġeneralment issir wiċċ imb wiċċ bejn persuna u oħra fl-istess ħin (sinkronika) – possibbilment online b’applikazzjonijiet viżivi bħal Skype, iżda tista’ tinkludi wkoll telefonati bl-awdjo biss. Ġeneralment ma tinkludix il-komunikazzjoni bil-miktub fuq l-internet li għandha t-tendenza li tkun asinkronika (mhux fl-istess ħin – li tista’ tinqara u tiġi mwieġba iktar tard jekk tassew ikun hemm tweġiba). Fil-konversazzjoni wiċċ imb wiċċ ġie ssuġġerit li 85 % tal-komunikazzjoni tkun komunikazzjoni mhux verbali/tal-ġisem – tbissima, ħarsa kerha, refgħa tal-ispallejn, it-ton tal-vuċi, eċċ. jagħtu tifsira addizzjonali għas-sempliċi kliem waħedhom. Għalhekk, forom qosra ta’ komunikazzjoni bil-miktub bħall-SMS spiss jiġu mifhuma ħażin.
Klassifikazzjoni
immodifikaBotti
immodifikaIl-botti huma ċajt mhux offensiv li jsir bl-użu ta’ botti qosra li jingħadu lil xulxin bejn żewġ individwi jew iktar. Ħafna drabi jintużaw botti makakki u insulti sottili, nuqqas ta’ fehim (spiss intenzjonat), battibekki, u logħob bil-kliem. L-idea hi li kull darba li tiġi fformulata botta, il-persuna l-oħra twieġeb b’botta oħra iktar fina u li “titfi” l-botta ta’ qabilha. Fil-qosor, il-botti lil xulxin ikunu qishom gwerra verbali skont min jilħaqlu moħħu l-iktar bejn dawk involuti.
Films li użaw il-botti bħala strutturar fil-konversazzjonijiet huma:
- The Big Sleep (1946)
- His Girl Friday (1940)
- Bringing Up Baby (1938)
Fatturi importanti fit-twassil tal-botti huma t-tifsira minn taħt, is-sitwazzjoni u r-rabta mal-persuna. Kull parti minn botta għandha tkun kapaċi tevoka rispons emottiv kif ukoll sjieda mingħajr ma tweġġa’ wisq is-sentimenti ta’ dak li jkun. Li tiġi segwita struttura li l-partijiet involuti jifhmu hija importanti, anke jekk is-suġġett u l-istruttura jkunu assurdi, u għandu jinżamm ċertu livell ta’ progressjoni b’tali mod li jkun hemm rabta mal-partijiet involuti.
Jistgħu jintużaw metodi differenti ta’ rakkontar tal-istejjer fit-twassil tal-botti, bħal pereżempju li wieħed jagħmel bidla mhux mistennija fil-fluss tal-istruttura (u jinterrompi struttura komda li tkun indrat), li permezz tal-konversazzjoni wieħed iqanqal mistoqsijiet, dubji, kuxjenza personali (filwaqt li joħloq nuqqas ta’ fehim intenzjonat) jew li wieħed joħloq diversi saffi ta’ tifsiriet fl-istruttura tal-konversazzjoni. Fl-użu tal-botti fil-konversazzjoni huwa importanti li wieħed ikun jaf meta għandu jieqaf u mhux jesaġera jew ikun ossessjonat li “jitfi” l-botta tal-persuna l-oħra b’botta dejjem ikbar. Kif sostna William Shakespeare “Brevity is the soul of wit” (Il-qosor huwa l-essenza ta’ kemm wieħed jilħaqlu moħħu).[7]
Diskussjoni
immodifikaElement partikolari tal-konversazzjoni huwa d-diskussjoni: il-kondiviżjoni ta’ opinjonijiet dwar suġġetti maħsuba matul konversazzjoni. Fis-soċjetà edukata, is-suġġett jinbidel qabel id-diskussjoni ssir tilwima jew wisq kontroversjali. Pereżempju, jekk tkun qed tiġi diskussa t-teoloġija, forsi ħadd ma jkun qed jinsisti li jiġi aċċettat ħsieb partikolari.[8]
Suġġett
immodifikaĦafna konversazzjonijiet jistgħu jinqasmu f’erba’ kategoriji skont il-kontenut tas-suġġett ewlieni tagħhom:
- Ideat soġġettivi, li spiss iservu biex jestendu l-fehim u s-sensibilizzazzjoni.
