Tinqix fuq il-Blat f'Tanum

sit ta' wirt dinji ta' petroglifiċi fl-Iżvezja

It-Tinqix fuq il-Blat f'Tanum (bl-Iżvediż: Hällristningsområdet i Tanum) huma kollezzjoni ta' petroglifiċi ħdejn Tanumshede, Bohuslän, l-Iżvezja, li ġew iddikjarati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994[1] minħabba l-konċentrazzjoni kbira ta' tinqix fuq il-blat.

Tinqix ta' tliet irġiel f'qisu ritwal

Petroglifiċi immodifika

B'kollox hemm eluf ta' immaġnijiet imsejħa petroglifiċi ta' Tanum, fuq madwar 600 blata fi ħdan is-Sit ta' Wirt Dinji. Dawn huma kkonċentrati f'żoni distinti fuq estensjoni ta' 25 kilometru, u jkopru erja ta' 51 ettaru.

Meta sar it-tinqix, ir-reġjun kien jinsab mal-kosta, iżda issa jinsab f'elevazzjoni ta' 25 metru.[2]

In-nies Skandinavi ta' Żmien il-Bronż u ta' Żmien il-Ħadid kienu artiġjani sofistikati u kienu vjaġġaturi u baħħara kompetenti ħafna. Id-dati preċiżi jvarjaw skont ir-reġjun; fl-Iskandinavja, Żmien il-Bronż kien bejn wieħed u ieħor bejn l-1800 u l-500 Q.K. Ħafna mill-petroglifiċi mnaqqxa huma ta' dgħajjes. Uħud minnhom jidhru qishom dgħajjes tat-tip magħruf bħala "Hjortspring" li kienu jġorru madwar tużżana passiġġieri. Xi petroglifiċi oħra huma ta' karrijiet.

Hemm tinqix li juri figuri umani b'qaws, b'lanza jew b'mannara, u tinqix ieħor li juri xeni tal-kaċċa. F'kollha kemm huma, il-petroglifiċi juru nies jagħmlu xi ritwali. Hemm figura umana b'moħriet miġbud minn żewġ gniedes, u f'idejha qed iżżomm qisha fergħa jew xi niggieża jew sawt tal-bhejjem magħmul minn għadd ta' strippi tal-ġilda.

Waħda mill-blatiet il-kbar b'petroglifiċi Nordiċi ta' Żmien il-Bronż fl-Iskandinavja (għolja 22 metru u wiesgħa sitt metri), magħrufa bħala Vitlyckehäll, tinsab f'Tanumshede. Fiha kważi 300 tinqixa ta' varjetà ta' xeni, nies u oġġetti.

It-tinqix fuq il-blat huwa mhedded mill-erożjoni minħabba x-xita aċidika u wħud mit-tinqix għalhekk jiġu mgħottija jew b'mod permanenti jew inkella matul ċertu żminijiet tas-sena. Uħud mill-petroglifiċi ġew miżbugħin bl-aħmar biex ikunu iktar viżibbli għat-turisti; prattika li ġiet ikkritikata ferm peress li tnaqqas mill-awtentiċità u l-istat oriġinali tat-tinqix.[3][4]

Storja reċenti immodifika

 
Tinqix ta' dgħajsa tat-tip Hjortspring

L-ewwel dokumentazzjonijiet tal-immaġnijiet tas-Sit ta' Wirt Dinji saru fl-1627 meta Peder Alfsön, tabib u lettur Norveġiż, għamel tpinġijiet bil-linka ta' wħud mit-tinqix. L-ewwel dokumentazzjonijiet professjonali saru fl-1792 minn Carl Gustaf Gottfried Hilfeling, li ntbagħat min-nobbli Pehr Tham biex ipinġi t-tinqix. Għadd ta' skavi u dokumentazzjonijiet saru matul il-bidu tas-seklu 19, primarjament immexxija minn Carl Georg Brunius u Axel Emmanuel Holmberg, li ppubblikaw ir-riċerka u ddibattew fit-tul x'kienet l-iktar era plawżibbli meta nħolqu. Argumenti sodi favur l-era li issa ġiet aċċettata ma tressqux qabel l-aħħar tas-seklu 19, meta Oscar Montelius u Viktor Rydberg ippreżentaw evidenza li torbot it-tinqix ma' Żmien il-Bronż. Matul il-bidu tas-seklu 20, l-istudji bdew jiffokaw iktar fuq it-tifsira tat-tinqix, iktar milli biex tiġi stabbilita l-era meta sar it-tinqix, iżda xogħol li sar fl-aħħar tas-seklu 20 ikkonferma li t-tinqix x'aktarx li sar matul Żmien il-Bronż.[5][6]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
It-tinqix fuq il-blata magħrufa bħala Aspeberget

It-Tinqix fuq il-Blat f'Tanum ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 u jħaddan fih bejn wieħed u ieħor 45 km². Kull sena jżuru s-sit xi 100,000 ruħ, għalkemm il-viżitaturi ma jitħallewx jimxu fuq it-tinqix jew imissuh.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Carvings in Tanum". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-12-06.
  2. ^ Douglas Price, Theron (2015). Ancient Scandinavia: An Archaeological History from the First Humans to the Vikings. Oxford University Press. p. 196. ISBN 978-0190231972.
  3. ^ Gustafsson, Anders; Karlsson, Håkan (Autumn 2008). "Places of Power: Control, Public Access and Authenticity at Rock Carvings in Tanum, Sweden and Val Camonica, Italy". Public Archaeology. 7 (3): 174–198.
  4. ^ Douglas Price, Theron (2013). Europe Before Rome. OUP USA. p. 284. ISBN 978-0199914708.
  5. ^ Johan Ling, Peter Skoglund, Ulf Bertilsson (2015). Picturing the Bronze Age. Oxbow Books. pp. 5–20. ISBN 978-1782978824.
  6. ^ Bertil Almgren (1987) Die Datierung Bronzezeitlicher Felszeichnungen in Westschweden, Acta Musei Antiquitatum Septentrionalum Regiae Universitatis Upsaliensis VI. Uppsala: Uppsala Universitets Museum för Nordiska Fornsaker Gustavianum