Wikimedia Commons
Il-Wikimedia Commons (jew sempliċiment Commons) huwa repożitorju ta' kontenut ħieles ta' stampi, awdjo u riżorsi multimedjali oħra. Huwa proġett tal-Fondazzjoni Wikimedia u l-fajls imtella' fuq din is-sistema jistgħu jintuża fil-proġetti kollha tal-Wikimedia[2] b'kull lingwa, fosthom il-Wikipedija, il-Wikitbiet u l-Wikibarijiet, jew jitniżżlu għall-użu mhux fuq l-internet. Il-kontenut ikun fid-dominju pubbliku jew rilaxxat taħt il-liċenzji ħielsa bħal-Liċenzja ta' dokumentazzjoni ħielsa GNU.[3] Sa Marzu 2009, ir-repożitorju kellu iktar minn 4.1 miljun fajl multimedjali.
URL | commons.wikimedia.org |
---|---|
Kummerċjali? | Le |
Tip ta' sit | Repożitorju multimedjali |
Reġistrazzjoni | Opzjonali (bżonnjuż jekk wieħed irid itella' fajls) |
Proprjetarju | Fondazzjoni Wikimedia |
Maħluqa minn | Komunità Wikimedia |
Pubblikata | 7 ta' Settembru, 2004 |
Pożizzjoni fuq Alexa | 176[1] |
Stat attwali | Attiva |
Storja
immodifikaIl-proġett kien ġie propost minn Erik Möller f'Marzu 2004[4] u beda l-funzjoni tiegħu fis-7 ta' Settembru 2004.[5][6] L-għan prinċipali tal-iffurmar ta' repożitorju ċentrali kien ix-xewqa li jitnaqqsu l-isforzi doppji fi ħdan il-proġetti u l-lingwi tal-Wikimedia. L-istess fajl kellu jiġi mtella' separatament ħafna drabi fuq wikis differenti qabel ma l-Commons ġie maħluq. F'Ottubru 2004 ġie implimentat id-dettal tekniku li fajl fuq Commons seta' jintuża fuq kwalunkwe proġett tal-Wikimedia, li wassal għal aktar użu ta' Commons bħala repożitorju. Il-logo tal-proġett sar minn Reid Beels, li għall-bidu kien bagħtu f'konkors tal-logo għall-Wikibarijiet. Dan il-logo daħal fil-kompetizzjoni għal-logo ta' Commons, li eventwalment rebaħha, u kien adottat uffiċjalment f'Novembru 2004.[7]
F'April 2005, Directmedia Publishing, kumpanija minn Berlin li wkoll tippubblika edizzjoni tal-Wikipedija bil-Ġermaniż fuq DVDs, għamlet għotja ta' 10,000 riproduzzoni ta' pitturi pubbliċi lill-Wikimedia Commons, li ġew mtella' flimkien bil-metadata fuq l-arti u l-kreaturi tagħhom.[8]
Fl-24 ta' Mejju 2005, il-Wikimedia Commons laħaq il-100,000 fajl multimedjali (esklużi l-eluf ta' stampi tat-temp u tas-swieq għall-Wikibarijiet). Fit-30 ta' Novembru 2006, il-proġett laħaq il-miljun fajl li ttella' fuq is-sistema. Biex jiġi mfakkar dan l-avvinement tant prestiġjuż, l-edituri tas-sit għamlu logo ta' "mużajk" tal-Fondazzjoni Wikimedia.[9]
Maż-żmien ġew miżjuda funzjonijiet oħra li tejbu l-interfaċċa tal-Wikimedia Commons mal-proġetti l-oħra tal-Wikimedia. Daniel Kinzler ħoloq xi applikazzjonijiet li l-użu tagħhom kellu jkun li jinstabu kategoriji xierqa għall-fajls li jiġu mtella' ("CommonSense"), li jiġi ddeterminat l-użu tal-fajls fuq il-proġetti tal-Wikimedia l-oħra ("CheckUsage"), li jiġu lokalizzati stampi li m'għandhom ebda informazzjoni fuq id-drittijiet tal-awtur ("UntaggedImages"), u għal informazzjoni fuq azzjonijiet amministrattivi bħal tħassir fuq il-wikis ("CommonsTicker"). Is-sit web għandu wkoll mutur ta' tfittxija aktar iffukat fuq it-tfittxija tal-istampi, bl-isem ta' MayFlower.