- Fatti oġġettivi, li jistgħu jservu biex jikkonsolidaw fehma wiesgħa.
- Nies oħra (ġeneralment assenti), li jistgħu jkunu kritiċi, kompetittivi, jew ta’ appoġġ. Dan jinkludi z-zekzik.
- Wieħed mill-persuni stess tal-konversazzjoni, li kultant jindika mġiba li bija dak li jkun ifittex li jiġbed l-attenzjoni lejh jew l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti dwar dak li jkun stess lill-parteċipanti fil-konversazzjoni.
Prattikament, ftit konversazzjonijiet jaqgħu esklużivament f’kategorija waħda. Madankollu, id-distribuzzjoni proporzjonali ta’ kwalunkwe konversazzjoni partikolari bejn il-kategoriji differenti tista’ toffri għarfien psikoloġiku utli dwar il-mentalità tal-parteċipanti. Din hija r-raġuni għaliex huwa diffiċli l-maġġoranza tal-konversazzjonijiet jiġu kkategorizzati.
Funzjonijiet
immodifikaIl-biċċa l-kbira tal-konversazzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati skont l-għan tagħhom. L-għanijiet tal-konversazzjoni jistgħu jinbidlu matul il-ħajja tal-konversazzjoni.
- Konversazzjoni funzjonali tkun maħsuba biex titwassal l-informazzjoni sabiex tgħin biex jintlaħaq għan ta’ individwu jew ta’ grupp.
- It-tpaċpiċ huwa tip ta’ konversazzjoni fejn is-suġġett huwa inqas importanti mill-iskop soċjali li tinkiseb rabta bejn in-nies jew li tiġi ġestita d-distanza personali. “Kif inhu t-temp?” jista’ jitqies bħala eżempju ta’ tpaċpiċ li jintuża biex tinbeda l-konversazzjoni mhux għax verament wieħed ikun jinteressah mit-tweġiba prattika.
Aspetti
immodifikaDifferenzi bejn l-irġiel u n-nisa
immodifikaStudju li tlesta f’Lulju 2007 minn Matthias Mehl fl-Università ta’ Arizona juri li kuntrarjament għal dak li temmen il-maġġoranza, hemm ftit differenza fin-numru ta’ kliem li jintuża mill-irġiel u min-nisa f’konversazzjoni.[9] L-istudju wera li bħala medja kull raġel jew mara juża/tuża madwar 16,000 kelma kuljum.
Bejn persuni li ma jafux lil xulxin
immodifikaHemm ċerti sitwazzjonijiet, li tipikament wieħed jiltaqa’ magħhom waqt l-ivvjaġġar, li jirriżultaw fil-kondiviżjoni bejn persuni li ma jafux lil xulxin ta’ dak li normalment ikun jifforma parti minn spazju soċjali intimu bħal li toqgħod bilqiegħda flimkien fuq karozza tal-linja jew fuq ajruplan. F’sitwazzjonijiet bħal dawn x’aktarx li dawn il-persuni jaqsmu informazzjoni personali intima li normalment ma jaqsmux ma’ persuni li ma jafux. Ifeġġ każ speċjali meta wieħed mill-vjaġġaturi jkun professjonist tas-saħħa mentali u l-parti l-oħra tikkondividi dettalji tal-ħajja personali tagħha bit-tama apparenti li tirċievi għajnuna jew parir.[10]
Narċisiżmu
immodifikaIn-narċisiżmu fil-konversazzjoni huwa terminu li jintuża mis-soċjologu Charles Derber fil-ktieb tiegħu, The Pursuit of Attention: Power and Ego in Everyday Life (Il-Ksib tal-Attenzjoni: il-Poter u l-Egu fil-Ħajja ta’ Kuljum).
