Pitagora (bil-Grieg antik Πυθαγόρας, Pythagóras) kien riformatur reliġjuż u filosfu presokratiku li twieled madwar il-580 QK. f'Samos, gżira fil-Baħar Eġew fil-Lbiċ tal-belt ta’ Ateni; ġie stabbilit li miet madwar l-495 QK, fl-età ta’ 85 sena. Kien ukoll matematiku u xjenzat skont it-tradizzjoni tardiva. L-isem ta' Pitagora (etimoloġikament, Pyth-agoras: "dak li kien imħabbar minn Pizja"), ġej mit-tħabbira tat-twelidu li għamlet lil missieru waqt vjaġġ lejn Delfi.

Pitagora

Bust ta' Pitagora. Kopja Rumana ta' oriġinal Grieg. Musei Capitolini, Ruma.
Twelid Samos, madwar 580 QK
Mewt madwar 495 QK
Skola/tradizzjoni Skola Pitagorika
Interessi prinċipali Etika, Loġika,Matematika, Mużika, Filosofija, Politika
Ideat Skala Pitagorika, Armonija tal-Isferi, Numru tad-deheb, Teorema ta' Pitagora
Influwenzat minn Skola ta' Miletu
Influwenza lil Platon, Archytas de Tarente, Cicéron, Porphyre, Jamblique, Pic de la Mirandole

Il-ħajja enigmatika ta' Pitagora tagħmilha diffiċli li nkunu ċerti dwar l-istorja ta' dan ir-riformatur reliġjuż, matematiku, filosfu u tawmaturgu. Qatt ma kiteb xejn, u l-wieħed u sebgħin vers tal-Versi tad-Deheb attribwiti lilu huma apokrifi u juru l-iżvilupp immens tal-leġġenda minsuġa madwar ismu [1].

Madankollu n-Neopitagoriżmu mimli mistika tan-numri [2], li diġà kienet preżenti fil-ħsieb ta' Pitagora. Erodotu meta jsemmih, jgħid wieħed mill-ikbar spirti tal-Greċja, l-għaref Pitagora [3]. Dejjem kellu prestiġju kbir; Hegel qal li kien l-ewwel għaref universali. [4].

Skont Eraklide Pontiku, Pitagora kien l-ewwel ħassieb Grieg li beda jsejjah lilu nnifsu "filosfu" [5]. Ċiċerun jirrakkonta l-ġrajja famuża dwar il-ħolqien tal-kelma φιλόσοφος ( philosophos , "wieħed li jħobb l-għerf") minn Pitagora:

Għall-istess raġuni, mingħajr dubju, dawk kollha li sa dak iż-żmien kienu ntefgħu fuq ix-xjenzi kontemplattivi, kienu jitqisu bħala Għorrief, u kienu jissejħu hekk saż-żmien ta' Pitagora, li kien l-ewwel wieħed li għamel popolari l-isem ta' "filosfu". Eraklide Pontiku, dixxiplu ta’ Platun, u raġel intelliġenti ħafna hu wkoll, jirrakkonta l-istorja hekk. Jum minnhom, Leon, sultan tal-Filażjani, sema. lil Pitagora jitkellem fuq ċerti punti b’tant għerf u elokwenza, li dan il-prinċep, mitluf bl-ammirazzjoni, staqsieh x’kienet l-arti tal-professjoni li kien jipprattika. Għal dil-mistoqsija Pitagora wieġeb, li hu kien filosfu. U wara dit-tweġiba, ir-re, skantat bin-novità tagħha, talbu jgħidlu min kienu l-filosfi u kif kienu differenti minn nies oħra.

Ċiċerun, Tusculanae disputationes, V, 3, § 8

Bijografija ta' Pitagora immodifika

Hemm ħafna dokumenti dwar il-ħajja ta' Pitagora, peró dawn inkitbu aktar 800 sena wara mewtu.[6] · [7] · [8]

 
Bust ta' Pitagora fil-Pincio, Ruma

Twelid immodifika

Pitagora twieled Samos fil-569 QK jew fis-606 QK skont Eratostene u Dijoġene Laerzju, fil-590 skont Ġambliku, u fl-580 skont Porfirju.

