Palazz ta' Fontainebleau

palazz-kastell f'Fontainbleau, Franza

Il-Palazz ta' Fontainebleau (pronunzja bil-Franċiż: ​[fɔ̃tɛnblo]; bil-Franċiż: Château de Fontainebleau), jinsab 55 kilometru (34 mil) fix-Xlokk taċ-ċentru ta' Pariġi, fil-komun ta' Fontainebleau, u huwa wieħed mill-ikbar palazzi-kastelli rjali (bil-Franċiż: Château) ta' Franza. Il-kastell Medjevali u l-palazz sussegwenti ntużaw bħala r-residenza għall-monarki Franċiżi minn Lwiġi VII sa Napuljun III. François I u Napuljun kienu l-monarki li kellhom l-ikbar influwenza fuq il-palazz kif inhu llum il-ġurnata.[1] Sar mużew nazzjonali fl-1927 u fl-1981 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-arkitettura unika u għall-importanza storika tiegħu.[2]

Is-Sala tat-Tron ta' Napuljun Bonaparte fil-Palazz ta' Fontainebleau.

Storja immodifika

Palazz Medjevali (is-seklu 12) immodifika

 
It-taraġ b'għamla ta' nagħla oriġinarjament inbena għal Enriku II minn Philibert de l'Orme bejn l-1547 u l-1559, u mbagħad inbena mill-ġdid għal Lwiġi XIII minn Jean Androuet du Cerceau għall-ħabta tal-1632-1634.

L-iżjed evidenza bikrija ta' kastell iffortifikat f'Fontainebleau jmur lura għall-1137.[3] Sar residenza u loġġa tal-kaċċa ppreferuta tar-Rejiet ta' Franza minħabba l-abbundanza ta' annimali selvaġġi u l-bosta fawwara fil-foresta ta' madwaru. L-isem oriġina minn waħda mill-ħafna fawwariet, il-funtana ta' Bliaud, li issa tinsab fil-ġnien Ingliż, qrib is-sezzjoni ta' Lwiġi XV.[4] Intuża mir-Re Lwiġi VII, li għalih Thomas Becket ikkonsagra l-kappella fl-1169; minn Filippu II; minn Lwiġi IX (iktar 'il quddiem kanonizzat San Alwiġi), li bena sptar u kunvent, il-Couvent des Trinitaires, ħdejn il-kastell; u minn Filippu IV, li twieled u miet fil-kastell.[3]

Palazz Rinaxximentali ta' François I (1528-1547) immodifika

 
Il-Bitħa Ovali, bid-donjon Medjevali fin-nofs, fdal tal-kastell oriġinali fejn kienu jinsabu l-appartamenti tar-Re.

Fis-seklu 15 il-kastell sarulu xi modifiki u rinnovazzjonijiet minn Isabella tal-Bavarja, il-mara tar-Re Karlu VI, iżda l-istruttura Medjevali baqgħet essenzjalment intatta sar-renju ta' François I (1494-1547). Huwa kkummissjona lill-arkitett Gilles Le Breton biex jibni palazz bl-istil Rinaxximentali l-ġdid, importat reċentement mill-Italja. Le Breton ippreserva d-donjon Medjevali antik, fejn kienu jinsabu l-appartamenti tar-Re, iżda inkorporah fil-Cour Ovale (bitħa ovali) bl-istil Rinaxximentali ġdid, li nbniet fuq il-pedamenti tal-kastell l-antik. Il-palazz kien jinkludi l-Porte Dorée monumentali, bħala d-daħla tan-Nofsinhar tiegħu, b'taraġ Rinaxximentali monumentali, u l-Portique de Serlio, li jagħti aċċess għall-appartamenti rjali fuq in-naħa tat-Tramuntana.

