Parmigianino

pittur u litografu Manjerist Taljan (1503-1540)

Girolamo Francesco Maria Mazzola (twieled fil-11 ta' Jannar 1503 – miet fl-24 ta' Awwissu 1540), magħruf ukoll bħala Francesco Mazzola jew iktar komunement bħala Parmigianino ([parmidʒaˈniːno]; jiġifieri litteralment "iż-żgħir minn Parma"), kien pittur u litografu Manjerist Taljan li ħadem f'Firenze, f'Ruma, f'Bologna u fil-belt nattiva tiegħu ta' Parma. Ix-xogħol tiegħu huwa kkaratterizzat minn "senswalità raffinata" u spiss mill-elongazzjoni tal-forom, u jinkludi l-Viżjoni ta' San Ġlormu (1527) u l-Madonna b'Għonqha Twil (1534) li hija ikonika u kemxejn anomala. Huwa baqa' l-iżjed artist magħruf tal-ewwel ġenerazzjoni li l-karriera kollha tiegħu inzertat fil-perjodu tal-Manjeriżmu.[1]

Parmigianino
Ħajja
Twelid Parma, 11 Jannar 1503
Nazzjonalità Italja
Grupp etniku Taljani
Mewt Casalmaggiore, 24 Awwissu 1540
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
artist grafiku
inċiżur
disinjatur
tipografu
disinjatur tal-bini
Post tax-xogħol Bolonja
Mantova
Parma
Ruma
Xogħlijiet importanti Iċ-Ċirkonċiżjoni ta' Ġesù
Awtoritratt f'Mera Konvessa
Portrait of a Man in a Red Beret (en) Translate
Madonna b'Għonqha Twil
Moviment Rinaxximent Għoli
Manjeriżmu
Moviment artistiku pittura storika
ritratt

It-talent prodiġjuż u individwali tiegħu dejjem ġie rikonoxxut, iżda l-karriera tiegħu ġiet imfixkla mill-gwerra, speċjalment is-Serqa ta' Ruma fl-1527, tliet snin wara li mar jgħix u jaħdem hemmhekk, u mbagħad intemmet b'mewtu meta kellu 37 sena biss. Huwa pproduċa tpinġijiet straordinarji, u kien wieħed mill-ewwel pitturi Taljani li sperimenta bil-litografija. Filwaqt li x-xogħlijiet portabbli tiegħu dejjem ġew kollezzjonati u issa jinsabu fil-mużewijiet ewlenin fl-Italja u madwar id-dinja, iż-żewġ proġetti kbar tiegħu ta' affreski jinsabu fi knisja f'Parma u f'palazz f'raħal żgħir fil-qrib. Dan flimkien man-nuqqas ta' soġġetti ewlenin kbar wasslu biex ikunu inqas magħrufa minn xogħlijiet oħra minn artisti simili. Huwa pitter għadd ta' ritratti importanti, u witta t-triq fl-Italja għar-ritratti ta' tliet kwarti tas-soġġett jew tat-tul kollu tiegħu, li preċedentement kienu rriżervati l-iktar għan-nies irjali.

Ħajja bikrija immodifika

 
L-Ankona ta' Bardi

Parmigianino kien it-tmien wild ta' Filippo Mazzola u Donatella Abbati. Missieru miet bil-pesta sentejn wara li twieled, u t-tfal trabbew miz-zijiet tagħhom, Michele u Pier Ilario, li skont Giorgio Vasari kienu artisti b'talent mudest.[2] Fl-1515, zijuh ingħata kummissjoni mingħand Nicolò Zangrandi għat-tiżjin ta' kappella f'San Giovanni Evangelista; xogħol li iktar 'il quddiem ġie kkompletat minn Parmigianino meta kien għadu adolexxenti. Meta għalaq tmintax-il sena, huwa kien diġà lesta l-Ankona ta' Bardi. Fl-1521, Parmigianino ntbagħat lejn Viadana (flimkien mal-pittur Girolamo Bedoli li kellu jiżżewweġ ma' kuġintu) biex jaħrab il-gwerer bejn l-armati Franċiżi imperjali u papali. Fi Viadana, huwa pitter żewġ panewijiet bit-tempera, wieħed ta' San Franġisk għall-Knisja tal-Frati de' Zoccoli, u l-ieħor taż-Żwieġ Mistiku ta' Santa Katarina għall-Knisja ta' San Pietru. Huwa ħadem ukoll f'San Giovanni u ltaqa' ma' Correggio, li kien qed jaħdem fuq it-tiżjin bl-affreski tal-koppla.

