Raymond Caruana (1961- 5 ta' Diċembru, 1986) kien żagħżugħ li nqatel fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja wara tiri sparati fid-direzzjoni tal-Każin.

Kuntest storiku immodifika

Fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1981, il-Partit Laburista ġab maġġoranza ta' siġġijiet iżda mhux ta' voti. Il-Partit Nazzjonalista ma aċċettax ir-riżultat u beda moviment ta' diżubbidjenza ċivili.

Il-qtil ta' Raymond Caruana kien il-qofol tal-vjolenza politika fit-tmeninijiet u kien qtil li seħħ f'katina ta' vjolenza politika li kkaratterizzat lil Malta fil-perjodu bejn it-30 ta' Novembru 1986 u t-12 ta' Diċembru 1986.

Fit-30 ta' Novembru, il-Partit Nazzjonalista ma kienx tħalla jagħmel Mass Meeting fiż-Żejtun, u kienet saret ġlieda mal-partitarji Laburisti u l-Pulizija.

Il-vjolenza kompliet fl-1 ta' Diċembru 1986 meta xi partitarji Laburisti f'carcade, waqfu quddiem il-Kazin Nazzjonalista ta' Ħal Tarxien u sparaw tiri ta' sub machine gun lejn il-bieb tal-Każin li kien maghluq.

Il-Qtil immodifika

Nhar il-5 ta' Diċembru 1986 filgħaxija grupp ta’ partitarji Nazzjonalisti nġabru fil-Każin tal-Gudja għall-attività soċjali abbinata mal-inawgurazzjoni tal-Każin u l-bidu tal-istaġun tal-Festi tal-Milied.

Kien tard filgħaxija, fi tmiem l-attività li għaliha kellu jattendi wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, li mit-triq fil-11.15 p.m. għaddiet vettura misjuqa minn numru ta’ partitarji Laburisti u li minnha kienu sparati 13-il tir fi ftit sekondi minn sub-machine gun lejn il-Każin Nazzjonalista, li dak il-ħin kien miftuħ u bid-dawl mixgħul fuq ġewwa. Filwaqt li numru ta’ bullets weħlu fil-ħajt madwar il-bieb tal-Każin, waħda minnhom nifdet il-ħġieġa tal-bieb tal-Każin u laqtet lil Caruana ta' 25 sena, f'wiċċu. Hu miet żvinat fil-Każin.

Ir-Reazzjonijiet immodifika

F’diskors li għamel l-għada tal-każ, il-Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami qal li l-Partit jemmen li dawk li dakinhar sparaw fuq il-Każin tal-Gudja kienu wkoll involuti f’inċidenti oħrajn li seħħew fil-jiem ta' qabel fit-Triq tal-Barrani u fil-Każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien. Hu appella wkoll biex il-poplu jibqa’ magħqud u jaħdem għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Funeral immodifika

Għall-aħħar tislima, li tmexxiet mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, l-uniku deputat Laburista li kien ħa sehem kien Joe Brincat. Missieru, Ġużeppi, kien qal "Jekk il-mewt tat-tifel tiegħi isservi għall-paċi aħjar miet hu biss inkella jmutu ħafna".

Frame-up immodifika

Ftit jiem wara sar frame-up biex iwaħħal fl-attivist Nazzjonalista Pietru Pawl Busuttil minn Ħal Safi, li mbagħad irriżulta fil-Qorti li qatt ma kellu x’jaqsam mal-isparatura li biddlet l-istorja politika ta’ pajjiżna. Is-sub machine gun li ntuża tpoġġa fir-razzett ta' Busuttil. L-arma kienet instabet fi tfittxija suspettuża u kontroversjali li wettqu l-Pulizija fir-razzett tiegħu.

Fil-Qorti Pietru Pawl Busuttil kien liberat minn kull akkuza u l-Qorti kkonfermat li fil-konfront tieghu kien sar frame-up.

Investigazzjonijiet immodifika

Fl-24 ta’ Diċembru tal-1990, Nicholas Ellul magħruf bħala “ċ-Ċaqwes” kien tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Caruana, wara li ġie identifikat bħala s-sid tas-sub machinegun. Minkejja dan, ix-xhieda tiegħu qatt ma nstemgħet, għax qabel beda l-ġuri tiegħu, laħaq miet b’overdose ta’ droga fl-2001.

Il-każ baqa' mhux solvut.

Tifkira immodifika

Il-Partit Nazzjonalista għadu jfakkar kull sena il-qtil ta' Caruana b'quddiesa u bi tqegħid ta' kuruni ta' fjuri fuq il-qabar tiegħu fiċ-ċimiterju tal-Gudja.

Partit Laburista immodifika

Nhar it-3 ta'Diċembru 2016, il-Prim Ministru Laburista Joseph Muscat żar il-qabar ta' Caruana. Xi żmien qabel kien iltaqa' mal-qraba tiegħu.