Għall-ħabta tal-1528, François beda jibni l-Galerie François I, u b'hekk seta' jgħaddi direttament mill-appartamenti tiegħu għall-kappella tat-Trinitaires. Huwa qabbad lill-arkitett Sebastiano Serlio mill-Italja, u lill-pittur minn Firenze Giovanni Battista di Jacopo, magħruf bħala Rosso Fiorentino, biex iżejjen il-gallerija l-ġdida. Bejn l-1533 u l-1539, Rosso Fiorentino mela l-gallerija b'affreski li jigglorifikaw lir-Re, b'gwarniċi bl-istukko mżejna b'riljiev għoli, u lambris skolpit mill-produttur tal-għamara Francesco Scibec da Carpi. Pittur Taljan ieħor, Francesco Primaticcio minn Bologna, ("Primatice" għall-Franċiżi), ingħaqad iktar 'il quddiem fit-tiżjin tal-palazz. Flimkien, l-istil ta' tiżjin tagħhom sar magħruf bħala l-ewwel Skola ta' Fontainebleau. Din kienet l-ewwel gallerija mżejna kbira li nbniet fi Franza. Inġenerali, permezz ta' Fontainebleau r-Rinaxximent ġie introdott fi Franza.[5]

Għall-ħabta tal-1540, François beda jaħdem fuq żieda oħra mal-palazz. Billi uża l-art fuq in-naħa tal-Lvant tal-palazz, li xtara mill-Ordni tat-Trinitaires, huwa beda jibni sezzjoni kwadra ġdida ta' binjiet madwar bitħa kbira. Din kienet konfinata lejn it-Tramuntana mis-sezzjoni tal-Ministri, lejn il-Lvant mis-sezzjoni ta' Ferrara, u lejn in-Nofsinhar minn sezzjoni b'gallerija ġdida ta' Ulisse. Il-palazz ġie mdawwar minn park ġdid bl-istil tal-ġnien Rinaxximentali Taljan, bil-paviljuni u bl-ewwel grotta fi Franza. Primaticcio ħoloq affreski monumentali oħra għall-gallerija ta' Ulisse.[5]

Palazz ta' Enriku II u Katerina de' Medici (1547-1570) immodifika

 
Il-Gallerija ta' François I, li tikkollega l-appartamenti tar-Re mal-kappella, imżejna bejn l-1533 u l-1539, li introduċiet l-istil Rinaxximentali Taljan fi Franza.

Wara l-mewt ta' François I, ir-Re Enriku II ddeċieda li jkompli jkabbar il-palazz. Ir-Re u martu għażla l-arkitetti Philibert de l'Orme u Jean Bullant biex iwettqu dan ix-xogħol. Huma estendew is-sezzjoni tal-Lvant tal-qorti t'isfel u żejnuha bl-ewwel taraġ famuż b'għamla ta' nagħla. Fil-bitħa ovali, huma ttrasformaw il-loġġa ppjanata minn François f'Sala tal-Festi jew Sala tal-Ballu b'saqaf bis-suffitt bil-kaxxi. Faċċata tal-bitħa tal-funtana u tal-vaska bil-ħut, huma ddisinjaw binja ġdida, il-Pavillon des Poeles (li nqered), biex jospita l-appartamenti l-ġodda tar-Re. It-tiżjin tas-sala tal-ballu l-ġdida u tal-gallerija ta' Ulisse bl-affreski ta' Francesco Primaticcio u l-istukko skolpit kompla, taħt it-tmexxija tal-pitturi Manjeristi Primaticcio u Niccolò dell'Abbate.[6] Skont l-ordnijiet ta' Enriku, in-Nymphe de Fontainebleau ta' Benvenuto Cellini ġiet installata fid-daħla ta' Château d'Anet, ir-residenza primarja tal-maħbuba primarja ta' Enriku, Diane de Poitiers (il-lunetta oriġinali tal-bronż issa tinsab fil-Mużew ta' Louvre, u minflokha hemm replika).[7] Il-palazz kien ukoll il-post fejn twieled François II ta' Franza, l-ewwel iben tar-Re Enriku II.

Wara l-mewt ta' Enriku II f'inċident fil-ġostra, il-mara tiegħu li spiċċat armla, Katerina de' Medici, kompliet bil-kostruzzjoni u t-tiżjin tal-palazz. Hija ddeżinjat lil Primaticcio bħala s-sovraintendent il-ġdid tax-xogħlijiet pubbliċi rjali. Huwa ddisinja s-sezzjoni magħrufa illum il-ġurnata bħala s-sezzjoni tal-Belle Cheminée, magħrufa għaċ-ċmieni elaborati tagħha u ż-żewġ settijiet ta' taraġ faċċata ta' xulxin. Fl-1565, bħala miżura ta' sigurtà minħabba l-Gwerer tar-Reliġjon, hija ordnat ukoll li jitħaffer ħandaq madwar il-palazz biex jipproteġih minn xi attakk.[6]

Palazz ta' Enriku IV (1570-1610) immodifika

 
Il-Galerie des Cerfs (il-Gallerija taċ-Ċriev), li nbniet minn Enriku IV bejn l-1601 u l-1606.

