Durmitor

żona muntanjuża, park nazzjonali u Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO tal-Montenegro

Durmitor (biċ-Ċirilliku Serb: Дурмитор, ippronunzjat [durmǐtɔr] jew [dǔrmitɔr]) hija żona muntanjuża fil-Majjistral tal-Montenegro. Hija parti mill-Alpi Dinariċi. L-ogħla quċċata taż-żona, Bobotov Kuk, hija għolja 2,523 metru.

Durmitor

Iż-żona muntanjuża hija kkonfinata mill-Kanjon tax-Xmara Tara fit-Tramuntana, mill-Kanjon tax-Xmara Piva fil-Punent, u mill-Kanjon tax-Xmara Komarnica fin-Nofsinhar. Fil-Lvant taż-żona muntanjuża ta’ Durmitor fiha pjanura għolja 1,500 metru, imsejħa Jezerska površ (il-Pjanura tal-Lagi). Il-muntanja Sinjavina tinsab fil-Lvant tal-pjanura ta’ Jezerska površ. Iż-żona muntanjuża ta’ Durmitor tinsab l-iktar fil-muniċipalità ta’ Žabljak.

Iż-żona muntanjuża ta’ Durmitor hija msejħa wkoll Park Nazzjonali ta’ Durmitor. Il-park nazzjonali ġie stabbilit fl-1952, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Qċaċet

immodifika
 
Veduta mill-quċċata ta’ Bobotov Kuk

Iż-żona muntanjuża ta’ Durmitor fiha 48 quċċata li jaqbżu l-2,000 metru. L-ogħla qċaċet huma:

  • Bobotov Kuk, 2,522 metru
  • Bezimeni vrh (Quċċata Bla Isem), 2,487 metru
  • Šljeme, 2,455 metru
  • Istočni vrh Šljemena (Quċċata tal-Lvant ta’ Sljeme), 2,445 metru
  • Soa / Đevojka, 2,440 metru
  • Milošev Tok, 2,426 metru
  • Bandijerna, 2,409 metru
  • Rbatina, 2,401 metru
  • Lučin vrh, 2,396 metru
  • Prutaš, 2,393 metru
  • Minin Bogaz, 2,387 metru
  • Planinica, 2,330 metru
  • Kobilja Glava, 2,321 metru
  • Savin Kuk, 2,313 metru
  • Šupljika, 2,310 metru
 
Veduta tal-Lag Iswed minn waħda mill-qċaċet

Iż-żona muntanjuża ta’ Durmitor fiha 18-il lag glaċjali, imxerrdin fuq l-art muntanjuża u fuq il-pjanura għolja ta’ Jezerska Površ. Il-lagi jkomplu jżidu b’mod sinifikanti mas-sbuħija tal-muntanji, u ġew imlaqqma Gorske Oči, jew “għajnejn il-muntanji”.[2]

Il-lagi jisimhom:

  • Lag Iswed
  • Lag ta’ Veliko Škrčko
  • Lag ta’ Malo Škrčko
  • Zeleni Vir
  • Lag ta’ Jablan
  • Lag ta’ Valovito
  • Vir u Lokvicama
  • Lag ta’ Srablje
  • Lag ta’ Modro
  • Suva Lokva
  • Lag ta’ Zminje
  • Lag ta’ Barno
  • Lag ta’ Pošćensko
  • Lag ta’ Zabojsko
  • Lag ta’ Vražje
  • Lag ta’ Riblje
  • Lag ta’ Zminčko
  • Lag ta’ Sušičko
 

Waħda mit-teoriji tal-isem Durmitor hi li oriġina mil-lingwa Rumanza tal-Balkani-Vlach, u li jfisser “post fejn torqod” (simili għal “dormitorju”). Madwar l-Eks Jugoslavja kollha hemm muntanji msemmija b’mod simili, fosthom il-muntanja Visător (li tfisser “wieħed li joħlom”) u l-muntanja Aţipitor (li tfisser “wieħed li jorqod”).[3]

Madankollu, it-teorija l-oħra u l-iktar waħda probabbli, hi li l-isem ingħata miċ-Ċeltiċi u t-tifsira x’aktarx li hi “ilma mill-muntanja” jew “muntanja mxerrda”. Meta wieħed iqis it-tul ta’ żmien li ċ-Ċeltiċi tal-qedem qattgħu qrib dan il-post u x-xmara Tara, l-isimha għandu oriġini Ċeltika, huwa ferm possibbli li l-isem “Durmitor” għandu l-istess oriġini.

Park Nazzjonali u Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika
 

Il-Park Nazzjonali ta’ Durmitor, li nħoloq fl-1952, jinkludi ż-żona muntanjuża ta’ Durmitor, il-kanjons tax-xmajjar Tara, Sušica u Draga u l-parti l-għolja tal-pjanura tal-kanjon ta’ Komarnica. Il-park nazzjonali jkopri erja ta’ 390 kilometru kwadru. Huwa l-ikbar żona protetta fil-Montenegro, u ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Il-kanjon tax-xmara Tara fil-Park Nazzjonali ta’ Durmitor huwa twil 80 kilometru u huwa fond 1,300 metru; b’hekk huwa l-iktar kanjon fond fl-Ewropa.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; il-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”; u l-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.[1]

Turiżmu

immodifika

Durmitor hija ċ-ċentru tat-turiżmu tal-muntanji tal-Montenegro. Il-faċilitajiet turistiċi huma kkonċentrati madwar ir-raħal ta’ Žabljak. Fix-xitwa, l-attivitajiet ewlenin f’Durmitor huma l- iskijjar u s- snowboarding. Fis-sajf, l-attivitajiet jaqilbu għall-mixi, għat-tixbit u għat-turiżmu rikreattiv fil-muntanji. Fiż-żona jiġu pprattikati wkoll sports tal-ilma.[5] Waħda mill-iktar attrazzjonijiet prominenti ta’ Durmitor huma t-18-il lag glaċjali, u l-iktar wieħed magħruf minnhom huwa l-Lag Iswed.[6]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Durmitor National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-21.
  2. ^ "Lakes" (bl-Ingliż). 2011-01-26. Miġbur 2021-05-21.
  3. ^ Room Adrian (2004) "Placenames of the World: Origins and Meanings of the Names for Over 5000 Natural Features", p. 112. ISBN 0-7864-1814-1.
  4. ^ "Durmitor National Park, Montenegro -- National Geographic". Travel (bl-Ingliż). 2011-04-08. Miġbur 2021-05-21.
  5. ^ ""Durmitur National Park Montenegro" (PDF). unep-wcmc.org" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2009-01-14. Miġbur 2021-05-21.
  6. ^ "Black Lake | Montenegro Attractions". Lonely Planet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-21.