Derber osserva li s-sistema ta’ appoġġ soċjali fl-Amerika hija relattivament dgħajfa, u dan iwassal biex in-nies jikkompetu ferm għall-attenzjoni. F’sitwazzjonijiet soċjali, għandhom it-tendenza li jdawru l-konversazzjoni fuqhom infushom. Derber isostni li “in-narċisiżmu fil-konversazzjoni huwa l-manifestazzjoni ewlenija tal-psikoloġija dominanti fl-Amerka fejn wieħed jipprova jiġbed l-attenzjoni fuqu nnifsu. Dan iseħħ f’konversazzjonijiet informali fost il-ħbieb, il-familja u l-kollegi. L-abbundanza fil-letteratura popolari dwar l-importanza li wieħed jagħti widen u dwar l-etikett tal-ġestjoni ta’ dawk li jitkellmu kontinwament fuqhom infushom tissuġġerixxi kemm huwa fenomenu mifrux fil-ħajja ta’ kuljum”.[11]
Dak li Derber jiddeskrivi bħala “narċisiżmu fil-konversazzjoni” ħafna drabi jseħħ b’mod sottili iktar milli b’mod miftuħ minħabba li huwa prudenti li wieħed jevita li jiġi ġġudikat bħala egoist.
Derber jiddistingwi bejn “rispons biex wieħed idawwar l-attenzjoni fuqu” u “rispons ta’ appoġġ”. Rispons biex wieħed idawwar l-attenzjoni mill-aħħar kelliem għal fuqu jseħħ pereżempju meta jkun hemm okkażjoni simili “Ġwanni: Vera għandi ġuħ. Marija: Ara, jien għadni kemm kilt”. Min-naħa l-oħra, rispons ta’ appoġġ iżomm l-enfasi fuq l-aħħar kelliem, pereżempju: “Ġwanni: Vera għandi ġuħ. Marija: Kemm ilek li kilt?”.
Intelliġenza artifiċjali
immodifikaIl-ħila li tiġi ġġenerata konversazzjoni li ma tistax tiġi distinta minn waħda li ssir minn parteċipant uman kienet test tal-intelliġenza artifiċjali li rnexxa (it-test ta’ Turing). Imħallef uman jidħol f’konversazzjoni b’lingwa naturali ma’ bniedem wieħed u ma’ magna waħda, u t-tnejn iġibu ruħhom kemm jista’ jkun bħala bniedem. Jekk l-imħallef ma jkunx jista’ jiddistingwi bejniethom, jingħad li l-magna għaddiet mit-test. Limitazzjoni waħda hija li l-konversazzjoni tkun limitata għal test miktub, u ma tippermettix li jintwera t-ton.
Bejnek u bejn ruħek
immodifikaImsejħa wkoll komunikazzjoni intrapersonali, din hija l-att meta wieħed jitkellem miegħu nnifsu biex isolvi xi problemi jew jaqdi skopijiet terapewtiċi bħall-evitar tas-skiet.
Letteratura
immodifikaL-awturi li kitbu b’mod estensiv dwar il-konversazzjoni u li ppruvaw janalizzaw in-natura tagħha jinkludu:
- Milton Wright kiteb The Art of Conversation (L-Arti tal-Konversazzjoni), trattament komprensiv tas-suġġett, fl-1936. Il-ktieb jitkellem dwar il-konversazzjoni stess, anke għal skopijiet politiċi, kummerċjali jew reliġjużi. Milton jpinġi l-konversazzjoni bħala arti jew kreazzjoni li n-nies jistgħu jilagħbu biha u jagħtuha l-ħajja.
- Kerry Patterson, Joseph Grenny, Al Switzler, u Ron McMillan kitbu żewġ kotba dwar il-konversazzjoni li kienu fost l-iktar li nbiegħu skont in-New York Times. Fl-ewwel wieħed, Crucial Conversations: Tools for Talking When Stakes are High (Konversazzjonijiet kruċjali: għodod biex wieħed jitkellem meta s-sitwazzjoni tkun taħraq), McGraw-Hill, 2002, jiġu mgħallma l-ħiliet biex wieħed jindirizza sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ qbil jew jaħarqu fuq ix-xogħol u d-dar. It-tieni ktieb, Crucial Accountability: Tools for Resolving Violated Expectations, Broken Commitments, and Bad Behavior (Rendikont kruċjali tal-għemil: għodod għar-riżoluzzjoni ta’ aspettattivi miksura, impenji miksura, u mġiba ħażina), McGraw-Hill, 2013, jgħallem ħiliet importanti biex wieħed jindirizza kwistjonijiet fejn irid jagħti rendikont ta’ għemilu.