Ir-Re Enriku IV għamel iktar żidiet fil-palazz minn kwalunkwe re minn żmien François I. Huwa estenda l-bitħa ovali lejn il-Punent billi bena żewġ paviljuni, imsejħin Tiber u Luxembourg. Bejn l-1601 u l-1606, huwa reġa' rrinnova l-faċċati kollha madwar il-bitħa, inkluż dik tal-Kappella ta' Saint-Saturnin, sabiex jagħti armonija aħjar lill-arkitettura. Fuq in-naħa tal-Lvant, huwa bena daħla monumentali ġdida, il-Porte du Baptistère. Bejn l-1606 u l-1609, huwa bena bitħa ġdida, il-Cour des Offices jew il-Kwartier ta' Enriku IV, sabiex jipprovdi spazju għall-kċejjen u għar-residenzi tal-uffiċjali tal-qorti. Inbnew ukoll żewġ galleriji ġodda, il-Galerie de Diane de Poitiers u l-Galerie des Cerfs, madwar il-ġnien antik ta' Diana. Huwa żied ukoll jeu de paume jew court intern kbir tat-tennis, l-ikbar tat-tip tiegħu fid-dinja.[8][9][10]

It-"tieni skola ta' Fontainebleau" ta' pitturi u ta' dekoraturi bdew jaħdmu fuq ġewwa tal-palazz. L-arkitett Martin Fréminet ħoloq il-Kappella elaborata tat-Trinità, filwaqt li l-pitturi Ambroise Dubois u Toussaint Dubreuil ħolqu sensiela ta' pitturi erojċi għas-swali. Sezzjoni ġdida, imsejħa għall-binja ċentrali tagħha, La Belle Cheminée, inbniet ħdejn il-vaska l-kbira bil-ħut.

Enriku IV ta attenzjoni kbira wkoll lill-park u lill-ġonna madwar il-palazz. Il-ġnien tar-reġina jew il-ġnien ta' Diana, maħluq minn Katerina de' Medici, bil-funtana ta' Diana fin-nofs, ġie stabbilit fin-naħa tat-Tramuntana tal-palazz. Il-ġardinar ta' Enriku IV, Claude Mollet, li tħarreġ fil-Palazz ta' Anet, ħoloq parterre kbir ta' fjuri, imżejjen bi statwi antiki u sseparat b'mogħdijiet f'sezzjonijiet kwadri kbar. Il-funtana ta' Diana u l-grotta saru minn Tommaso Francini, li jaf iddisinja wkoll il-Funtana tal-familja Medici fil-Ġnien tal-Lussemburgu għal Maria de' Medici. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar, Enriku ħoloq park, imħawwel bis-siġar taż-żnuber, tal-elmu u tal-frott, u bena kanal kbir twil 1,200 metru, sittin sena qabel ma Lwiġi XIV bena l-kanal il-kbir tiegħu stess fil-Palazz ta' Versailles.[10]

Il-Palazz minn Lwiġi XIII sa Lwiġi XIV immodifika

 
Id-disinn tal-palazz u tal-ġonna fil-bidu tas-seklu 17, ta' Tommaso Francini, id-disinjatur tal-funtani.

Ir-Re Lwiġi XIII twieled u ġie mgħammed fil-palazz, u kompla x-xogħlijiet li kien beda missieru. Huwa lesta t-tiżjin tal-Kappella tat-Trinità, u ordna lill-arkitett tal-qorti Jean Androuet du Cerceau biex jibni mill-ġdid it-taraġ b'għamla ta' nagħla li qabel kien iddisinjat minn Philibert Delorme fil-bitħa li kienet magħrufa bħala l-Cour de Cheval Blanc. Wara mewtu, l-armla tiegħu, Anna tal-Awstrija, żejnet mill-ġdid l-appartamenti fi ħdan is-Sezzjoni tal-Irġejjen Omm (Aile des Reines Mères) maġenb il-Bitħa tal-Funtana, iddisinjata minn Primatrice.[11]

