The Kite Runner huwa l-ewwel rumanz tal-awtur Afgan-Amerikan Khaled Hosseini. Ippubblikat fl-2003 minn Riverhead Books, jirrakkonta l-istorja ta' Amir, tifel żgħir mid-distrett Wazir Akbar Khan ta' Kabul, li l-akbar ħabib tiegħu kien Hassan, mir-razza tal-Hazara li kien bin il-qaddej ta' missieru. Fl-isfond hemm ġrajjiet kbar iseħħu, mill-waqgħa tal-monarkija Afgana permezz tal-intervent militari Sovjetiku, l-eżodu tar-refuġjati lejn il-Pakistan u l-Istati Uniti, u l-qawmien tar-reġim tat-Talibani.

L-awtur Khaled Hosseini

Ir-rumanz huwa storja ta' missier u iben. Joħorġu ħafna wkoll it-temi ta' ħtija u redenzjoni bix-xena ewlenija tkun att ta' vjolenza kontra Hassan li Amir ma jagħmel xejn biex iwaqqaf. It-tieni nofs tal-ktieb jitratta t-tentattivi ta' Amir li jpatti għal dan billi jeħles lil bin Hassan għoxrin sena wara.

Fl-Istati Uniti biss inbigħu iktar minn 7 miljun kopja tal-ktieb.Fl-2007 ħareġ film bl-istess isem li kien addattament tal-ktieb. Il-ktieb inqaleb fi 42 lingwa oħra.

Trama immodifika

L-ewwel parti immodifika

Amir, tifel sinjur Afgan (Pashtun), u Hassan, mir-razza Hazara bin Ali, il-qaddej ta' missier Amir, iqattgħu jiemhom itajru u jillatikaw fuq it-tajra li kienu jtajru fil-belt paċifika ta' Kabul. Hassan huwa "kite runner" mill-aqwa għal Amir; ikun jaf fejn it-tajra se tinżel bla ma jħares lejha. Missier Amir, negozjant sinjur li Amir isejjaħlu Baba, iħobb liż-żewġ subien, iżda spiss jikkritika lil Amir, li jqisu dgħajjef u bla kuraġġ. Amir isib figura ta' missier iktar ħanin f'Rahim Khan, l-ikbar ħabib ta' Baba, li jifhmu u jappoġġjah fl-interess tiegħu fil-kitba.

Assef, tifel ikbar minnhom u magħruf bħala wieħed vjolenti, iwaqqa' għaċ-ċajt lil Amir għax kien jagħmilha ma' Hazara li, skont Assef, huma razza inferjuri li għandhom jgħixu biss f'Hazarajat. Darba minnhom, jipprova jattakka lil Amir b'bokkli tar-ramm, imma Hassan jaqbeż għal Amir, u jhedded lil Assef li jaqlagħlu għajn bl-iżbandola. Assef iċedi imma jaħlef li jpattihielhom.

Darba minnhom, Amir jirbaħ kompetizzjoni tat-tajra u fl-aħħar jaqla' t-tifħir ta' missieru. Hassan imur ifittex u jsib it-tajra ta' Amir iżda fi sqaq isib lil Assef. Hassan ma jkunx irid itih it-tajra u Assef isawtu bla ħniena u jabbużah sesswalment. Amir jara kollox iżda jibża' u ma jagħmel xejn. Jaf li jekk ma jġibx lura t-tajra, Baba ma jkunx daqstant kburi bih. Iħossu terribilment ħati iżda lil missieru ma jgħidlu xejn fuq l-inċident. Amir jibda jżomm 'il bogħod minn Hassan; is-sens ta' ħtija fih ikun kbir wisq.

Amir jibda jemmen li ħajtu tkun eħfef kieku Hassan ma jibqax magħhom, u għalhekk iqiegħed arloġġ u xi flus taħt is-saqqu ta' Hassan bit-tama li Baba jkeċċih; Hassan jistqarr li kien hu li seraqhom meta kkonfrontat minn Baba, minkejja li ma kienx hu. Iżda għalkemm Baba jaħfirlu, Hassan u Ali xorta jitilqu. Amir suppost huwa ħieled milli jiftakar kuljum fit-tradiment tiegħu, iżda xorta jibqa' jgħix fid-dell tiegħu.

