Olimpja

raħal fil-Peniżola Peloponniża tal-Greċja, u sit arkeoloġiku u santwarju tal-Greċja Antika

Olympia (bil-Grieg: Ὀλυμπία; bil-Grieg antik: [olympía]; bil-Grieg modern: [oli(m)ˈbia] Olymbía) hija raħal żgħir f’Elis fil-Peniżola Peloponniża fil-Greċja, famuża għas-sit arkeoloġiku bl-istess isem, li kien santwarju reliġjuż Panelleniku ewlieni tal-Greċja Antika, fejn kien isir il-Logħob Olimpiku tal-qedem. Is-sit kien primarjament iddedikat lil Żeus u kien jattira viżitaturi mid-dinja Griega kollha bħala wieħed minn grupp ta’ ċentri Panelleniċi li għenu biex tinbena l-identità tal-Griegi antiki bħala nazzjon. Minkejja l-isem, ir-raħal ma jinsabx qrib il-Muntanja Olimpu li tinsab fit-Tramuntana tal-Greċja, fejn il-Griegi ta’ dak iż-żmien kienu jemmnu li jgħixu t-Tnax-il Olimpji, l-allat maġġuri tar-reliġjon tal-Greċja Antika.

Ftit mill-fdalijiet tas-sit arkeoloġiku ta’ Olimpja

Il-Logħob Olimpiku kien isir kull erba’ snin fiż-żminijiet tal-antikità klassika, jiġifieri mit-tmien seklu Q.K. sar-raba’ seklu Q.K.[1]

Is-sit arkeoloġiku kien fih iktar minn 70 binja sinifikanti, u diversi fdalijiet ta’ ħafna minnhom waslu sa żminijietna, għalkemm mit-Tempju ta’ Żeus prinċipali baqa’ biss xi ġebel imwaqqa’ mal-art. Is-sit huwa attrazzjoni turistika ewlenija u għandu żewġ mużewijiet, wieħed dwar il-Logħob Olimpiku tal-qedem u ieħor dwar il-Logħob Olimpiku modern.

Sit antik immodifika

 
Mappa tas-santwarji ewlenin tal-Greċja Antika

Olimpja tinsab f’wied wiesa’ tax-xmara pjuttost żgħira ta’ Alfeiós fin-naħa tal-Punent tal-Peniżola Peloponniża. Illum il-ġurnata Olimpja tinsab madwar 18-il kilometru ’l bogħod mill-Baħar Jonju iżda x’aktarx fil-qedem kienet tinsab nofs dik id-distanza minnu.[2] L-Altis, kif kien magħruf is-santwarju oriġinarjament, kien żona kwadra irregolari ta’ iktar minn 183 metru fuq kull naħa u mdawra bil-ħitan għajr fit-Tramuntana fejn kienet ikkonfinata mill-Muntanja Kronos.[3] Iż-żona kienet tikkonsisti minn arranġament ta’ binjiet mingħajr xi ordni partikolari. L-iktar binjiet importanti kienu t-Tempju ta' Hera, it-Tempju ta’ Żeus, il-Pelopion u ż-żona tal-artal il-kbir ta’ Żeus, fejn kienu jiġu offruti l-ikbar sagrifiċċji. Fis-santwarju xorta waħda kien hemm spazju mdaqqas fil-beraħ jew bil-boskijiet. L-isem Altis oriġina minn korruzzjoni tal-kelma Elean li tfisser “bosk żgħir” peress li fiż-żona kien hemm proprju bosk żgħir, partikolarment b’siġar taż-żebbuġ u platani.[4]

Skont Pausanias, kien hemm iktar minn 70 tempju b’kollox, kif ukoll kompartimenti tat-teżor, artali, statwi, u strutturi oħra ddedikati lil ħafna allat.[4] Kemxejn f’kuntrast ma’ Delphi, fejn kien hemm kollezzjoni pjuttost simili ta’ monumenti ħdejn xulxin fil-konfini ta’ temenos, Olimpja kibret lil hinn mill-ħitan ta’ konfini, speċjalment fiż-żoni ddedikati għal-logħob.