Missieru, Mneżarku[9], ċiżillatur taċ-ċrieket u ommu, Parteni, li skont il-mita kienet l-isbaħ fost in-nisa ta' Samos, kienu t-tnejn imnisslin mill-eroj Anċeju, iben Posejdone, li kien waqqaf il-belt ta' Samos. Dan Mneżarku ta' Samos ikkonsulta l-Pizja ta' Delfi u kiseb din risposta li skontha:

... martu kienet tqila u welldet tifel li għaġġibhom bis-sbuħija u l-għaqal tiegħu. Minn dak iż-żmien biddel l-isem ta' martu minn "Parteni" għal "Pythaïs", il-Pizjana, u semma 'l ibnu "Pitagora", (Πυθαγόρας, "imbassar minn Pizja" jew "imħabbar minn Pizja" jew "imħabbar mill-alla Pizjan", minħabba li kien imħabbar mill-alla Pizjan).

—Ġambliku, Ħajja ta' Pitagora, § 7[10].

Aktar tard Pitagora stqar li kien ir-reinkarnazzjoni ta' Etalide (iben Ermes), ta' Ewforbu (eroj tal-gwerra ta' Troja), ta' Ermotimu ta' Clazomenae (xaman Apollinjan), u ta' Pirru (sajjied minn Delos), u li kien jiftakar dawn ir-reinkarnazzjonijiet ta' qabel[11] · [12].

Adolexxenza u maturitá immodifika

Pitagora kien atleta[13]. Hemm tradizzjoni li tgħid li Pitagora ħa sehem fil-Logħob Olimpiku meta kellu 17-il sena. Dawn kienu is-57 olimpjadi (552 QK) jew it-48 olimpjadi (588 QK) skont Eratostene. Rebaħ il-kompetizzjonijiet tal-puġilat [14] kollha.

Fis-sorsi m'hemmx qbil dwar in-numru ta' wlied li kellu mill-filosfa Teano: tnejn jew erbgħa. L-ismijiet li jidhru huma: Telawġe (li skont xi wħud issuċċeda l-missieru u kien jgħallem fl-Empedokle), Mneżarku, Myïa (li żżewġet 'il Milone ta' Crotone) u Arignotè[15].

Edukazzjoni immodifika

 
Pitagora, detall ta' L-Iskola ta' Ateni ta' Raffaello, 1509.

L-ewwel inizjazzjonii: Meta kellu 18-il sena, fil-551 QK, telaq minn Samos biex imur Lesbos jistudja taħt l-għaref Fereċide ta' Siru (madwar l-585/499 QK)[16] · [17], Dan kien l-ewwel wieħed li qal li "l-erwieħ tal-bnedmin huma eterni,"[18] u kien l-ewwel wieħed li għallem li l-bniedem għandu żewġt erwieħ, waħda ta' nisel dinji u l-oħra ta' nisel divin. Barra minn hekk kien saħħar li kien ibassar il-ġejjieni.[19]. M'hemmx dubju li l-filosofiji tagħhom jixxibhu, imma mhuwiex ċert li ż-żewġ irġiel iltaqgħu. Però t-teorija tar-ruħ immortali u individuali ta' Fereċide tat ċertu awtorità lit-teorija Pitagorizzjana tat-trasmigrazzjoni (bil-Grieg Antik παλιγγενεσία) tal-erwieħ.

Imbagħad il-bijografi jgħidu li kellu kull tip ta' inizzjazzjoni li kienet possibbli dak iż-żmien ma' kull għaref u f'kull misteru. Iltaqa' mad-"dixxendenti tal-profeta u naturalista Moksos" u il-ġerofanti ta' Feniċja, il-ġerogrammati tal-Eġittu, il-Maġi tal-Kaldea, l-għorrief tal-muntanjs Ida, l-orfiċi ta' Traċi, il-qassisin nisa ta' Delfi.