Ir-re Lwiġi XIV qatta' iktar żmien fil-Palazz ta' Fontainebleau minn kwalunkwe monarka ieħor; kien iħobb jikkaċċja hemmhekk kull sena lejn l-aħħar tas-sajf u l-bidu tal-ħarifa. Ma tantx għamel bidliet fil-palazz minn barra, iżda bena appartament ġdid għall-maħbuba tiegħu s-Sinjura de Maintenon, għammru b'xogħlijiet maġġuri ta' André-Charles Boulle u waqqa' l-appartamenti l-antiki tal-banjijiet taħt il-Gallerija ta' François I biex jibni appartamenti ġodda għall-prinċpijiet irjali, b'xi modifiki fl-appartamenti tar-re. L-arkitett Jules Hardouin-Mansard bena sezzjoni ġdida maġenb il-Galerie des Cerfs u l-Galerie de Diane biex ikun hemm iktar spazju residenzjali għall-qorti. Huwa għamel bidliet kbar fil-park u fil-ġonna; ikkummissjona lil André Le Nôtre u Louis Le Vau biex jiddisinjaw il-parterre l-kbir mill-ġdid fi ġnien formali Franċiż. Huwa neħħa l-ġnien fuq il-kannizzati li Enriku IV kien bena ħdejn il-vaska l-kbira bil-ħut, u minflok bena paviljun, iddisinjat minn Le Vau, fuq gżira żgħira f'nofs il-vaska.

 
Il-Gros Pavilion fiċ-ċentru, li nbena minn Lwiġi XV għall-appartamenti rjali l-ġodda bejn l-1750 u l-1754.

Lwiġi XIV iffirma l-Editt ta' Fontainebleau fil-palazz fit-22 ta' Ottubru 1685, u rrevoka l-politika ta' tolleranza fir-rigward tal-Protestanti li kien nieda Enriku IV. Lwiġi XIV laqa' bosta mistednin barranin fil-palazz, inkluż l-eks Reġina Christina tal-Iżvezja, li kienet għadha kemm abdikat mit-tron. Meta kienet mistiedna fil-palazz fl-10 ta' Novembru 1657, Christina ssuspettat fil-maħbub tagħha u dak li kien jieħu ħsieb iż-żwiemel, il-Markiż Gian Rinaldo Monaldeschi, li kien qed jikxef is-sigrieti tagħha lill-għedewwa. Il-qaddejja tagħha ħebbew għalih fil-kurituri tal-palazz u qatluh b'daqqiet ta' sikkina. Lwiġi XIV ġie jaraha fil-palazz, ma semma xejn dwar il-qtil, u ħalliha tkompli bil-vjaġġi tagħha.

Fid-19 u fl-20 ta' Mejju 1717, matul ir-Reġġenza wara l-mewt ta' Lwiġi XIV, il-Ksar Russu Pietru l-Kbir kien mistieden fil-Palazz ta' Fontainebleau. Sessjoni ta' kaċċa għaċ-ċriev ġiet organizzata għalih, kif ukoll bankett. Uffiċjalment iż-żjara kienet suċċess kbir. Iżda fil-memorji ppubblikati iktar 'il quddiem mill-membri tad-delegazzjoni, milli jidher Pietru ma ħax pjaċir bl-istil ta' kaċċa tal-Franċiżi, u ħass li l-palazz kien żgħir wisq, meta mqabbel mar-residenzi rjali Franċiżi l-oħra. Ir-rutina tal-Palazz ta' Fontainebleau wkoll ma għoġbitux; huwa kien jippreferi l-birra minflok l-inbid (u ġab il-provvista tiegħu miegħu) u kien iħobb iqum kmieni, għad-differenza tal-qorti rjali Franċiża.[12][13]

Il-proġetti ta' rinnovazzjoni ta' Lwiġi XV kienu iktar ambizzjużi minn dawk ta' Lwiġi XIV. Sabiex joħloq iktar abitazzjonijiet għall-għadd enormi ta' membri tal-qorti rjali tiegħu, fl-1737-1738 ir-re bena bitħa ġdida, imsejħa l-Cour de la Conciergerie jew il-Cour des Princes, lejn il-Lvant tal-Galerie des Cerfs. Fil-Cour du Cheval Blanc, is-sezzjoni tal-Gallerija ta' Ulisse twaqqgħet u gradwalment ġiet sostitwita b'binja ġdida tal-brikks u tal-ġebel, li nbniet fi stadji fl-1738-1741 u fl-1773-1774, u kienet testendi fil-Punent lejn il-paviljun u l-grotta tas-siġar taż-żnuber.

