Il-Madonna tal-Għar
Il-Madonna tal-Għar hi meqjuma fis-santwarju maġenb il-knisja ta' San Duminku, ir-Rabat (Malta).
Jingħad li l-istorja tal-Madonna tal-Għar ġejja mis-seklu 14 meta skont din l-istorja l-Madonna dehret lil kaċċatur. Illum fuq din il-grotta hemm santwarju kbir imwaqqaf mill-Patrijiet Dumnikani fl-1450. Fis-sena 1999, fuq replika tax-xbieha tal-Madonna tal-Għar deheru dmugħ tad-demm li ċarċru nhar is-6 ta' Mejju u nhar is-7 ta' Mejju.
L-Istorja tal-Madonna tal-Għar
immodifikaSkont l-istorja żewġ kaċċaturi ħarġu għall-kaċċa u wieħed minnhom daħal jistkenn ġo għar u raqad raqda twila. Sieħbu li kien qiegħed għall-kaċċa miegħu tħasseb bil-bosta bid-dawmien ta' sieħbu wieħed u ddeċieda li jmur ifittxu. Wara li dam ħafna jfittxu u ma sabux mar lura r-raħal inkwitat u nqala' ħafna tehwdin b'dan l-għejbien misterjuż. Bħalma jiġri lil kull aħbar oħra jgħaddi ż-żmien minn fuqha u malajr tintesa'. Hekk ġara lil din il-ġrajja u l-kaċċatur mitluf intesa' maż-żmien. Għaddew ħmistax-il xahar minn din il-biċċa u darba fost l-oħrajn deher ġej mill-bogħod raġel b'baffi twila. In-nies ħarġet bi ħġara biex tara min hu u malajr għarfu li kien seħibhom li ħmistax-il xahar qabel kien għeb b'mod tassew misterjuż.
Il-Mitluf qalilhom li kien raqad raqda fonda u f'din ir-raqda ra mara ċkejkna b'tarbija f'idha. Huwa għaraf mill-ewwel li kienet il-Madonna li deheritlu bil-bambin f'idha. Meta qalulu li kien ilu nieqes ħmistax-il xahar huwa qalilhom li dik id-dehra hekk ta' ħlewwa kienet donna berqa mgħaġġla u li l-anqas biss kien intebaħ li għaddew ħmistax-il xahar.
Hekk bdiet il-leġġenda tal-Madonna tal-Għar. In-nies baqgħu jmorru hemmhekk b'devozzjoni kbira u sal-lum eluf ta' nies jitilgħu r-Rabat biex iżuru lil Madonna tal-Għar. Fl-1450 il-patrijiet Dumnikani waqqfu kunvent fuq l-għar u afdaw ruħhom f'idejn il-Madonna tal-Għar. Sal-lum wieħed għadu jista' jmur hemm u jinżel fl-għar biex jivvenera lix-xbieha tagħha li l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien inkurunaha fl-1957.
Ix-Xbieha tal-Madonna tal-Għar tibki
immodifikaJingħad li fis-sena 1999 mis-6 u fis-7 ta' Mejju xbieha replika tal-irħam alabastru ċarċret dmugħ tad-demm. Illum din tinsab fl-oratorju tar-rużarju fl-istess kunvent.