It-tieni inizjazoni, fis-Sirja jew Feniċja: Iltaqa' mad-dixxendenti tal-profeta u naturalista Moksos. Żar il-ġerofanti ta' Feniċja. Mar jitgħallem f'Tiru f'Binlo u f'postijiet oħra[20]. Reġa' mar Samos fejn segwa t-tagħlim ta' Hermodamas ta' Samos, studjuż tax-xogħlijiet ta' Omeru[21] · [22].

It-tielet inizjazzoni: Minn Ekatew ta' Abdera 'l hemm l-istoriċi jsostnu li Pitagora telaq għall-Eġittu lejn il-547 QK, u mar Memphis u Diospolis (Tebe) għal xi snin.[23] · [24]. F'din il-belt kien jinsab is-santwarju ta' Zeus Ammon[25]. Ġie milqugħ mill-qassisin, taħt Amasi, faragħun mill-568 sal-526 QK u magħruf minn Polikrate ta' Samos[26]. Tgħallem il-lingwa f'Memphis f'ċentru tal-interpretazzjoni mwaqqaf minn Psammetiku I (Faragħun fl-663 QK). Studja l-ġometrija u l-astronomija tal-Eġizzjani. Ġie introdott għall-Misteri ta' Diospolis u għad-dutrina tar-reżurezzjoni ta' Osiris. Skont Plutarku, il-qassisin waħħlulu fuq koxxtu id-disk bil-ġwienaħ ta' Atum-Ra bil-folja tad-deheb. Minn hemm ġie l-laqam ta' Pitagora "tal-koxxa tad-deheb".

Ir-raba' inizzjazzjoni: Ċerti tradizzjonijiet jgħidu li tkeċċa mill-Eġittu minn Kambiże II, re tal-Persja li kkonkwista l-Eġittu fil-525 QK, u mar il-Babilonja bħala lsir jew priġunier.[27]. Dan l-episjodju hemm ħafna inqas xhieda għalih, u d-dati jqajmu problema, fuq kollox għax Antifonu jsostni li Pitagora dam 22 sena l-Eġittu (mill-547 sal-525 QK) u 12-il sena l-Babilonja (mill-525 sal-513 QK)[28]. Jista' jkun li ltaqa' ma' Zoroastru. Plutarka fl-ispjegazzjoni tiegħu Dwar il-ħolqien tad-dinja skont "Timeu" ta' Platun jsemmi wkoll l-għaref Zaratas tal-Assirja, li ċerti awturi jaħsbu li hi deformazzjoni tal-isem Zoroastru.

Il-ħames inizjazzoni: Pitagora mar Kreta, fl-għar tal-muntanja Ida, post eżoteriku li jgħidu li kien immexxi minn Epimenide.[29] · [30]. Mar ukoll Traċja biex jiltaqa' mal-orfiċi.

Is-sitt inizjazzjoni : Iltaqa' ma' Temistoklea, il-qassisa ta' Delfi.[31] · [32].

Vjaġġi u mewt immodifika

 
Magna Graecia fil-280 QK

Mar lura Samos għat-tieni darba. Beda jgħallem fl-anfiteatru miftuħ, l-Emiċiklu, mingħajr wisq suċċess. Imkeċċi minn Polikratu, tiran ta' Samos mill-535 sal-522 QK, jew ħarab kif jgħid Aristossenu, mit-"tiranija ta' Polikratu"[33], ħalla Samos lejn il-535 QK mal-għalliem xiħ tiegħu, il-qassis Hermodamas. Mar Magna Graecia u żbarka Sibari, belt għanja u lussuża fuq il-golf ta' Taranto.