 
Lwiġi XIV jikkaċċja ħdejn il-Palazz ta' Fontainebleau. Pittura ta' Pierre-Denis Martin.

Bejn l-1750 u l-1754, ir-re kkummissjona lill-arkitett Ange-Jacques Gabriel biex jibni sezzjoni ġdida tul il-Cour de la Fontaine u l-vaska bil-ħut. Il-Pavilion des Poeles l-antik twaqqa' u ġie sostitwit bil-Gros Pavilion, li nbena b'ġebla lewn il-krema. Inbnew ukoll appartamenti lussużi ġodda f'din il-binja għar-Re u għar-Reġina. Is-sala l-ġdida għal-laqgħat tal-Kunsill Irjali ġiet imżejna mill-pitturi ewlenin ta' dak iż-żmien, fosthom François Boucher, Carle Vanloo, Jean-Baptiste Marie Pierre u Alexis Peyrotte. Inbena wkoll teatru żgħir mill-isbaħ fl-ewwel sular tas-sezzjoni tal-Belle Cheminée.

Ir-Re Lwiġi XVI għamel żidiet oħra mal-palazz biex il-membri tal-qorti tiegħu jkollhom iktar spazju. Binja ġdida nbniet maġenb il-Gallerija ta' François I; b'hekk inħoloq appartament kbir ġdid fl-ewwel sular, u għadd ta' appartamenti żgħar fil-pjan terran, iżda imblukkat ukoll it-twieqi tan-naħa tat-Tramuntana tal-Gallerija ta' François I. L-appartamenti tar-Reġina Marie-Antoinette ġew rinnovati; sala bi stil Tork inħolqot għaliha fl-1777, sala għal-logħob inbniet fl-1786-1787, kif ukoll boudoir bi stil Arabesk. Lwiġi XVI u Marie-Antoinette għamlu l-aħħar żjara tagħhom fil-Palazz ta' Fontainebleau fl-1786, lejliet ir-Rivoluzzjoni Franċiża.[14]

Il-Palazz matul ir-Rivoluzzjoni u l-Ewwel Imperu immodifika

 
Napuljun isellem lill-Gwardja Antika tiegħu fil-Bitħa tal-Unur fl-20 ta' April 1814.

Matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-palazz ma ġarrabx ħsarat sinifikanti, iżda l-għamara kollha nbigħet b'irkant. Il-binjiet ġew okkupati mill-Iskola Ċentrali tad-Dipartiment ta' Seine-et-Marne sal-1803, meta Napuljun I stabbilixxa skola militari hemmhekk. Meta beda jħejji biex isir Imperatur, Napuljun ried jippreserva kemm jista' mill-palazzi u mill-protokoll tar-Reġim l-Antik. Huwa għażel il-Palazz ta' Fontainebleau bħala s-sit għal-laqgħa storika tiegħu tal-1804 mal-Papa Piju VII, li kien ivvjaġġa minn Ruma biex jinkuruna lil Napuljun bħala l-Imperatur. Napuljun ordna biex għadd ta' kmamar jiġu mżejna apposta għall-Papa, u l-palazz kollu ġie rinnovat u mżejjen mill-ġdid. Il-kamra tas-sodda tar-Rejiet ġiet ittrasformata f'sala tat-tron għal Napuljun. L-appartamenti ġew rinnovati u mżejna mill-ġdid għall-Imperatur u għall-Imperatriċi bl-istil ġdid tal-Imperu. Il-Cour du Cheval Blanc beda jissejjaħ il-Cour d'Honneur jew il-Bitħa tal-Unur. Sezzjoni faċċata tal-bitħa, l-Aile de Ferrare, twaqqgħet u ġiet sostitwita b'xatba u b'daħla tal-ħadid, biex b'hekk il-faċċata tal-palazz tibqa' viżibbli. Il-ġonna ta' Diana u tas-siġar taż-żnuber ġew imħawlin mill-ġdid u mibdula fi ġnien pajsaġġistiku Ingliż mid-disinjatur pajsaġġistiku Maximillien Joseph Hurtault.