 
Il-kripta, il-ħnejja li tagħti għall-istadium ta’ Olimpja

Fit-Tramuntana tas-santwarju kien hemm il-Prytaneion u l-Philippeion, kif ukoll sensiela ta’ kompartimenti tat-teżor li kienu jirrappreżentaw id-diversi bliet-stati tal-Imperu Grieg. Fin-Nofsinhar ta’ dawn il-kompartimenti kien hemm il-Metroon, filwaqt li fil-Lvant kien hemm l-Echo Stoa. L-ippodromu u iktar ’il quddiem l-istadium kienu jinsabu fil-Lvant tal-Echo Stoa. Fin-Nofsinhar tas-santwarju kien hemm l-iStoa tan-Nofsinharu l-bouleuterion, filwaqt li l-palaestra, il-gabbana ta’ Fidja, il-gymnasion, u l-Leonidaion jinsabu fil-Punent.

Olimpja kienet magħrufa għall-istatwa ta’ Żeus b’qafas ġgantesk tal-injam bl-avorju u d-deheb li kienet l-immaġni ewlenija fit-tempju ddedikat għalih, li kienet ġiet skolpita minn Fidja, u li Antipater ta’ Sidon kien semma bħala waħda mis-Seba’ Għeġubijiet tad-Dinja l-Antika. Fis-snin 50 tas-seklu 20, qrib ħafna tat-Tempju ta’ Żeus, ġiet skavata l-gabbana ta’ Fidja (li kienet qisha l-istudjo antik fejn kien jaħdem). Hemmhekk instabet evidenza, bħall-għodod tal-iskultur, li tikkonferma din l-ipoteżi. Il-fdalijiet antiki jinsabu fit-Tramuntana tax-xmara Alfeiós u fin-Nofsinhar tal-Muntanja Kronos. Il-Kladeos, li huwa tributarju tax-xmara, inixxi mad-dawra kollha taż-żona.

Pjanta tas-sit immodifika

 
Spjega
1. Propylon tal-Majjistral 12. Binja ta’ Tolomew II u Arsinoe II 23. Heroon
2. Prytaneion 13. Hestia stoa 24. Gabbana ta’ Fidja u bażilika Paleokristjana
3. Philippeion 14. Binja Ellenistika 25. Banjijiet ta’ Kladeo
4. Tempju ta’ Hera 15. Tempju ta’ Żeus 26. Banjijiet Griegi
5. Pelopion 16. Artal ta’ Żeus 27. Hostels
6. Nymphaeum ta’ Erodi Attiku 17. Ex voto ta’ Achaeans 28.
7. Metroon 18. Ex voto ta’ Mikythos 29. Leonidaion
8. Kompartimenti tat-Teżor 19. Nike ta’ Peonju 30. Banjijiet tan-Nofsinhar
9. Kripta (ħnejja li tagħti għall-istadium) 20. Gymnasion 31. Bouleuterion
10. Stadium 21. Palaestra 32. Stoa tan-Nofsinhar
11. Echo Stoa 22. Theokoleon 33. Villa ta’ Neruni
Kompartimenti tat-Teżor
I. Sicyon IV. Byzantium(?) VII. Mhux identifikat X. Metapontum
II. Siracusa V. Sybaris(?) VIII. Artal(?) XI. Megara
III. Epidamnus(?) VI. Ċirene(?) IX. Selinunte XII. Gela

Storja immodifika

Preistorja immodifika

Fl-imgħoddi kien jingħad li s-sit kien ilu okkupat minn madwar l-1500 Q.K., u li għall-ħabta tal-1000 Q.K. żviluppat setta reliġjuża ta’ Żeus. Minflok, x’aktarx li s-santwarju nbena lejn is-sekli 9 jew 8, minkejja li dan għadu dibattitu miftuħ.[4] Hemm oħrajn li jemmnu li l-fdalijiet tal-ikel u tal-offerti maħruqa bħala sagrifiċċju jmorru lura għas-seklu 10 Q.K. u li huma evidenza ta’ storja twila ta’ attività reliġjuża fis-sit. B’xorti ħażina, l-ebda binja ta’ dan il-perjodu bikri ma waslet sħiħa sa żminijietna.[5]

