Elezzjonijiet Ewropej 2019 (Malta)

L-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew 2019 saru f'Malta nhar is-Sibt 25 ta' Mejju biex jelliġġu d-delegazzjoni minn Malta għall-Parlament Ewropew mill-2019 sal-2024. Din kienet ir-raba' elezzjoni ta' din ix-xorta f'Malta.

Għal din l-elezzjoni ħarġu kandidati minn dawn il-partiti: Partit Laburista, Partit Nazzjonalista, Alternattiva Demokratika, Partit Demokratiku Imperium Europa, Moviment Patrijotti Maltin, Brain Not Ego u Alleanza Bidla.

L-elezzjoni intrebħet mill-Partit Laburista li ġab 141,267 vot (54.3%), 42,656 vot iktar mill-PN li ġab 98,611 vot (38%). Il-PL tella' erba' parlamentari, u l-PN tnejn.

B’kollox, bid-dritt għall-vot f’din l-elezzjoni f’dawk li huma votanti reġistrati skont l-aħħar Reġistru Elettorali, kien hemm total ta’ 371,625 vot.

L-elezzjoni 2019 se tibqa' mfakkra wkoll kif, għall-ewwel darba, l-Imperium Europa (IE) saret it-tielet l-ikbar forza politika fil-pajjiż bi 8,238 vot (3.2%), hekk kif il-mexxej u l-kandidat uniku tagħha Norman Lowell ġab iktar miż-żewġ kandidati tal-Alternattiva Demokratika (AD) u l-erbgħa tal-Partit Demokratiku (PD) maqgħudin flimkien.

Voti mhux miġbura

immodifika

Ma nġabrux 38,737 vot, li jammontaw għal total ta’ 10.4%. Dan huwa żieda ta' 4% fuq l-2014, meta dik is-sena kien hemm 21,856 vot li ma nġabrux.

Il-biċċa l-kbira tal-voti li ma nġabrux f’dawk il-lokalitajiet fejn hemm residenti diversi barranin.

Mill-Gżira li mill-5,755 vot disponibbli ma nġabrux 1,454 jew 25% tal-voti.

Mill-Imsida mis-6,428 vot ma nġabrux 1,156 vot (18%);

Minn San Ġiljan mis-7,036 vot ma nġabrux 1,848 vot (26%); u

Tas-Sliema mit-12,264 vot disponibblima nġabrux 3,063 (25%).

L-aktar lokalità li rat l-akbar ammont ta’ voti li ma nġabrux hija dik ta’ San Pawl il-Baħar, fejn saħansitra l-ammont ta’ voti li ma nġabrux ammontaw għal kważi terz. F’din il-lokalità kien hemm 16,343 vot disponibbli, li minnhom ma nġabrux 5,238 vot li jammontaw għal 32% tal-voti kollha.

F’dak li jikkonċerna lill-gżira ta’ Għawdex, kien iż-Żebbuġ li ra l-akbar ammont ta’ voti li ma nġabrux, b’dawn jammontaw għal 548 vot mit-total ta’ 2,402. Dan ifisser li 22.8% tal-voti għal din il-lokalità baqgħu mhux miġburin.

Turnout u Voti validi

immodifika

F'din l-elezzjoni kienu eliġibbli li jivvutaw 371,456 persuna li minnhom xeħtu l-vot 270,022 jew 72.7%.

Il-voti validi ammontaw għal 260,212 jew 96% ta' dawk li ntefgħu bl-invalidi jilħqu d-9,810 jew 3.6%.  

Il-kwota f'din l-elezzjoni kienet ta' 37,174 vot għalkemm kienu tnejn biss mis-sitt kandidati eletti, Miriam Dalli u Roberta Metsola, li qabżuha.

Riżultat tal-Elezzjoni

immodifika

F'din l-elezzjoni l-PL ġab 141,267 vot (54.3%),

il-PN 98,611 vot (38%),

l-IE 8,238 vot (3.2%),

il-PD 5,276 vot (2%),

l-AD 1,866 vot (0.7%),

l-Alleanza Bidla 1,186 vot (0.5%),

il-Moviment Patrijotti Maltin 771 vot (0.3%),

Brain Not Ego 323 vot (0.1%)

u l-kandidati indipendenti 2,674 vot (1.03%).

Ewroparlamentari

immodifika

Fir-rigward tal-PL l-ewroparlamentari Miriam Dalli kienet l-iktar waħda li kisbet voti b'63,438 persuna jagħtuha l-ewwel għażla. It-tliet kandidati li ġew warajha, u għalhekk eletti għall-Parlament Ewropew, kienu Alfred Sant 25,592 vot; Alex Agius Saliba bi 18,808 vot u Josianne Cutajar bi 15,603 vot.

Roberta Metsola kienet l-iktar kandidat tal-PN li kisbet 38,206 vot segwita minn David Casa li kiseb 20,493 vot biex it-tnejn li huma se jkunu r-rappreżentanti tal-partit fil-Parlament Ewropew.