Ipprefera li jmur joqgħod Crotone, ukoll fuq il-golf ta' Taranto f'Calabria, għax kien hemm kult kbir ta' Apollo u skola tal-mediċina famuża. L-atleta famuż Milone ta' Crotone li kien rebbieħ tal-logħob Olimpiku għal sitt darbiet[34], u qassis ta' Hera Lacinia, iżżewweġ lil bintu, Myïa. Bil-laqgħat li kien jagħmel għat-tfal, l-adolexxenti u n-nisa, li kollha kienu jiġu jisimgħuh kellu influwenza kbira f'Crotone. It-taħdidiet pubbliċi tiegħu kienu jattiraw xi 600 ruħ. Kien favur sistema politika ta' tip oligarkiku, jiġifieri infatti, aristokratiku, riżervat għal élite. Kien kontra d-demokrazija, kien jaħseb li "hi ħaġa bla sens li tagħti kas tal-opinjoni ta' numru kbir ta' nies." [35]. It-300 dixxiplu tiegħu kienu jamministraw il-belt u l-Crotoniżi kienu jidentifikawh ma' Apollo Iperborean. [36]. Porfirju[37] jiddeskrivi l-nfluwenza tiegħu fuq Crotone hekk:

Iċ-ċittadini ta' Crotone fehmu li kellhom x'jaqsmu ma' bniedem li kien ivvjaġġa ħafna, raġel eċċezzjonali, li kien mgħni mill-Fortuna b'ħafna vantaġġi fiżiċi: kien infatti, nobbli u grazzjuż, u minn leħnu, mill-karattru tiegħu, u mill-bqija tal-persuna tiegħu kienu joħorġu grazzja u sbuħija infinita.

Waqqaf skola f'Crotone fil-532 QK[38]. Kienet komunità, kważi setta. fl-istess ħin filosofika, xjentifika, politika, reliġjuża, inizjatika. Waqqaf komunitajiet oħra fl-Italja u l-Greċja: Taranto, Metaponto, Sibari, Caulonia, Locri, u, f'Sqallija, Rhegium, Tauromenium, Catania, Siracusa. Ma jidhirx li ried iwaqqaf federazzjoni politika tal-bliet tal-golf ta' Taranto (Taranto, Metaponto, Sibari, Crotone, fit-takkuna tal-Italja). F'Crotone iltaqa' ma' Abaris l-Iperborean, saħħar u "xaman" kbir.

Fil-510 QK, revoluzzjoni popolari f'Sibari, immexxija mill-oratur demokratiku, Télys, immassakrat għad ta' Pitagoranjani, u 500 aristokrat kienu rrefuġjati f'Crotone. Bir-rakkomandazzjoni ta' Pitagora bdiet gwerra bejn Sibari u Crotone. L-aristokrazija ta' Crotone, immexxija minn Milone ta' Crotone, li issa huma mmassakraw il-populazzjoni ta' Sibari u qerdu l-belt[39].

Kien inkwetat bil-progress tal-partit demokratiku u ħabbar lid-dixxipli tiegħu li kien ħa jkun hemm irvell.[40], u stidinhom biex jitilqu — skont Aristossenu — u jmorru Metaponto, port tal-Lucania, ukoll fuq il-golf ta' Taranto. Hemm żgur sab komunità Pitagoranjana diġà mwaqqfa. Kien hemm xi dixxipli li saru famużi, fosthom it-tabib Alcmeone ta' Crotone u l-matematiku Ippażu ta' Metaponto[41] · [42]. L-abitanti ta' Metaponto kienu jsejħu d-dar tiegħu "it-tempju ta' Demetra", u t-trejqa tiegħu "it-tempju tal-mużi".

Jista' jkun li fl-499 Qk mar Delos, ċentru kbir reliġuż, biex jidfen l-għalliem tiegħu Fereċide ta' Siro li miet b'marda tal-ġilda[43].

