Baċir tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Nord-Pas de Calais
Il-Baċir tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Nord-Pas de Calais huwa baċir tax-xogħol fil-minjieri fit-Tramuntana ta' Franza estiż tul id-dipartimenti ta' Nord u ta' Pas de Calais. Ir-reġjun huwa famuż għall-istorja twila tiegħu ta' estrazzjoni tal-faħam u jirrappreżenta perjodu sinifikanti fl-istorja tal-industrijalizzazzjoni fl-Ewropa, u minħabba f'hekk tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1] Dawn l-inħawi ssawru permezz ta' tliet sekli ta' estrazzjoni tal-faħam mill-aħħar tas-seklu 17 sas-seklu 20, u juru l-evoluzzjoni tat-tekniki tal-estrazzjoni tal-faħam u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol matul dak iż-żmien.
Deskrizzjoni u storja
immodifikaIl-Baċir tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Nord-Pas de Calais huwa l-parti tal-Punent ta' baċir rikk bil-faħam fi Franza li jibqa' sejjer sal-fruntiera mal-Belġju u lil hinn. Fi Franza, il-baċir ikopri 1,200 kilometru kwadru, inkluż il-bliet ta' Béthune, Lens, Douai u Valenciennes. Minħabba l-istorja twila ta' xogħol fil-minjieri bħala l-industrija predominanti, l-arkitettura u l-pajsaġġ tar-reġjun huma uniċi.
Għalkemm il-faħam ġie skopert għall-ewwel darba fil-baċir fl-1660 u l-ewwel foss tħaffer għall-ħabta tal-1692, ma tantx kien hemm wisq estrazzjoni tal-faħam fit-Tramuntana ta' Franza sa nofs is-seklu 18.[1] Madankollu, biż-żieda fl-iskarsezza tal-injam u l-waqgħa tal-Ewwel Imperu Franċiż fl-1815, il-fosos tal-faħam qrib Valenciennes tkabbru u l-kumpaniji tal-estrazzjoni bdew jiġu stabbiliti fir-reġjun. Fis-snin 40 tas-seklu 19, il-parti tal-Punent tal-baċir ġiet skoperta.[2]
Mill-bidu tat-Tieni Imperu Franċiż fis-snin 50 tas-seklu 19, il-Baċir tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Nord-Pas de Calais sar l-iżjed baċir importanti tax-xogħol fil-minjieri fi Franza. Sal-1880, l-estazzjoni mill-baċir laħqet kważi tmien miljun tunnellata, u fil-bidu tal-1900 kienet tirrappreżenta terz tal-estrazzjoni kollha tal-faħam fi Franza. Ir-rumanz famuż Germinal, miktub minn Émile Zola fl-1885, jiddeskrivi l-kundizzjonijiet iebsin u l-ħajja tax-xogħol diffiċli tal-minaturi matul it-tkabbir tal-estrazzjoni tal-faħam fir-reġjun. Id-diżastru fil-minjiera ta' Courrières seħħ fir-reġjun fl-1906, u wassal għall-mewt ta' 1,099 ruħ.
Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Front tal-Punent qasam ir-reġjun fi tnejn, u l-parti tal-Lvant tal-baċir tax-xogħol fil-minjieri ġiet mgħerrqa bl-ilma. Madankollu, sal-1930, il-baċir kellu estrazzjoni li tlaħħaq il-35 miljun tunnellata, jiġifieri 60 % tal-produzzjoni nazzjonali tal-faħam fi Franza. B'kollox fil-baċir kienu impjegati madwar 75,000 ħaddiem. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-produzzjoni bdiet tbatti, u l-minjieri kollha fl-inħawi essenzjalment ingħalqu sal-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Baċir tax-Xogħol fil-Minjieri ta' Nord-Pas de Calais ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Is-Sit ta' Wirt Dinji huwa magħmul minn 108 komponenti tal-minjieri tal-inħawi li fl-imgħoddi kienu tassew prolifiċi. Fis-sit jiġu ppreservati diversi strutturi tax-xogħol fil-minjieri, fosthom 17-il foss tax-xogħol fil-minjieri, 21 struttura tal-estrazzjoni (li kienu jintużaw bħala qafas għas-sistemi ta' olzar fuq il-minjieri), 51 għolja tal-iskart tal-estrazzjoni, l-infrastruttura tat-trasport tal-faħam (inkluż il-vetturi tax-xogħol fil-minjieri u l-istazzjonijiet ferrovjarji), il-proprjetajiet tal-ħaddiema, u l-villaġġi qrib il-minjieri. Fi ħdan il-villaġġi qrib il-minjieri, huma protetti wkoll l-iskejjel, il-binjiet reliġjużi, il-faċilitajiet tas-saħħa u tal-komunità, l-istabbilimenti tal-kumpaniji, id-djar tas-sidien u tal-maniġers, u l-muniċipji.[1]
Gallerija
immodifika-
Fosse De Sessevalle in the 1930s.
-
Fosse #1 - 1 bis - 1 ter of Liévin colliery, ca. 1910.
-
Fosse #2 of Marles colliery.
-
Miners housing, or corons, Cité De Sessevalle.
-
Slag heap #93, called "21 Nord de Courrières".
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ d e f Centre, UNESCO World Heritage. "Nord-Pas de Calais Mining Basin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-05.
- ^ "Nord-Pas de Calais Mining Basin, France". Google Arts & Culture (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-05.