Perjodi Ġeometriċi u Arkajċi immodifika

 
Fdalijiet tat-Tempju ta’ Hera

L-ewwel festival Olimpiku ġie organizzat fis-sit mill-awtoritajiet ta’ Elis fit-tmien seklu Q.K. – skont it-tradizzjoni l-ewwel Logħob Olimpiku sar fis-sena 776 Q.K. Għall-ħabta tas-sena 700 Q.K., saru bidliet maġġuri fis-sit, bħal ngħidu aħna l-illivellar tal-art u t-tħaffir ta’ bjar ġodda. Il-qawwa ta’ Elis battiet u s-santwarju spiċċa f’idejn il-Pisatani (mid-distrett ta’ Pisa fil-Peniżola Peloponniża) fis-676 Q.K. Il-Pisatani baqgħu jorganizzaw il-Logħob Olimpiku sal-aħħar tas-seklu 7 Q.K.[5]

L-iktar evidenza bikrija ta’ bini fis-sit tmur lura għall-ħabta tas-600 Q.K. Dak iż-żmien l-Iskiludjani, l-alleati tal-Pisatani, bnew it-Tempju ta’ Hera.[6] lI-kompartimenti tat-teżor u l-Pelopion inbnew fis-sitt seklu Q.K. L-istrutturi lajċi u l-areni atletiċi bdew jinbnew matul dan il-perjodu wkoll flimkien mal-Bouleuterion. L-ewwel stadium inbena lejn il-560 Q.K. u kien sempliċi trakka tal-ġiri. L-istadium ġie mmudellat mill-ġdid lejn il-500 Q.K. bi ġnub jiżżerżqu għall-ispettaturi u jxaqilbu ħarira lejn il-Lvant. Matul is-sitt seklu Q.K. żdiedu diversi sports fil-festival Olimpiku. Fil-580 Q.K., Elis, f’alleanza ma’ Sparta, okkupat id-distrett ta’ Pisa u reġgħet kisbet il-kontroll tas-santwarju.[5]

Perjodu Klassiku immodifika

 
Tetradrakma tal-fidda minn Olimpja tat-360 Q.K bil-kitba ΟΛΥΜΠΙΑ fuq waħda min-naħat tal-munita

Il-perjodu klassiku, bejn is-sekli 5 u 4 Q.K., kien l-aqwa żmien tas-sit ta’ Olimpja fejn inbnew diversi binjiet kif ukoll strutturi reliġjużi u lajċi ġodda.

It-Tempju ta’ Żeus inbena lejn nofs is-seklu 5 Q.K. Id-daqs, l-iskala u l-ornamenti tiegħu kienu jisbqu dawk tal-kostruzzjonijiet li kienu nbnew qablu fis-sit ta’ Olimpja. Il-banjijiet Griegi u faċilitajiet sportivi oħra, fosthom l-aħħar verżjoni tal-istadium kif ukoll l-ippodromu (għat-tlielaq bil-karrijiet b’żewġ roti miġbuda miż-żwiemel). Il-Prytaneion inbena fin-naħa tal-Majjistral tas-sit fl-470 Q.K.[5]

Lejn l-aħħar tal-perjodu klassiku, żdiedu iktar strutturi fis-sit. Il-Metroon inbena ħdejn il-kompartimenti tat-teżor lejn l-400 Q.K. Il-kostruzzjoni tal-Echo Stoa, għall-ħabta tat-350 Q.K., isseparat is-santwarju miż-żona tal-istadium fejn kien isir il-Logħob Olimpiku. L-iStoa tan-Nofsinhar inbniet fin-naħa tan-Nofsinhar tas-santwarju kważi fl-istess perjodu.[5]

 
Fdalijiet tal-Philippeion

Perjodu Ellenistiku immodifika

Lejn l-aħħar tas-seklu 4 Q.K. inbena l-Philippeion. Għall-ħabta tat-300 Q.K. inbniet l-ikbar binja tas-sit, il-Leonidaion, biex tilqa’ lill-viżitaturi importanti. Minħabba li kulma jmur il-Logħob Olimpiku beda jikseb iktar importanza, inbnew iktar binjiet atletiċi, fosthom il-Palaestra (fit-tielet seklu Q.K.), il-Gymnasion (fit-tieni seklu Q.K.) u l-binjiet bil-banjijiet (lejn it-300 Q.K.). Fil-200 Q.K., inbniet ħnejja mirfuda li kienet tikkollega d-daħla tal-istadium mas-santwarju.[5]

