Delta ta' Saloum

il-bokka tax-xmara Saloum fis-Senegal

Id-Delta ta' Saloum jew id-Delta ta' Sine-Saloum hija l-bokka jew il-ħalq (delta) tax-xmara Saloum fis-Senegal fejn tnixxi fit-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku. Id-delta għandha erja ta' 180,000 ettaru[1] u hija estiża għal 72.5 kilometru tul il-kosta u għal 35 kilometru 'l ġewwa mill-baħar.

Id-Delta ta' Saloum.

Fl-2011 parti tad-delta kbira 145,811-il ettaru tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Is-sit jinkludi "kanali bl-ilma salmastru u jinkorpora iktar minn 200 gżira u ġżejra, foresta tal-mangrovji, ambjent tal-baħar Atlantiku, u foresta niexfa".[2] Il-Park Nazzjonali tad-Delta ta' Saloum ikopri 76,000 ettaru tad-delta.

Fost l-ispeċijiet ta' għasafar li jitnisslu jew jieqfu jistrieħu fix-xitwa f'dawn l-inħawi hemm iċ-ċirlewwa rjali, il-fjamingu l-kbir, il-paletta, il-beggazzina ħamra, il-monakella imperjali u t-tertuxa. Apparti li d-delta hija post importanti għat-tnissil tal-għasafar, id-Delta ta' Saloum fiha 218-il munzell u artefatti tal-qxur tal-baħar li nstabu f'xi 28 sit funebri li taw ħjiel importanti rigward l-istorja tal-okkupazzjoni umana fl-inħawi.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Id-Delta ta' Saloum ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Referenzi

immodifika
  1. ^ William J. Mitsch; James G. Gosselink (2007). Wetlands. John Wiley and Sons. p. 92. ISBN 978-0-471-69967-5.
  2. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Saloum Delta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-02.