Katina Muntanjuża ta’ Meskheti

katina ta’ muntanji fil-Georgia

Il-Katina Muntanjuża ta’ Meskheti (bil-Georgjan: მესხეთის ქედი), magħrufa wkoll bħala l-Katina Muntanjuża Meskh/Meskhet/Meskhetjana, il-Katina Muntanjuża ta’ Adzhar-Imereti, il-Katina Muntanjuża ta’ Achara-Imereti, il-Katina Muntanjuża ta’ Adzhar-Akhaltsikh kif ukoll il-Muntanji Moschjani), hija parti mill-katina muntanjuża tal-Kawkasi ż-Żgħar fir-reġjun ta’ Meskheti fil-Lbiċ tal-Georgia.[1]

Veduta tal-Katina Muntanjuża ta’ Meskheti minn ħdejn Abastumani, il-Georgia

Ġeografija

immodifika

Il-katina muntanjuża hija twila 150 km u l-ogħla punt hija l-muntanja Mepistskharo b’elevazzjoni ta’ 2,850 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-Katina Muntanjuża ta’ Meskheti hija kkaratterizzata minn ammont kbir ta’ preċipitazzjoni (eż. xita, silġ, borra, eċċ.). It-territorju madwar il-muntanja Mtirala (is-sezzjoni Aġarjana tal-katina muntanjuża) kellu l-iktar ammont ta’ preċipitazzjoni fi ħdan l-Unjoni Sovjetika u huwa l-iktar żona umduża tal-Kawkasu, bi preċipitazzjoni annwali ta’ madwar 4500 mm fis-sena. Bosta xmajjar inixxu mill-Katina Muntanjuża ta’ Meskheti — fosthom Supsa, Acharis-Tsqali u Natanebi.[1]

Flora u fawna

immodifika

Fit-territorju tal-Katina Muntanjuża ta’ Meskheti jgħixu bosta speċijiet endemiċi u rari. It-territorju huwa mimli foresti b’siġar li jwaqqgħu l-weraq (siġar tal-ballut, tal-qastan, tal-aġġru, tal-karpin, tal-fagu) f’elevazzjoni ta’ inqas minn 1,200 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, kif ukoll foresti b’siġar koniferi (tal-abit, taż-żnuber u f’xi każijiet tal-arżnu) f’elevazzjoni ta’ bejn 1,200 u 1,800 metru. L-ogħla reġjuni tal-katina muntanjuża fihom mergħat sub-Alpini u Alpini.

14 % tat-territorju tal-Katina Muntanjuża ta’ Meskheti huwa inkluż fi tliet parks nazzjonali tal-Georgia — il-parks nazzjonali ta’ Borjomi-Kharagauli, ta’ Kintrishi u ta’ Mtirala.[2]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "GEORGIA". ecocorridorscaucasus (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-14.
  2. ^ Levan Mumladze, Giorgi Chaladze, Zezva Asanidze, Salome Saghinadze, Ema Khachidze; Refugial Forest from the Western Lesser Caucasus (2008)