Perjodu Ruman immodifika

 
Il-fdalijiet tal-Palaestra

Matul il-perjodu tar-Rumani, il-Logħob Olimpiku nfetaħ għaċ-ċittadini kollha tal-Imperu Ruman. F’dan il-perjodu ġie pprogrammat li jinbnew binjiet ġodda u jsiru tiswijiet estensivi fil-binjiet eżistenti, inkluż fit-Tempju ta’ Żeus. Fil-150 W.K., inbena n-Nympheum (jew l-Exedra). Fil-160 W.K. inbnew ukoll banjijiet Rumani minflok il-banjijiet Griegi ta’ qabel flimkien ma’ akwedott.[5]

Fit-tielet seklu W.K., is-sit ġarrab ħsarat estensivi minħabba sensiela ta’ terremoti. Fil-267 W.K., minħabba diversi invażjonijiet ta’ tribujiet, iċ-ċentru tas-sit ġie ffortifikat b’materjal misruqa mill-monumenti tas-sit stess. Minkejja d-distruzzjoni, il-festival Olimpiku xorta waħda baqa’ jsir fis-sit sal-aħħar Olimpjadi fit-393 W.K., għaliex imbagħad l-imperatur Kristjan Teodosju I implimenta projbizzjoni. It-Tempju ta’ Żeus wisq probabbli ġġarraf lejn l-426 W.K., matul il-persegwitazzjoni tal-pagani min-naħa tal-Imperu Ruman, wara li Teodosju II ħareġ editt li inforza l-projbizzjoni ta’ festivals pagani. Il-gabbana ta’ Fidja nbidlet f’Bażilika u fis-sit bdiet tgħix komunità Kristjana. Evidenza arkeoloġika tissuġġerixxi li avvenimenti Olimpiċi fuq skala żgħira (x’aktarx taparsi avvenimenti Kristjani) xorta kienu qed isiru minn taħt sal-pesta ta’ żmien Ġustinjanu u sakemm il-post ma nqeridx għalkollox minn żewġ terremoti lejn nofs is-sitt seklu W.K. Biex tkompli tgħaxxaq, diversi għargħar wara xulxin żguraw li l-insedjament jiġi abbandunat għalkollox fil-bidu tas-seba’ seklu W.K.[5]

Sit ta’ Wirt Dinji immodifika

Is-sit arkeoloġiku ta’ Olimpja ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989. Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rikonoxxut abbażi ta’ ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO li huma: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; ladarba s-santwarju ta’ Olimpja kien fih waħda mill-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ kapulavuri tal-qedem fil-Mediterran; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba l-influwenza tal-monumenti ta’ Olimpja kienu konsiderevoli fir-rigward tal-arkitettura u l-isport; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba s-sit arkeoloġiku ta’ Olimpja jixhed b’mod eċċezzjonali l-iżvilupp taċ-ċivilizzazzjonijiet antiki tal-Peniżola Peloponniża; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba Olimpja kienet eżempju straordinarju ta’ santwarju Pan-Elleniku tal-qedem b’funzjonijiet reliġjużi, politiċi u soċjali; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”, ladarba Olimpja hija assoċjata b’mod dirett u tanġibbli ma’ avveniment ta’ importanza universali bħal-Logħob Olimpiku.[7]

Referenzi immodifika

  1. ^ Bickerman, E. J. (1982). Chronology of the ancient world (2nd ed., 2nd print. ed.). Ithaca, N.Y.: Cornell Univ. Press. p. 75. ISBN 0-8014-1282-X.
  2. ^ "Olympia hypothesis: Tsunamis buried the cult site on the Peloponnese". ScienceDaily (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-09.
  3. ^ "Altis | ancient site, Greece". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-09.
  4. ^ a b ċ "A Tour of Ancient Olympia 1". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2021-03-09.
  5. ^ a b ċ d e f ġ g "Olympics Through Time". sunsite.icm.edu.pl. Miġbur 2021-03-09.
  6. ^ "Ancient Olympic Games and the Elis Olympic Coins for Olympia". Elis Olympic Coins (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-17. Miġbur 2021-03-09.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Olympia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-10.