Iż-żjarat ta' Napuljun lejn il-Palazz ta' Fontainebleau ma kinux frekwenti, għaliex kien ikun okkupat il-ħin kollu bil-kampanji militari. Bejn l-1812 u l-1814, il-palazz intuża bħala ħabs eleganti ħafna għall-Papa Piju VII. Fil-5 ta' Novembru 1810, il-kappella tal-palazz intużat għall-magħmudija tan-neputi ta' Napuljun, Napuljun III, fejn Napuljun kien il-parrinu tiegħu, u l-Imperatriċi Marie-Louise kienet il-parrina tiegħu.[15]

 
Il-mejda fejn Napuljun iffirma l-abdikazzjoni tiegħu fl-4 ta' April 1814, qabel ma ġie eżiljat fil-gżira ta' Elba.

Napuljun qatta' l-aħħar jiem tar-renju tiegħu fil-Palazz ta' Fontainebleau, qabel ma abdika hemmhekk fl-4 ta' April 1814, taħt pressjoni mill-marexxalli tiegħu, Ney, Berthier u Lefebvre. Fl-20 ta' April, wara li t-tentattiv ta' suwiċidju tiegħu ma rnexxilux, huwa ta tislima emozzjonali lis-suldati tal-Gwardja Antika, li nġabru fil-Bitħa tal-Unur. Iktar 'il quddiem, matul il-Mitt Jum, huwa waqaf hemmhekk fl-20 ta' Marzu 1815.

Fil-memorji tiegħu, miktuba meta kien eżiljat fuq Saint Helena, huwa jiftakar fiż-żmien li qatta' fil-Palazz ta' Fontainebleau; "…ir-residenza reali tar-Rejiet, id-dar tas-sekli. Forsi ma kienx palazz arkitettoniku rigoruż, iżda kien ċertament residenza maħsuba tajjeb u perfettament adattata. Tabilħaqq kien l-iżjed palazz komdu u b'pożizzjoni tajba fl-Ewropa".

Il-Palazz matul ir-Ristorazzjoni u r-renju ta' Lwiġi-Filippu (1815-1848) immodifika

Wara r-ristorazzjoni tal-Monarkija, ir-Rejiet Lwiġi XVIII u Karlu X it-tnejn li huma baqgħu fil-Palazz ta' Fontainebleau, iżda l-ebda wieħed minnhom ma għamel bidliet kbar fil-palazz. Lwiġi-Filippu kien iktar attiv, u rrestawra xi swali u żejjen mill-ġdid oħrajn bl-istil ta' dak iż-żmien. Is-Sala tal-Gwardji u l-Gallerija tal-Platti ġew imżejna mill-ġdid bi stil Neo-Rinaxximentali, filwaqt li s-Sala tal-Kolonni, taħt is-sala tal-ballu, ġiet rinnovata bi stil Neoklassiku. Huwa żied ukoll twieqi ġodda bil-ħġieġ ikkulurit, magħmula mill-manifattura rjali ta' Sèvres.

Il-Palazz matul it-Tieni Imperu immodifika

 
Napuljun III jilqa' delegazzjoni mir-Re tas-Siam fis-sala tal-ballu fl-1864.

L-Imperatur Napuljun III, li kien mgħammed fil-Palazz ta' Fontainebleau, reġa' kompla d-drawwa ta' soġġorni twal fil-palazz, b'mod partikolari fis-sajf. Ħafna mis-swali storiċi, bħall-Galerie des Cerfs, ġew irrestawrati kemm jista' jkun għad-dehra oriġinali tagħhom, filwaqt li l-appartamenti privati ġew imżejna mill-ġdid skont il-gosti tal-Imperatur u tal-Imperatriċi. Ħafna appartamenti għall-mistednin ġew stabbiliti fl-ispazji mhux użati tal-binjiet tal-palazz. It-teatru l-antik tal-palazz, li kien inbena fis-seklu 18, inqered f'nar li ħakem is-sezzjoni tal-Belle Cheminée fl-1856. Bejn l-1854 u l-1857, l-arkitett Hector Lefuel bena teatru ġdid bl-istil ta' Lwiġi XVI.

