Diskussjoni:Mitoloġija Griega
Eroini vs. Erojini?
immodifikaĠieni dubju żgħir rigward erojini. Nafu li s-singular huwa eroina; il-ħoss tal-j fil-plural ma jinstemax u għalhekk din il-konsonanti tidher dispensabbli. Xi ħadd jista' jikkonferma? --Roderick Mallia 08:36, 20 Settembru 2005 (UTC)
Eroina u erojina (u allura eroini/erojini) it-tnejn aċċettabbli. Jien għażilt dik bil-j għaliex waqt li fid-dizzjunarju mill-Malti għall-Ingliż Aquilina jagħti ż-żewġ verżjonijiet, f'dak mill-Ingliż għall-Malti jagħti erojina biss. Din id-diffikultà tidher ukoll fil-kelma erojiżmu, bil-j mill-Ingliż għall-Malti u mingħajrha (eroiżmu) fid-dizzjunarju mill-Malti għall-Ingliż.
Xtaqt niġbidlek l-attenzjoni għall-kriterju li semmejt. Qiegħed nirreferi għal: il-ħoss tal-j fil-plural ma jinstemax u għalhekk din il-konsonanti tidher dispensabbli Il-fatt li ħoss jinstema' jew le ma jiddeterminax jekk jinkitibx; eż. id-d f'għandna jew is-s f'daqsxejn ma jinstemgħux imma jinkitbu għaliex l-ortografija timxi fuq kriterju fonoloġiku u fonetiku (dak li tisma') daqskemm fuq dak etimoloġiku u morfoloġiku! --Ferdinand 09:44, 20 Settembru 2005 (UTC)
Naf. Imma meta jkollok każ ta' żewġ vokali maġenb xulxin f'kelma Rumanza u waħda minnhom hija I , il konsonanti qaddejja J tinkiteb biss meta din tinstema' ċar fil-kelma: eż. briju. Meta l-ħoss ma jkunx dispensabbli il-J ma tinkitibx u minflokha tintuża vokali oħra eż. riabilitazzjoni. --Roderick Mallia 10:57, 20 Settembru 2005 (UTC)
Naħseb erġajna waqajna fil-każ li inti tlissen 'eroina' mentri jien ngħid 'erojina'. Waqt li għalik eroina (id-droga) u erojina (femminil ta' eroj) jitlissnu l-istess, għaliha m'humiex hekk. Din id-differenza mhix biss bejnek u bejni, tant li Aquilina għażel li jniżżel iż-żewġ forom. Il-Malti miżgħud b'varjanti ortografiċi: abaku/abbaku; oriġni/oriġini; villeġġatura/villeġġjatura; daħak/daħaq; orġja/orġa... F'dan il-każ jien nippreferi nuża erojina bil-j. Fil-kitbiet tiegħek uża l-varjant l-ieħor. Ma narax diffikultà, basta fl-istess kitba dak li jkun iżomm ma' l-istess varjant li jagħżel. --Ferdinand 11:18, 20 Settembru 2005 (UTC)
Fid-dizzjunarju Ingliż-Malti ta' Psaila-Diacono il-verżjoni 'eroina' biss hija mniżżla. Imma diment li nżommu l-istess verżjoni fl-istess artiklu m'għandiex għalfejn tkun problema. --Roderick Mallia 11:24, 20 Settembru 2005 (UTC)
M'għandi xejn kontra xogħol Psailia-Diacono, imma ma nafx b'kumpilazzjoni ta' dizzjunarju mitbugħa sal-lum li tħaqqaqha ma' Aquilina. Għad li ebda dizzjunarju mhu perfett mija fil-mija, nippreferi noqgħod (u, jekk tippermettili, intik parir toqgħod) aktar fuq Aquilina. --Ferdinand 11:32, 20 Settembru 2005 (UTC)