Pitagora miet f'Metaponto fl-497 QK. Ċiċerun jixhed hekk: “Mort miegħek f’Métaponto. Ma aċċettajtx li mmur għand l-ospiti tagħna qabel ma nara l-post fejn miet Pitagora u fejn kellu s-sede [44]. "

Bejn l-440 u l-454 QK, madwar l-450 QK, qamet rewwixta kontra l-Pitagorjani, amalgamata minn xi storiċi mal-gwerra favur il-Pitagorjani tal-510 QK. Nobbli minn Crotone, Ċilone ta' Crotone, il-gvernatur ta' Sibaris, organizza komplott. Ried jivvendika ruħu minn Pitagora li ma kienx qisu adattat biex isegwi t-tagħlim tal-iskola tiegħu. Qajjem il-popolazzjoni kontra l-pitagorjani li kienu jappoġġjaw gverb aristokratiku u konservattiv. Id-dar ta’ Milone ta' Crotone fejn kienu miġburin 40 Pitagorjan ingħatat in-nar u tlieta biss irnexxielhom isalvaw ħajjin: Filolau ta' Crotone, Liside ta' Taranto u Arkippu ta' Taranto [45]  · [46]  · [47]. Dawn il-persekuzzjonijiet wasslu għat-tixrid tal-membri tal-iskola Pitagorjana, li waqqfu ċentri f'postijiet oħra, l-aktar importanti f'Rhegium, Fliunte u Tebe ta' Lucania[48]. It-tnaqqis fl-influwenza Pitagorjana fl-Italja kien beda. L-aħħar bastjun kien Taranto, bis-saħħa ta' Arkita ta’ Taranto, strateġiku, filosfu, matematiku, inventur, imma wkoll ħabib u salvatur ta’ Platun fit-388 u fit-361 QK. Il-verżjonijiet l-oħra tal-mewt ta' Pitagora jidhru dubjużi: Dijoġene Laerzju u Porfirju jsostnu li Pitagora miet fin-nar tad-dar ta' Milone, Ermippu ta' Smirne jiddikjara li Pitagora qatluh is-Sirakużani, waqt li ħarab, quddiem għalqa fażola li huwa rrifjuta li jaqsamha minħabba tabù kontra l-fażola [49].

Il-leġġenda (l-aktar skont Porfirju u Ġambliku) tattribwixxi 'l Pitagora qawwiet tal-għaġeb: immansa ors, f'Olimpja ġiegħel ajkla tinżel mis-sema, kien jaf l-eżistenzi tiegħu ta' qabel; bassar ir-revuluzzjonita' Crotone, bassar l-ammont ta' ħut li kienu ħa jaqbdu xi sajjieda, kien ifejjaq bis-seħer u l-mużika, kien jisma' l-armonija tal-isferi ċelesti, kien jikkmanda s-silġ u l-irjieħat, eċċ. Naturalment kien espert fl-aritmoloġija (arti okkulta tan-numri). aritmosofija (għarfien esoteriku tan-numri), aritmomanzija (tbassir permezz tan-numri): "Bis-saħħa tan-numri kellu metodu ta' tbassir ammirabbli, u kien iqim l-allat skont in-numri għax għalihom in-antura tan-numri hi ċara"[50]. Fl-epoka Ellenistika l-aġġettiv "Pitagorjan" (πυθαγόρειος) sar iffisser "okkultist, esoterist, saħħar"[51]. Anki is-sobriju Aristotlu stqar:" Pitagora qabel kollox ħadem ħafna fix-xjenxi matematiċi u madwar in-numri, imma aktar tard ġaralu li ma kienx jaf kif jirrinunnzja il-prattika mirakuluża ta' Fereċide ta' Siro"[52].

Il-komunità Pitagorjana immodifika

L-iskola Pitagorjana ta' Crotone maż-żmien saret każin aristokratiċi (bil-Grieg antik ἑταιρεία, konftraternità)[53]. Kienet konfraternià filosofika, reliġjuża u xjentifika, qrib l-orfiżmu.

