Foresti Tropikali u Artijiet Mistagħdra Kolkiċi
Il-Foresti Tropikali u Artijiet Mistagħdra Kolkiċi (bl-Ingliż: Colchic Rainforests and Wetlands) huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Georgia.[1] Is-sit huwa magħmul minn partijiet tal-artijiet baxxi Kolkiċi flimkien ma' xi 80 kilometru tal-linja tal-kosta tal-Baħar Iswed tal-Georgia. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-26 ta' Lulju 2021, u sar l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji naturali fil-Georgia.[2] Is-sit fih firxa wiesgħa ta' ekosistemi antiki ta' foresti tropikali u ta' artijiet mistagħdra, li jħaddnu fihom bosta speċijiet mhedda u fil-periklu ta' estinzjoni.
Deskrizzjoni
immodifikaDan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi sensiela ta' ekosistemi, fosthom foresti tropikali ħorfija u artijiet mistagħdra, torbiera tal-perkolazzjoni u tipi oħra ta' fangazzi, li jinsabu fuq medda ta' altitudnijiet mil-livell tal-baħar għal iktar minn 2,500 metru 'l fuq minnu. B'kollox, is-sit jikkonsisti minn seba' komponenti — Kintrishi-Mtirala u Ispani f'Adjara, Grigoleti u Imnati f'Guria, u Pitshora, Nabada, u Churia f'Samegrelo-Zemo Svaneti. Dawn jiġu amministrati fil-Georgia bħala partijiet mill-Park Nazzjonali ta' Kolkheti, mir-Riżerva Naturali Stretta ta' Kintrishi, miż-Żoni Protetti ta' Kobuleti, u mill-Park Nazzjonali ta' Mtirala. L-erja totali tas-sit hija ta' 31,253 ettaru, b'żona ta' lqugħ ta' 26,850 ettaru.[1]
Ġeografija u Klima
immodifikaL-artijiet baxxi Kolkiċi huma estremament umdużi, u l-preċipitazzjoni f'xi żoni taqbeż l-erba' metri fis-sena. Dan huwa r-riżultat tal-lenbut maħluq bejn il-Kawkasu l-Kbir, il-Kawkasu ż-Żgħir u l-Katina Muntanjuża ta' Likhi, fejn tinġabar l-indewwa tul il-Baħar lswed. L-artijiet baxxi huma baċir fejn l-art spiss iċċedi u x'aktarx li oriġinaw matul l-Eoċen Aħħari jew il-Konfini bejn l-Oligoċen u l-Mijoċen. Is-sit jiġi alimentat minn bosta xmajjar; l-ikbar waħda fosthom hi x-xmara Rioni.[3]
Ekoloġija
immodifikaIs-sit jinsab fl-ekoreġjun tal-foresti ħorfija Ewksini-Kolkiċi, u fih relitti ta' foresti li baqgħu jeżistu minkejja ċ-ċikli glaċjali matul l-eri glaċjali Kwaternarji. Il-foresti tropikoli Kolkiċi huma wħud mill-eqdem foresti b'siġar bil-weraq wiesa' fil-Punent tal-Ewrasja. Bħala refuġju matul il-Plijoċen, il-proċessi tal-evoluzzjoni u tal-ispeċjazzjoni baqgħu jseħħu relattivament mingħajr xkiel. B'hekk, ir-reġjun fih diversità ta' flora u fawna, b'għadd kbir ta' speċijiet endemiċi u relitti. Is-sit jospita kważi 1,100 speċi ta' pjanti vaskulari u mhux vaskulari, inkluż 44 speċi mhedda. Fost dawn l-ispeċijiet ta' pjanti hemm is-siġar tal-ġewż tal-Kawkasi, il-liedni Kolkiċi endemiċi u s-siġar tal-ballut Pontin li jinsab fil-periklu ta' estinzjoni.[3]
Fis-sit ġew osservati wkoll kważi 500 speċi ta' vertebrati, b'iżjed minn 300 speċi ta' għasafar, 67 speċi ta' mammiferi, 55 speċi ta' ħut, 15-il speċi ta' rettili, u 10 speċijiet ta' anfibji. Ir-reġjun huwa punt ewlieni ta' waqfa għal bosta għasafar tal-priża li huma mhedda globalment, fosthom l-ajkli tal-kalzetti li jpassu mil-lenbut ta' Batumi.[4] Barra minn hekk, ir-reġjun huma l-ħabitat ta' bosta speċijiet ta' għasafar tal-artijiet mistagħdra, inkluż il-blonġuni primi. Fost l-ispeċijiet ta' anfibji li ġew osservati fis-sit hemm is-salamandri tal-Kawkasi u ż-żrinġijiet tal-Kawkasi, kif ukoll erba' speċijiet ta' gremxul tal-ġeneru Darevskia li nstabu fi ħdan iż-żoni protetti kostitwenti. Iż-żoni protetti fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji jipprovdu wkoll uħud mill-aħħar ħabitats għal speċijiet f'periklu kritiku ta' estinzjoni, fosthom l-isturjuni beluga u l-isturjuni Kolkiċi (Acipenser colchicus).[3]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Foresti Tropikali u Artijiet Mistagħdra Kolkiċi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d "Colchic Rainforests and Wetlands. UNESCO World Heritage Center".
- ^ "Civil Georgia | Georgia's Colchic Rainforests, Wetlands Granted World Heritage Status". civil.ge (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-28.
- ^ a b ċ "Colchic Rainforests and Wetlands: Nomination Dossier".
- ^ Staff, C. N. F. (2021-07-27). "UNESCO ANNOUNCED GEORGIAN COLCHIC RAINFORESTS AND WETLANDS AS WORLD HERITAGE" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-28.