Diversi għodda biex wieħed ikun jista' jtella' fajls b'aktar faċilità ġew ikkreati, bħal "Commonist". Dan iservi biex jissimplifika l-proċess ta' tlugħ ta' numru kbir ta' fajls. Ħafna proġetti tal-Wikimedia għadhom iħallu li jiġu mtellgħin fajls fuq il-wiki biss u li ma jistgħux jiġu użati fuq proġetti jew lingwi oħra, imma din l-għażla tintuża primarjament għal materjal li huwa permess mill-proġett lokali, imma ma jiġix permess skont il-politika tad-drittijiet tal-awtur ta' Commons, bħall-kontenut għal użu ġust. Wikimedia Commons stess ma tħallix li jiġu mtella' fajls taħt liċenzji li ma jħallux użu ġust, li jinkludu liċenżji li jillimitaw użu kummerċjali ta' materjali jew ma jħallux xogħlijiet derivattivi. Liċenzji li huma aċċettati jinkludu l-GNU Free Documentation License, il-Creative Commons Attribution u liċenzji ShareAlike,[10] u d-dominju pubbliku.
Il-lingwa awtomatika ta' Commons hi l-Ingliż, però l-utenti reġistrati jistgħu jippersonalizzaw l-interfaċċa tagħhom biex jużaw traduzzjoni disponibbli għall-interfaċċa tal-utent. Diversi paġni ta' kontenut, partikularment il-paġni tal-politika u l-portali, ġew ukoll tradotti b'diversi lingwi. Il-fajls fuq il-Wikimedia Commons huma kategorizzati taħt is-sistema ta' kategorija tal-MediaWiki.
Kwalità
immodifikaDan is-sit għandu tliet mekkaniżmi biex jagħraf il-kwalità tax-xogħol. Waħda hi magħrufa bħala "Stampi fil-vetrina", fejn xi xogħlijiet jiġu nominati u l-membri tal-komunità jivvutaw biex jiddeċiedu jekk jaċċetawx jew le n-nominazzjoni. Dan il-proċess beda f'Novembru 2004. Proċess ieħor hu "Stampi ta' kwalità" li beda f'Ġunju 2006, u għandu proċess eħfef ikkumparat ma' dak ta' "Stampi fil-vetrina". "Stampi ta' kwalità" jaċċetta biss nominazzjonijiet minn partijiet terzi bħan-NASA. Proġett ieħor tal-valutazzjoni tal-istampi, magħruf bħala "Stampi ta' valur", beda fl-1 ta' Ġunju 2008 bl-għan li jirrikonoxxi "l-aktar illustrazzjonijiet valorizzati tat-tip tagħhom", f'kuntrast maż-żewġ proċessi l-oħra li jivvalutaw l-istampi primarjament fuq il-kwalità teknika.
F'Jannar 2007, is-sit inawgura l-kompetizzjoni ta' "L-Istampa tas-Sena", għall-2006. Kull stampa li dehret fil-vetrina matul l-2006 kienet eliġibbli għal votazzjoni mill-utenti tal-Wikimedia. Il-votazzjoni kienet maqsuma f'żewġ rawnds. L-istampa rebbieħa kienet stampa ta' Awrora qalb ambjent tas-silġ, li ġiet meħuda minn membru tal-Forzi Armati tal-Istati Uniti.
Referenzi
immodifika- ^ wikimedia.org - Dettalji tat-traffiku minn Alexa (Diċembru 2008)
- ^ Wikimedia Commons (ed.). "Embedding Commons' media in Wikimedia projects" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ Twist, Jo. BBC News (ed.). "Open media to connect communities" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ Möller, Erik. "[Wikipedia-l] Proposal: commons.wikimedia.org" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ "Paġna Ewlenija" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametrs mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
u|publikatur=
(għajnuna) - ^ "Wikimedia Commons: Über 100.000 freie Bilder, Töne und Filme" (bil-Ġermaniż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ Wikimedia Commons (ed.). "Commons:Logo/Vote" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ Wikimedia Commons (ed.). "10,000 paintings from Directmedia" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ "One millionth file uploaded to Wikimedia Commons, the free media repository" (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|aċċess=
(għajnuna) - ^ Ara liċenzji ta' Creative Commons, liema "NonCommercial" u "NoDerivs" ma jistgħux jintużaw fuq Wikimedia Commons.
Ħoloq esterni
immodifikaWikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Wikimedia Commons |
- Wikimedia Commons
- MayFlower, mutur ta' tfittxija għal stampi provduti minn Wikimedia Commons