Fil-pjan terran tal-Gros Pavilion, l-Imperatriċi Eugénie bniet mużew żgħir iżda rikk, bir-rigali mir-Re tas-Siam fl-1861, u bl-opri tal-arti li ttieħdu meta nsteraq il-Palazz tas-Sajf ta' Beijing, iċ-Ċina. Il-mużew kien fih ukoll pitturi ta' artisti kontemporanji, inkluż Franz Xaver Winterhalter, u tal-iskultur Charles Henri Joseph Cordier. Fil-qrib, fis-sezzjoni ta' Lwiġi XV, l-Imperatur stabbilixxa l-uffiċju tiegħu, u l-Imperatriċi stabbiliet is-Sala tal-Verniċ tagħha. Dawn kienu l-aħħar kmamar li nħolqu mir-residenti rjali tal-Palazz ta' Fontainebleau. Fl-1870, matul il-Gwerra bejn Franza u l-Ġermanja, l-Imperu sfaxxa, u l-palazz ingħalaq.[16]

Il-Palazz mit-Tielet Repubblika sa llum il-ġurnata immodifika

 
Il-Librerija u l-Gallerija ta' Diana.

Matul il-Gwerra bejn Franza u l-Prussja, il-palazz ġie okkupat mill-Prussjani fis-17 ta' Settembru 1870, u għal żmien qasir intuża bħala kwartieri ġenerali tal-armata minn Federiku Karlu tal-Prussja minn Marzu 1871. Wara l-gwerra, tnejn mill-binjiet bdew jospitaw l-iskola avvanzata tal-artillerija u l-inġinerija tal-Armata Franċiża, li ġiet obbligata titlaq mill-Alsace meta l-provinċja ġiet annessa mill-Ġermanja.[17] Okkażjonalment il-palazz intuża bħala residenza mill-Presidenti tat-Tielet Repubblika, u biex jintlaqgħu xi mistednin statali, fosthom ir-Re Alessandru I tas-Serbja (1891), ir-Re Ġorġ I tal-Greċja (1892), Leopoldu II tal-Belġju (1895) u r-Re Alfonsu XIII ta' Spanja (1913). Il-palazz laqa' wkoll żjara mill-aħħar waħda mir-residenti rjali, l-Imperatriċi Eugenie, fis-26 ta' Ġunju 1920.

Il-faċċati tal-binjiet ewlenin ingħataw l-ewwel protezzjoni tagħhom permezz tal-klassifikazzjoni bħala monumenti storiċi fl-20 ta' Awwissu 1913. Fl-1923, wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-palazz sar is-sede tal-Écoles d'Art Américaines, skejjel tal-arti u tal-mużika, li għadhom jeżistu. Fl-1927 il-palazz sar mużew nazzjonali. Bejn il-gwerer, is-sulari ta' fuq tas-sezzjoni tal-Belle Cheminée, li kienu ħadu n-nar fl-1856, inbnew mill-ġdid permezz ta' għotja finanzjarja mill-Fondazzjoni Rockefeller.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-palazz ġie okkupat mill-Ġermaniżi fis-16 ta' Ġunju 1940 u baqa' okkupat sal-10 ta' Novembru 1940, u mbagħad reġa' ġie okkupat mill-15 ta' Mejju sal-aħħar ta' Ottubru 1941. Wara dik is-sena, parti mill-palazz saret il-kwartieri ġenerali tal-Unjoni tal-Punent u iktar 'il quddiem saret il-kwartieri ġenerali ta-Forzi Alleati tal-Ewropa Ċentrali tan-NATO sal-1966.

Ir-restawr ġenerali tal-palazz seħħ bejn l-1964 u l-1968 taħt il-President Charles de Gaulle u l-Ministru għall-Kultura tiegħu, Andre Malraux. Il-palazz u l-park tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2] Fl-2006, il-Ministeru għall-Kultura xtara l-istalel irjali u rrestawrahom.