Il-komunità kellha erba' gradi inizjatiċi u ġerarkiċi[54], bħal ħafna organizazzjonijiet inizjatiċi. In-nisa u t-tfal kienu jistgħu jidħlu.

L-ewwel grad: il-postulanti immodifika

Pitagora kien jeżamina f'dawk li jippreżentaw ruħhom bħala kanditati il-fatizzi ta' wiċċhom (fiżjonomija) u l-ġesti tagħhom (ċineżika)[55], kif ukoll ir-relazzjoni mal-ġenituri tagħhom, id-daħqa, ix-xewqat tagħom, fejn jiffrekwentaw. Kien imbagħad jiddeċiedi jidħlux jew le.[56].

It-tieni grad : in-neofiti immodifika

Il-perjodu ta' prova kien idum tliet snin. Matulu Pitagora kien jeżamina l-perseveranza u x-xewqat tan-neofiti u wara kien jaċċetthom jew jirrifjuthom. Meta jiġu aċċettati kienu jieħdu l-vot tas-silenzju.[57] :

Le, b'dak Pitagora li sab it-tetraktys tal-għerf tagħna,
Għajn li fih l-għeruq tan-natura eterna.

It-tielet grad : l-akumastiċi immodifika

L-akumastiċi - (Grieg antik, άκουσματικοί : "semmiegħa"). Kienu jirċievu t-tagħlim għal ħames snin, mogħti f'għamla ta' preċetti orali (Grieg antik, κούσματα), li riedu jitgħallmu bl-amment; pereżempju: M'għandikx ikollok xi opinjonijiet jew xi kliem bla ħsieb fuq l-allat." Dawn il-ħames snin kienu jgħadduhom fis-skiet. Is-semmiegħa kienu joqgħodu quddiem il-purtiera li warajha kien jinħeba Pitagora. Kienu jaqsmu l-ġid tagħhom bejniethom.[58].

Il-postulanti, in-neofiti u s-semmiegħa kienu jiffurmaw il-grad tal- "eksoteriċi" (έξωτερικοί) jew novizzi.

Ir-raba' u l-aħħar grad : Il-matematiċi immodifika

Ir-raba' grad kien tal-matematiċi (Grieg antik: μαθηματικοί, "għorrief") jew "esoteriċi" jew sindoniti (libsin l-għażel). "Kienu jilħqu esoteriċi (Grieg antik: έσωτερικοί)"[59], fis-sens li kellhom aċċess għall-għarfien interjuri, moħbi. Kienu jistgħu jidħlu jaraw lil Pitagora wara l-purtira. Hu stess kien jgħallimhom taħt forma ta' "simboli" (Grieg antik: σύμβολα), fis-sens ta' formoli kodifikati, kienu li kienu ppruvati, pereżempju : "La tmissx serduq abjad." Skont Fotju[60] l-"esoteriċi" kienu maqsumin f'"venerabbli" (Grieg antik: σεβαστικοί, sebastikoi), "politiċi" (Grieg antik: πολιτικοί}}, politikoi) u "komtemplattivi". Il-venerabbli jew devoti kienu jinteressaw ruħhom fir-reliġjon, il-politiċi fil-liġi, il-ħajja umana, kemm fil-komunità tal Pitagorjani kif ukoll fil-belt u l-kontemplattivi kienu jistudjaw l-aritmetika, il-mużika, il-ġometrija u l-astronomija, l-erba' xjenzi skont Archytas, li kienu wkoll jiffurmaw il-quadrivium tal-Medjuevu. Irridu nżidu wkoll il-fiżiċi u n-naturalisti (φυσικοί), li kienu jikkonċentraw fuq ix-xjenzi konkreti: ġografija, meteorolġija, mediċina,mekkanika... imma wkoll grammatika, poeżija.... Hu aktar probabbli li l-"akużmstiċi" kienu "politiċi, amministraturi jew leġiżlaturi" u l-matematiċi" kienu "devoti" jew" kontemplattivi"[61].