Xogħol f'Fontanellato u l-ivvjaġġar lejn Ruma immodifika

Fl-1524, huwa vvjaġġa lejn Ruma b'ħames pitturi żgħar, fosthom iċ-Ċirkonċiżjoni ta' Ġesù u l-Awtoritratt f'Mera Konvessa, sabiex jipprova jikseb il-patroċinju tal-Papa tal-familja Medici, Klement VII. Vasari jirrakkonta li f'Ruma, Parmigianino kien "iċċelebrat qisu Raffaello mwieled mill-ġdid". F'Jannar 1526, Parmigianino u zijuh, Pier Ilario, qablu ma' Maria Bufalina minn Città di Castello, biex iżejnu l-Knisja ta' San Salvatore in Lauro b'ankona tal-Viżjoni ta' San Ġlormu (1526-1527, National Gallery, Londra). Fi żmien sena, is-Serqa ta' Ruma wasslet biex Parmigianino u bosta artisti oħra jaħarbu.

Bologna u lura lejn Parma immodifika

 
Awtoritratt b'kappell aħmar

Huwa rresjeda f'Bologna għal kważi tliet snin. Għall-ħabta tal-1528, huwa pitter il-Madonna bil-Bambin u l-Qaddisin (Pinacoteca, Bologna), u mbagħad fl-1528, huwa pitter il-Madonna bil-Warda (Dresden) u l-Madonna ma' San Żakkew (Uffizi). Sal-1530 Parmigianino kien reġa' lura f'Parma.

Fl-1531, Parmigianino ngħata kummissjoni għal żewġ ankoni, fejn pitter lil San Ġużepp u lil San Ġwann Battista, mill-knisja mhux kompluta ta' Santa Maria della Steccata. Il-patrijiet li kienu jieħdu ħsieb il-knisja tawh salarju bil-quddiem u wegħduh il-provvisti u l-materjali; madankollu, sal-1535 il-proġett ma kienx tlesta. F'Diċembru, huwa nnomina lil Don Nicola Cassola, membru tal-kleru minn Parma fil-Kurja Rumana, biex ikun ir-rappreżentant legali tiegħu. Parmigianino awtorizzah jiġbor il-50 skud mingħand Bonifazio Gozzadini għall-Madonna b'San Ġwann Battista u San Żakkew.

Fl-1534, ġie deċiż li l-Madonna b'Għonqha Twil titqiegħed fil-kappella tal-familja ta' Elena Baiardi.

Parmigianino x'aktarx li kien qed jistenna li jkun is-suċċessur ta' Correggio bħala xogħlijiet mogħtija mill-knisja. Madankollu, f'April 1538, l-uffiċċji amministrattivi kkummissjonaw inizjalment lil Giorgio Gandini del Grano, u mbagħad lil Girolamo Bedoli, biex iżejnu l-apsida u l-kor tal-Katidral ta' Parma.

 
Ritratt ta' Galeazzo Sanvitale

Jingħad li f'dan iż-żmien, huwa sar devot tal-alkimija. Vasari jagħmel ipoteżi li dan seħħ minħabba li kien imsaħħar mill-maġija. L-istudjużi issa jaqblu li l-interessi xjentifiċi ta' Parmigianino jaf kienu marbuta mal-ossessjoni tiegħu li jipprova jsib mezz ġdid għall-inċiżjonijiet tiegħu. B'riżultat tar-riċerki tiegħu fl-alkimija, huwa ma tantx lesta xogħol fil-knisja. Huwa ntefa' l-ħabs għal xahrejn talli ma żammx mal-kuntratt wara li l-Konfraternità ddeċidiet b'mod unanimu li ma tħallihx ikompli jaħdem fil-knisja tagħhom. Huwa ġie sostitwit bejn l-1539 u l-1540 minn Giulio Romano, li wkoll irtira minnufih mill-kuntratt.

Parmigianino miet bid-deni f'Casalmaggiore fl-24 ta' Awwissu 1540 meta kellu 37 sena. Huwa ġie midfun fil-Knisja tal-Patrijiet Serviti "għerwien b'salib tal-injam taċ-ċipress fuq sidru".

Fost dawk li kienu influwenzati mill-qrib minn Parmigianino kien hemm kuġinuh Girolamo Mazzuoli u iben Girolamo, Alessandro Mazzuoli; Pomponeo Amidano; Giacomo Bertoia; u Francesco Borgani.[3]

 
Dettall tal-Viżjoni ta' San Ġlormu

Xogħlijiet immodifika

Parmigianino kien ukoll inċiżur Taljan bikri, teknika li kien il-pijunier tagħha fl-Italja Marcantonio Raimondi, iżda li kienet tappella għad-disinjaturi. Għalkemm it-tekniki tal-litografija fuq il-pjanċi tar-ram kienu jirrikjedu ħiliet speċjali, il-faċilità li biha l-aċtu, bħala sostitut għal-linka, seta' jirriproduċi l-ispontanjetà ta' id artist attirat lil Parmigianino, li kien "mastru tat-tpinġija ta' figuri eleganti".[4] Parmigianino ddisinja wkoll xogħlijiet ksilografiċi bil-chiaroscuro, u minkejja li r-rendiment tiegħu kien żgħir, huwa kellu influwenza konsiderevoli fuq il-litografija Taljana. Uħud mix-xogħlijiet litografiċi tiegħu għamilhom b'kollaborazzjoni ma' Giovanni Jacopo Caraglio.