- Difficult Conversations: How to Discuss What Matters Most (Viking Penguin, 1999), ktieb ta’ Bruce Patton, Douglas Patterson u Sheila Heen.
- Charles Blattberg kiten żewġ kotba fejn iddefenda approċċ għall-politika li jenfasizza fuq il-konversazzjoni iktar milli fuq in-negozjar, bħala mezz biex jissolvew il-kunflitti: From Pluralist to Patriotic Politics: Putting Practice First, Oxford u New York: Oxford University Press, 2000, ISBN 0-19-829688-6; u Shall We Dance? A Patriotic Politics for Canada, Montreal u Kingston: McGill-Queen's University Press, 2003, ISBN 0-7735-2596-3.
- Paul Drew u John Heritage – Talk at Work, a study of how conversation changes in social and workplace situations.
- Neil Postman – Amusing Ourselves to Death
- Deborah Tannen:
- The Argument Culture: Stopping America's War of Words
- Conversational Style: Analyzing Talk Among Friends,
- Gender and Discourse
- I Only Say This Because I Love You
- Talking from 9 to 5: Women and Men at Work
- That's Not What I Meant!
- You Just Don't Understand: Women and Men in Conversation
- Daniel Menaker – A Good Talk: The Story and Skill of Conversation (2010)
- Stephen Miller – Conversation: A History of a Declining Art.
Fil-fizzjoni
immodifika- Il-Konversazzjoni fil-Katidral (1969) hija waħda mir-rumanzi ewlenin tal-kittieb Peruvjan Mario Vargas Llosa.
F’“Sitt Benefiċċji ta’ Konversazzjoni Aħjar”
immodifikaIl-benefiċċji huma:
- Tinftiehem aħjar
- Fehim aħjar
- Iktar kunfidenza fik innifsek
- Valur fil-post tax-xogħol
- Indukrar aħjar tiegħek innifsek
- Relazzjonijiet aħjar[12]
Referenzi
immodifika- ^ Warren, Martin (2006). Features of Naturalness in Conversation. ISBN 978-9027253958. p. 8.
- ^ Warren, Martin (2006). Features of Naturalness in Conversation. ISBN 978-9027253958. pp. 8-9.
- ^ Warren, Martin (2006). Features of Naturalness in Conversation. ISBN 978-9027253958. p. 9.
- ^ Thornbury, Scott; Slade, Diana (2006). Conversation: From Description to Pedagogy. ISBN 978-0521814263. p. 25.
- ^ Conklin, Mary Greer (2011). Conversation: What to Say and How to Say It. New York City: Funk & Wagnalls Company. pp. 21–32. ISBN 978-1172838936.
- ^ Winograd, Terry (1972). "Understanding natural language". Cognitive Psychology. Amsterdam, Netherlands: Elsevier. 3 (1): 1–191.
- ^ William C. Martell, 2011.
- ^ Conklin, pp. 35–60.
- ^ Mehl, M. R.; Vazire, S.; Ramirez-Esparza, N.; Slatcher, R. B.; Pennebaker, J. W. (2007). "Are Women Really More Talkative Than Men?". Science. 317 (5834): 82.
- ^ "Cornered: Therapists on Airplanes - The New York Times". web.archive.org. 2016-08-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-14. Miġbur 2021-05-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Derber, Charles (2000). The Pursuit of Attention: Power and Ego in Everyday Life (2nd ed.). Oxford University Press. p. 19. ISBN 0195135504.
- ^ "Six Benefits of Better Conversation". web.archive.org. 2006-10-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2006-10-30. Miġbur 2021-05-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)