Kien hemm bosta regoli, biex ma ngħidux tabujiet, għal dwak li kienu jadottaw "il-ħajja Pitagorjana" (βίος πυθαγορικός)[62].

  • regoli djetetiċi, minn veġeterjaniżmu pur sa veġeterjaniżmu selettif[63] : projbizzjoni li jieklu it-trill (ħut), il-qalb, il-moħħ u il-mudullun tal-annimali, il-ful, il-bajd ... fil-qosor kollox li jissimbolizza l-ħajja. L-ikel tal-laħam tal-annimali sagrifikati jidher li kien awtorizzat minn ċerti Pitagorjani, bla dubju bħala konċessjoni għar-reliġjon uffiċjali.
  • riti reliġjużi: sagrifiċċji bla demm u bla nar, qimu l-allat, evitar tal il-biċċiera u l-kaċċaturi, kult lill-allat, dqiq, għasel, ftott, fjuri u prodotti oħra tl-art[64], purifikazzjonijiet, ħasil u traxxix u dlik purifikanti...
  • eżerċizzi spiritwali: rispett tagħhom infushom, eżami tal-kuxjenza kull filgħaxija[65], kontinenza sesswali, taħriġ tal-memorja, kant akkumpanjat mill-lira, qari flimkien ta' kotba edifikanti…
  • eżerċizzi fiżiċi[66] · [67] : ġinnastika, atletiċiżmu, passeġġatti fi tnejn jew tlieta, żfin…
  • oġġettti sagri : "ilbies abjad" tal-għażel (mhux tas-suf għax dak mill-annimali), signali biex jintgħarfu (il-pentagramma), simboli (it-tetraktys)…