Għażla ta' xogħlijiet immodifika

  • Magħmudija ta' Kristu (c. 1519) - Żejt fuq l-injam, 197 x 137 cm - Gemäldegalerie, Berlin
  • Ankona ta' Bardi (1521) - Tempera fuq panew, 203 x 130 cm; Knisja ta' Santa Marija, Bardi
  • Santa Barbara (1522) - Żejt fuq l-injam, 48 x 39 cm - Museo del Prado, Madrid.
  • Ċirkonċiżjoni ta' Ġesù (għall-ħabta tal-1523) - Żejt fuq l-injam, 42 x 31.4 cm; Istitut tal-Arti ta' Detroit
  • Awtoritratt f'Mera Konvessa (għall-ħabta tal-1524) - Żejt fuq l-injam, dijametru ta' 24.4 cm; Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • Ritratt ta' Kollezzjonista (għall-ħabta tal-1524) - Żejt fuq panew, 86 x 94 cm, National Gallery, Londra
  • Ritratt ta' Galeazzo Sanvitale (1524) - Żejt fuq panew, 109 x 81 cm, Museo di Capodimonte, Napli
  • Ritratt ta' Lorenzo Cybo (1524) - Żejt fuq panew, 126 x 104 cm, Statens Museum for Kunst, Copenhagen
  • Mit ta' Diana u Acteon (għall-ħabta tal-1524) - affresk, Rocca Sanvitale, Fontanellato, Provinċja ta' Parma
  • Il-Familja Mqaddsa bl-Anġli (għall-ħabta tal-1524) - Żejt fuq panew, 110 x 89 cm, Museo del Prado, Madrid
  • Antea (c. 1524–7) - Żejt fuq it-tila, 135 x 88 cm, Museo di Capodimonte, Napli
  • Madonna bil-Bambin (1525) - Galleria Doria-Pamphili, Ruma
  • Viżjoni ta' San Ġlormu (1526-1527) - Żejt fuq panew, 343 x 149 cm, National Gallery, Londra
  • Konverżjoni ta' San Pawl (c. 1527) - Żejt fuq it-tila, 177.5 x 128.5 cm, Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • Familja Mqaddsa b'San Ġwann Battista Tarbija (għall-ħabta tal-1528) - Museo di Capodimonte, Napli
  • Iż-Żwieġ Mistiku ta' Santa Katarina (1529) - Żejt fuq panew, 74.2 x 57.2 cm, National Gallery, Londra
  • Skjava Torka (Ritratt ta' Mara; għall-ħabta tal-1533) - Żejt fuq panew, 67 x 53 cm, Galleria Nazionale di Parma
  • Kupidu Jagħmel il-Qaws Tiegħu (għall-ħabta tal-1533–1535) - Żejt fuq panew, 135 x 65.3 cm, Kunsthistorisches Museum, Vjenna
  • Madonna b'Gonqha Twil (1534-1540) - Żejt fuq l-injam, 216 x 132 cm, Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' Pier Maria Rossi di San Secondo (għall-ħabta tal-1535-1539) - Żejt fuq panew, 133 x 98 cm, Museo del Prado, Madrid
  • Ritratt ta' Camilla Gonzaga u t-Tliet Subien Tagħha (għall-ħabta tal-1539-1540) - Żejt fuq panew, 128 x 97 cm, Museo del Prado, Madrid.

Referenzi immodifika

  1. ^ Hartt, Frederick, History of Italian Renaissance Art, (it-tieni edizzjoni)1987, Thames & Hudson (US Harry N Abrams), ISBN 0500235104, pp. 568-578, 578.
  2. ^ Vasari, Giorgio (Bull, George, traduttur) (1988). Lives of the Artists: Volume 2, pp. 185-199. Penguin Classics. ISBN 0-14-044460-2.
  3. ^ Grousset, Paschal (1878). The picture amateur's handbook and dictionary of painters, by Philippe Daryl (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  4. ^ "Art/Museums: Correggio and Parmigianino at the Metropolitan Museum of Art". www.thecityreview.com. Miġbur 2021-08-25.