It-tieni parti immodifika

Ħames snin wara, fl-1979, l-Unjoni Sovjetika tintervjeni militarment fl-Afganistan. Amir u Baba jaħarbu lejn Peshawar, fil-Pakistan, u mbagħad lejn Fremont, California, fejn jibdew jgħixu f'appartament. Baba jibda jaħdem f'gas station. Wara li jiggradwa mill-high school, Amir jibda jattendi lezzjonijiet fis-sengħa tal-kitba. Kull nhar ta' Ħadd, Baba u Amir jaqilgħu xi ħaġa iżjed billi jbigħu xi affarijiet fis-suq. Hemm, Amir jiltaqa' ma' Soraya Taheri u l-familja tagħha, refuġjati Afgani bħalu. Baba jsibhulu kanċer terminali iżda jkun baqagħlu s-saħħa jitlob lil missier Soraya l-permess biex Amir jiżżewwiġha. Missierha jaqbel, u jiżżewġu. U ftit wara Baba jmut. Amir u Soraya ikunu ferħanin biż-żwieġ tagħhom, iżda jsiru jafu b'dispjaċir kbir li ma setax ikollhom tfal.

Amir jagħmel suċċess fil-karriera tiegħu ta' rumanzier. Ħmistax -il sena wara li jiżżewweġ, Amir jirċievi telefonata mingħand Rahim Khan, li jkun qiegħed imut, u jitolbu jmur Peshawar. Jgħidlu, "There is a way to be good again." U Amir imur.

It-tielet parti immodifika

Mingħand Rahim Khan, Amir isir jaf li Ali kien inqatel minn land mine u li Hassan u martu nqatlu wara li Hassan ma riedx iħalli lit-Taliban jikkonfiskaw id-dar ta' Amir f'Kabul. Rahim Khan jgħidlu ukoll li Ali ma kienx il-missier bijoloġiku ta' Hassan, għax Ali kien sterili. Hassan fir-realtà kien iben Baba, u allura ħu Amir. Fl-aħħar jgħid lil Amir li riedu jiġi l-Pakistan biex jeħles lil Sohrab, bin Hassan, minn orfanatrofju f'Kabul.

Amir, flimkien ma' Farid, xufier tat-taxi Afgan u veteran tal-gwerra mar-Russi, imorru jfittxu lil Sohrab. Isiru jafu li uffiċjal tat-Taliban spiss kien imur fl-orfanatrofju, u jieħu miegħu waħda mit-tfal, xi drabi anke tifel. Dan l-aħħar kien qed jieħu lil Sohrab. Id-direttur jgħid lil Amir kif isib lil dan l-uffiċjal u Amir jagħmel appuntament miegħu.

Amir jiltaqa' miegħu u jsir jaf li dan ma kien ħadd għajr Assef. Assef kien qed iżomm lil Sohrab f'daru, ilibbsu ħwejjeġ tan-nisa u jabbużah sesswalment. Assef jaqbel li jeħilsu iżda għal prezz: li jsawwat lil Amir. Sohrab iwaqqaf is-swat bla ħniena ta' Assef billi bl-iżbandola jaqla' l-għajn ix-xellugija ta' Assef, u hekk iwettaq it-theddida li missieru kien għamel snin qabel.

Amir jgħid lil Sohrab bil-pjan tiegħu li jieħdu l-Amerika u jaddottah. Iżda l-awtoritajiet Amerikani jitolbu evidenza li Sohrab kien orfni. Amir jgħid lil Sohrab li se jkollu jikser il-wegħda tiegħu għal xi żmien sakemm l-affarijiet ikunu ċċarati, u Sohrab jipprova jneħħi ħajtu. Amir sa fl-aħħar jirnexxilu jieħdu l-Istati Uniti. Wara li jaddottawh, Sohrab ma jkunx irid jinteraġixxi ma' Amir jew Soraya sakemm Amir ifakkru f'missieru Hassan u t-tajra u jurih ftit mit-tricks ta' missieru. Fl-aħħar, fuq wiċċ ta' Sohrab tfeġġ daqxejn ta' tbissima, iżda għal Amir din tfisser dinja.

Ħoloq esterni immodifika