Referenzi u noti immodifika

  1. ^ Carl Huffman, "'Pythagorisme"', f' "Le savoir grec", Jacques Brunschwig u Geoffrey Lloyd, Flammarion, 1996, p. 983.
  2. ^ Il-pentagramma mistika jew pentalfa hi stilla b'ħames fergħat. Din kienet l-emblema tal-Pitagorjani.
  3. ^ Erodotu, L-Inkjesta
  4. ^ Georg Wilhelm Friedrich Hegel, Lezzjonijiet dwar l-istorja tal-filosofija, Vol I
  5. ^ Eraklide Pontiku, framment 88.
  6. ^ Dijoġene Laerzju, Ħajjiet, dottrini u sentenzi tal-filosfi famużi, miktub madwar is-sena 200, ktieb VIII.
  7. ^ Porfirju, Il-Ħajja ta' Pitagora miktub madwar is-sena 270.
  8. ^ Ġambliku, Il-Ħajja ta' Pitagora, miktub madwar is-sena 310.
  9. ^ Erodotu, IV, 95.
  10. ^ Gambliku, Ħajja ta' Pitagora, § 7.
  11. ^ Dijoġene Laerzju, VIII, 4-5.
  12. ^ Porfirju, Ħajja ta' Porfirju, § 45.
  13. ^ Wistin ta' Ippona, Ittri, III, 137, 3. Luċjanu ta' Samosata, Il-Ħolma u s-Serduq, 8.
  14. ^ Sport tal-Antikità li jixbah il-boksing.
  15. ^ Porfirju, Ħajja ta' Pitagora, § 3.
  16. ^ Dioġene Laerzju, VIII, 2, .
  17. ^ Porfirju, Ħajja ta' Pitagora, § 55.
  18. ^ Ċiċerun, Tusculanae disputationes, I, 16, 3.
  19. ^ Dioġene Laerzju, I, 116-119.
  20. ^ Ġambliku, Ħajja ta' Pitagora, § 14.
  21. ^ Dioġene Laerzju, VIII, 2, Mudell:P..
  22. ^ Porfirju, Ħajja ta' Pitagora, § 1.
  23. ^ Pitagora fl-Eġittu: Plutarka, Taħdit ta' fuq il-Mejda, VIII, 8, 2.
  24. ^ Porfirju, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 7-8 et 11-12. Dioġene Laerzju, VIII, 3. Isokrate, Busiris, 28.
  25. ^ Zeus Ammon (Bil-Grieg antik : Άμμωνα Δία / Ámmôna Día)1, kien alla Greko-Eġizzjana li jħallat il-karatteristiċi tal-alla Eġizzjan Ammon ma' dawk tal-alla Grieg grec Zeus.
  26. ^ Isokrate, Busiris, § 28.
  27. ^ J. Bidez et F. Cumont, Les mages hellénisés, Les Belles Lettres, 1938, vol. 2 p.35-40.
  28. ^ Antifonu, ikkwotat minn Porfirju, Ħajja ta' Pitagora, § 7.
  29. ^ Dioġene Laerzju, VIII, 3, Mudell:P..
  30. ^ Porfirju, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 16-17.
  31. ^ Dioġene Laerzju, VIII, 8 u 21.
  32. ^ Porfirju, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 41.
  33. ^ Psewdo-Ġambliku, Théologoumènes arithmétiques IV S.), 6.
  34. ^ Dijodoru ta' Sqallija, XII, 9.
  35. ^ Ġambliku, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 200.
  36. ^ Aristote, framment 191
  37. ^ Porfirju, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 18.
  38. ^ Ġambliku, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 35.
  39. ^ Dijodoru ta' Sqallija, Bibbljoteka Storika, XI, 9-10.
  40. ^ Apollonju, Stejjer maravilljużi, 6
  41. ^ Dioġene Laerzju, VIII, 83.
  42. ^ Ġambliku, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 104.
  43. ^ Dijodoru ta' Sqallija X, 3, 4. Dioġene Laerzju, I, 118.
  44. ^ Ċiċerun, De finibus bonorum et malorum (-45), V, 2.
  45. ^ Polibju, Stejjer (lejn il-150 QK), II, 39. Dijodoru ta' Sqallija , Bibblijoteka storika I, X, 11. Dijoġene Laerzju (madwar il-200), VIII, 39, p. 971.
  46. ^ Porfiriju, "Il-Ħajja ta' Pitagora, § 54-56.
  47. ^ Ġambliku, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 248-251.
  48. ^ (EN) Mudell:Lien, A History of Greek Philosophy, Cambridge, 1962-1981, t. I, p.173-181.
  49. ^ Dijoġene Laerzju, VIII, 40, 45.
  50. ^ Ġambliku, Il-Ħajja ta' Pitagora, § 147.
  51. ^ Walter Burkert, Hellenistische Pseudopythagorica, Philologus, 10 (1961), Mudell:P..
  52. ^ Aristotlu, Dwar il-Pitagorjani, framment 1
  53. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 30.
  54. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 72.
  55. ^ Porfirju, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 54 ; "Il-Ħajja ta' Plotinu", § 11. Ara E. Evans, Physiognomonics in the Ancient World, f' Transactions of the American Philosophical Society, Philadelphie, vol. 59, faxx. 5, 1969, p.26-28.
  56. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 71.
  57. ^ Versi tad-deheb. Χρυσά Έπη, 47-48. Porfirju, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 20. Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 150 et 162.
  58. ^ Dijodoru ta' Sqallija, X, 3, 5. Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 32, 72, 74, 81, 92, 168, 257.
  59. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 72.
  60. ^ Photius, Bibbljoteka, codex 249
  61. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 89.
  62. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora., § 248
  63. ^ Veġeterjaniżmu: Dioġene Laerzju, VIII, 19-20, 34. Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 106-109, 150. J. Haussleiter, Der Vegetarismus in der Antike, Berlin, 1935, p.97-157 : Pythagoras und die Pitagorar.
  64. ^ Porfirju, Dwar l-astinenza, II, 36.
  65. ^ Il-versi tad-deheb.
  66. ^ Porfirju, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 31.
  67. ^ Ġambliku, “Il-Ħajja ta’ Pitagora”, § 96.