George Cohen
George Reginald Cohen (twieled fit-22 ta' Ottubru 1939 – miet fit-23 ta' Diċembru 2022) kien plejer tal-futbol Ingliż li kien jilgħab bħala difensur lemini. Il-karriera professjonali tiegħu qattagħha ma' Fulham u mat-tim nazzjonali Ingliż rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-1966.
Cohen fl-2007 | |||
Informazzjoni personali | |||
---|---|---|---|
Isem sħiħ | George Reginald Cohen | ||
Twelid | 22 ta' Ottubru 1939 Kensington, Ingilterra | ||
Mewt | 23 ta' Diċembru 2022 (83 sena) | ||
Tul | 1.78 m | ||
Rwol | Difensur lemini | ||
Karriera professjonali | |||
Snin | Klabb | ||
1956–1969 | Fulham | ||
Tim nazzjonali | |||
1964–1967 | Ingilterra |
Karriera
immodifikaCohen lagħab ma' klabb wieħed matul il-karriera tiegħu, fejn wara li ssieħeb ma' Fulham fl-1956 u baqa' magħhom sa meta irtira f'Marzu tal-1969. Id-debutt wasal ta' sbatax-il sena kontra Liverpool f'Marzu tal-1957 u b'kollox lagħab 459 logħba, li jagħmluh il-ħames plejer bl-iktar numru ta' preżenzi mal-klabb ta' Londra.[1][2]
Mat-tim nazzjonali tal-Ingilterra, Cohen iddebutta fir-rebħa ta' 2–1 kontra l-Urugwaj fl-1964.[3] Din l-għażla waslet wara li l-kowċ Ingliż Alf Ramsey ma kienx sodisfatt bil-prestazzjoni tad-difensur regulari Jimmy Armfield wara telfa f'logħba ta' ħbiberija kontra l-Iskozja. Minn dakinhar Cohen lagħab 21 mit-23 logħba li t-tim nazzjonali lagħab qabel it-Tazza tad-Dinja tal-1966. Cohen sar l-ewwel għażla u kien fost l-ewwel mit-22 plejer magħżula għall-fażi finali, grazzi wkoll għal korriment li kien sofra Armfield.[2]
F'dan il-kampjonat, wara l-ewwel fażi, Cohen wera l-kontribut tiegħu fil-kwarti tal-finali kontra l-Arġentina. Din il-logħba baqgħet imfakkra wkoll hekk kif Cohen deher f'ritratt wara l-logħba fejn Ramsey ma ħalliehx ipartat il-flokk ma' plejer avversarju kif hi t-tradizzjoni – Ramsey kien irrefera għall-plejers Arġentini bħala "annimali" minħabba l-logħba tagħhom ta' nuqqas ta' sportività.[4] Fir-rebħa ta' 1–0, Cohen wera l-istamina tiegħu u l-ġiri matul il-grawnd. Fis-semifinali kontra l-Portugall, kien proprju Cohen li serva lil Bobby Charlton wieħed mill-gowls skorjati mill-attakkant Ingliż li taw rebħa ta' 2–0 għall-ospiti.[5] Il-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent kienet it-30 logħba tiegħu man-nazzjonal. L-Ingilterra ħarġu rebbieħa 4–2 għall-ewwel trijonf fit-Tazza tad-Dinja.
L-aħħar logħba tiegħu mat-tim nazzjonali, is-37 waħda, waslet fir-rebħa ta' 2–0 kontra l-Irlanda ta' Fuq fit-22 ta' Novembru 1967.[3]
Legat
immodifikaL-attakkant ta' Manchester United George Best iddeskriva lil Cohen bħala "l-aqwa difensur laterali li qatt lgħabt kontra", filwaqt li Alf Ramsey semma lil Cohen bħala "l-aqwa difensur lemini tal-Ingilterra".[5] Cohen jibqa' l-uniku plejer ta' Fulham li qatt rebaħ it-titlu tat-Tazza tad-Dinja waqt li kien jilgħab mal-klabb.
Fis-sena 2000 Cohen ingħata l-MBE flimkien ma' erba' plejers oħra mill-iskwadra tal-1966 – Alan Ball, Ray Wilson, Nobby Stiles u Roger Hunt – wara kampanja minn partijiet tal-istampa li kienu sorpriżi bin-nuqqas ta' rikonoxximent uffiċjali lejn dawn il-plejers.
F'Ottubru tal-2016 ġiet inawgurata statwa ta' Cohen fl-istadju ta' Craven Cottage, fil-50 sena anniversarju mir-rebħa fit-Tazza tad-Dinja.[6]
Unuri
immodifika- Ingilterra
- Tazza tad-Dinja: 1966
Referenzi
immodifika- ^ "George Cohen" (bl-Ingliż). Daily Mirror. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-09-01.
- ^ a b "George Cohen: 1939-2022" (bl-Ingliż). Fulham FC. 2022-12-23.
- ^ a b "825 George Cohen (1964 - 1967)". englandstats.com (bl-Ingliż).
- ^ "1966: the bloodiest World Cup" (bl-Ingliż). FourFourTwo. 2018-04-01.
- ^ a b Dawkes, Phil (2022-12-23). "George Cohen dies: Fulham great and 'England's greatest right-back'" (bl-Ingliż). BBC Sport.
- ^ "George Cohen Statue unveiled at Craven Cottage" (bl-Ingliż). Professional Footballers' Association. 2016-10-05.
Ħoloq esterni
immodifika- George Cohen fuq National-Football-Teams.com