Dorothy Leigh Sayers
Dorothy Leigh Sayers (13 ta' Ġunju 1893 – 17 ta' Diċembru 1957) kienet kittieba ta' rumanzi polizjeski u poetessa Ingliża, kif ukoll studenta tal-lingwi klassiċi u moderni. Sayers hi l-iżjed magħrufa għall-misteri, serje ta' rumanzi u sett ta' novelli li kitbet bejn l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija dwar l-aristokratiku u l-investigatur Ingliż Lord Peter Wimsey. Fost xogħlijiet oħra li saret magħrufa għalihom hemm ukoll drammi, kritika letterarja u esejs. Sayers kienet tqis it-traduzzjoni tagħha ta' La Divina Commedia ta' Dante bħala l-aħjar xogħol li qatt kitbet. L-obitwarju tagħha, li deher fil-gazzetta The New York Times fl-1957, irrimarka kif diversi kritiċi ta' dak iż-żmien kienu jqisu The Nine Tailors bħala l-aqwa kitba letterarja tagħha.[1]
Traduzzjonijiet
immodifikaSayers kienet tikkunsidra t-traduzzjoni tagħha ta' La Divina Commedia ta' Dante bħala l-aqwa xogħol li qatt kitbet. Fl-1949 ħareġ Hell, mis-serje ġdida ta' Penguin Classics, li huwa traduzzjoni bbażata fuq l-opra klassika La Divina Commedia. Fl-1955, dan ġie segwit mill-ktieb Purgatory. Għalkemm it-tielet volum ta' din is-serje, bl-isem ta' Paradise, kien għadu ma tlestiex qabel mietet Sayers, eventwalment dan tkompla minn Barbara Reynolds fl-1962.
L-għan tat-traduzzjoni ta' Sayers huwa li żżomm it-terza rima oriġinali tat-Taljan. Pereżempju, Sayers tbiddel il-vers "Abandon all hope, ye who enter here", f'"Lay down all hope, you who go in by me", biex il-frażi "go in by me" tiġi tirrima ma' "made to be" li tinstab żewġ versi qabilha u "unsearchably" li tinstab erba' versi qabilha. Bit-Taljan tiġi "Lasciate ogne speranza, voi ch'intrate", u kemm it-traduzzjoni tradizzjonali kif ukoll dik ta' Sayers iżidu mat-test sors biex iżommu t-tul tal-vers oriġinali: "here" ġiet miżjuda f'dik tradizzjonali u "by me" ġiet miżjuda minn Sayers fil-verżjoni tagħha. Iż-żieda ta' "by me" tieħu mill-vers ta' qabel li jgħid: "Per me si va ne la città dolente;/ per me si va ne l'etterno dolore;/ per me si va tra la perduta gente." (Fil-verżjoni tradizzjonali Ingliża ta' Longfellow: "Through me the way is to the city dolent;/ through me the way is to the eternal dole;/ through me the way is to the people lost"). Umberto Eco, fil-ktieb tiegħu Mouse or Rat?, jissuġġerixxi li mid-diversi traduzzjonijiet bl-Ingliż, dik ta' Sayers hija l-aħjar waħda fejn tidħol il-preservazzjoni tal-endekasillabi u r-rima.
It-traduzzjoni ta' La Divina Commedia ta' Sayers tinkludi noti estensivi fl-aħħar ta' kull canto, fejn tispjega d-definizzjoni teoloġika għal dik li hi ssejħilha "allegorija Kristjana mill-aqwa". It-traduzzjoni tagħha baqgħet popolari minkejja li ġew ippubblikati traduzzjonijiet ġodda minn Mark Musa u Robin Kirkpatrick. Sal-2009, Penguin Books kienu għadhom qed jippubblikaw l-edizzjoni ta' Sayers.
Barra minn hekk, Sayers faħħret lil Roland talli kienet leġġenda purament Kristjana, f'kuntrast ma' poeżiji epiċi bħal Beowulf fejn innutat kontenut b'elementi pagani qawwija.
Bħall-kittieb Charles Williams (1886-1945), Sayers ukoll kellha passjoni għax-xogħol ta' Dante. Fil-fatt, hija tat kontribut f'esej dwar La Divina Commedia fil-volum Essays Presented to Charles Williams, miktub b'tifkira għalih.[2]
Referenzi
immodifika- ^ "Dorothy Sayers, Author, Dies at 64". archive.nytimes.com. Miġbur 2022-05-04.
- ^ Dorothy L. Sayers, " '... And Telling You A Story' A Note on The Divine Comedy" in Essays Presented to Charles Williams, ed. C. S. Lewis (Oxford: Oxford University Press, 1947), pp. 1–37.