Fil-bidu tal-2007, beda r-restawr tat-teatru tal-palazz, li kien inbena minn Napuljun III matul it-Tieni Imperu. Il-proġett ġie ffinanzjat mill-gvern ta' Abu Dhabi, wieħed mill-Emirati Għarab Magħquda, u bħala ringrazzjament it-teatru ssejjaħ it-Teatru Sheik Khalifa Bin Zayed al Nahyan. Ġie inawgurat fit-30 ta' April 2014.[18]

Fl-1 ta' Marzu 2015, il-Mużew Ċiniż tal-palazz insteraq minn ħallelin professjonisti. Daħlu fil-binja għall-ħabta tas-sitt ta' filgħodu, u minkejja s-sistema ta' allarm u l-kameras li jieħdu l-filmati, f'seba' minuti l-ħallelin irnexxielhom jisirqu madwar ħmistax mill-iżjed oġġetti ta' valur fil-kollezzjoni, inkluż ir-replika tal-kuruna tas-Siam mogħtija mill-gvern Siamiż lil Napuljun III, mandala Tibetana, u kimera tal-enamel mir-renju tal-Imperatur Qianlong (1736-1795).[19]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Il-faċċata tal-Palazz ta' Fontainebleau.

Il-Palazz u l-Park ta' Fontainebleau ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Biblijografija immodifika

  • Allain, Yves-Marie (2006). L'art des jardins en Europe (bil-Franċiż). Pariġi: Citadelles & Mazenod. ISBN 2-85088-087-6.
  • Carlier, Yves (2010). Histoire du château de Fontainebleau (bil-Franċiż). Pariġi: Editions Jean-Paul Gisserot. ISBN 978-2-75580-022-7.
  • Dan, Pierre (1642). Le Trésor des merveilles de la Maison Royale de Fontainebleau. Pariġi: S. Cramoisy. OCLC 457360433; copy at INHA.
  • Morel, Pierre (1967). Aspects de la France - Fontainebleau. Artaud.
  • Pérouse de Montclos, Jean-Marie (2009). Le château de Fontainebleau (bil-Franċiż). Pariġi: Nouvelles Éditions Scala. ISBN 9782359880045.
  • Salmon, Xavier (2011). Fontainebleau- Vrai demeure des rois, maison des siècles (bil-Franċiż). Versailles: Artlys. ISBN 978-2-85495-442-5.
  • Séguin, Philippe (1990). Lwiġi Napoléon Le Grand (bil-Franċiż). Pariġi: Bernard Grasset. ISBN 2-246-42951-X.

Referenzi immodifika

  1. ^ "Fontainebleau, the royal castle and forest near Paris". Paris Digest (bl-Ingliż). 2019-12-26. Miġbur 2022-08-25.
  2. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Palace and Park of Fontainebleau". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-25.
  3. ^ a b Salmon 2011, p. 7.
  4. ^ Morel 1967, p. 28.
  5. ^ a b Salmon 2011, p. 8.
  6. ^ a b Salmon 2011, p. 9.
  7. ^ Pérouse de Montclos 2009, p. 31.
  8. ^ "Cercle du jeu de paume de fontainebleau / Historique du court". web.archive.org. 2008-06-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-06-25. Miġbur 2022-08-25.
  9. ^ "Cercle du jeu de paume de Fontainebleau". web.archive.org. 2014-05-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-05-17. Miġbur 2022-08-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ a b Salmon 2011, p. 10.
  11. ^ Salmon 2011, p. 12.
  12. ^ Мезин С.А. Взгляд из Европы: французские авторы XVIII века о Петре I. Саратов, 2003. (bir-Russu).
  13. ^ Buvat J. Journal de la régence. T. 1. P. 269–270; Майков Л. Н. Современные рассказы... // Русский архив. 1881. Кн. 1, № 1. С. 12–13. (bir-Russu).
  14. ^ Salmon 2011, p. 14.
  15. ^ Séguin 1990, p. 26.
  16. ^ Walter Bruyère-Ostells, Napoléon III et le Second Empire.
  17. ^ Carlier 2010, p. 37.
  18. ^ "Coup de théâtre à Fontainebleau". LEFIGARO (bil-Franċiż). 2014-04-25. Miġbur 2022-08-26.
  19. ^ "Important vol d'œuvres d'art au musée chinois de Fontainebleau". LEFIGARO (bil-Franċiż). 2015-03-01. Miġbur 2022-08-26.