Nana (rumanz)

rumanz tal-awtur naturalist Franċiż Émile Zola

Nana huwa rumanz tal-awtur naturalist Franċiż Émile Zola. Tlesta fl-1880. Nana hu d-disa' ktieb fis-sensiela ta' 20 volum bl-isem Les Rougon-Macquart .

Édouard Manet, Nana, 1877

Oriġini immodifika

Sena qabel ma beda jikteb Nana, Zola kien għadu ma jaf xejn dwar it-Théâtre des Variétés. Ludovic Halévy stiednu biex jattendi operetta miegħu hemm fil-15 ta’ Frar 1878, u ħadu wara l-kwinti. Halévy rrakkontalu bosta stejjer dwar il-ħajja amoruża tal-istilla, Anna Judic, li l-ménage à trois’ tagħha serva bħala l-mudell għar-relazzjonijiet ta' Rose Mignon, ir-raġel tagħha, u Steiner fir-rumanz ta' Zola. Halévy ipprovda wkoll lil Zola bi stejjer dwar prostituti famużi li Zola uża fl-iżvilupp tal-karattru tal-protagonista. Iżda kienet Valtesse de La Bigne, li pinġewha kemm Manet kif ukoll Henri Gervex, li l-iktar ispiratu; kienet hi li ġiet immortalizzata fir-rumanz skandaluż tiegħu Nana.[1]

It-trama fil-qosor immodifika

Ir-rumanz Nana jirrakkonta l-istorja tal-axxendenza ta' Nana Coupeau minn mara tat-triq għal prostituta ta' klassi għolja matul l-aħħar tliet snin tat-Tieni Imperu Franċiż. Il-protagonista, Nana, dehret l-ewwel darba lejn it-tmiem tas-serje Les Rougon-Macquart ta' Zola, L'Assommoir (1877), fejn kienet bint sakranazz abbużiv. Fit-tmiem ta’ dak ir-rumanz, hija kienet fit-toroq u kienet għadha kemm bdiet il-ħajja tal-prostituzzjoni.

Nana jibda billejl fit-Théâtre des Variétés f'April 1867 eżatt wara li nfetħet l-Exposition Universelle. Nana għandha tmintax-il sena, għalkemm kien ikollha ħmistax skont l-arblu tar-razza tar-Rougon-Macquarts li Zola kien ippubblika snin qabel ma beda jaħdem fuq dan ir-rumanz. Zola jiddeskrivi fid-dettall il-preżentazzjoni ta’ La blonde Vénus, operetta fittizja mmudellata fuq La belle Hélène ta’ Offenbach, li fiha Nana kellha l-parti prinċipali. Pariġi kollha kienet qed titkellem dwarha, għalkemm din hija l-ewwel dehra tagħha fuq il-palk. Meta jitolbuh jgħid xi ħaġa dwar it-talenti tagħha, Bordenave, id-direttur tat-teatru, jispjega li stilla m'għandhiex għalfejn tkun taf tkanta jew tirreċta: "Nana għandha xi ħaġ’oħra, u xi ħaġa li tpatti għal kollox. Xammejtha, u qawwija wisq fiha, jew imnieħri mhux aħjar minn ta’ wieħed baħnan...". Hekk kif il-folla kienet ħa twarrab l-interpretazzjoni tagħha għax qisitha terribbli, iż-żagħżugħ Georges Hugon jgħajjat: "Très chic!". Minn hemm 'il quddiem, kellha l-udjenza f’idejha. Zola jiddeskrivi d-dehra tagħha mgħottija biss b’velu rqiq fit-tielet att: "F’daqqa waħda, mit-tifla tajba qamet il-mara, inkwetanti, iġġib magħha d-dagħdigħa ta’ ġenn tas-sess tagħha, tikxef ix-xewqat mhux magħrufin. Nana kienet il-ħin kollu titbissem, imma bi tbissima qarsa ta’ waħda li tiekol l-irġiel."

Matul ir-rumanz Nana teqred kull raġel li jinnamra magħha: Philippe Hugon imur il-ħabs wara li jisraq mill-armata biex jislifha l-flus; il-bankier għani Steiner ifalli jipprova jogħġobha; Georges Hugon iferi lilu nnifsu bi mqass bid-disprament minħabba fiha; Vandeuvres jaħraq lilu nnifsu wara li Nana teqirdu finanzjarjament; Fauchery, ġurnalist u pubblikatur li jinnamra ma' Nana minn kmieni, jikteb artiklu jikkritikaha bl-aħrax aktar tard, u jerġa' jinnamra magħha u tirvinah finanzjarjament; u l-Konti Muffat, li l-fedeltà tiegħu lejn Nana terġa’ twasslu għal umiljazzjoni wara l-oħra sakemm isibha fis-sodda mal-kunjat xiħ tiegħu. Fi kliem George Becker: "Dak li joħroġ minn [Nana] huwa l-kompletezza tal-forza distruttiva tagħha, li waslet għall-qofol fil-kapitlu 13 permezz ta' tip ta' lista tal-vittmi tal-voraċità tagħha".[2]

Zola jagħti lil Nana mewta kerha bil-ġidri f’Lulju tal-1870. Hi tisparixxi għal xi żmien, ħwejjiġha jiġu rkantati u ħadd ma jkun jaf fejn hi. Jiġri li kienet qed tgħix ma' prinċep Russu, u ħalliet lil binha ċkejken ma’ zija ħdejn Pariġi, iżda meta tfaqqa' epidemija tal-ġidri tmur lura biex tieħu ħsiebu; imbagħad hu jmut, u hi taqbadha l-marda. Zola jissuġġerixxi li n-natura vera tagħha, moħbija mis-sbuħija fiżika li kellha, fl-aħħar ħarġet fil-wiċċ. "Dak li kien fuq l-imħaded kien kannierja, munzell materja u demm, palata laħam qed jitranġat. L-infafet kienu mlewlha wiċċha kollu, u allura l-ħofor kienu jmissu ma’ xulxin". Barra t-tieqa tagħha l-folla kienet qed tgħajjat bil-ġenn "Għal Berlin! Għal Berlin!" biex tagħti merħba lill-bidu tal-Gwerra Franko-Prussjana, li kienet se tintemm b’telfa għal Franza u fit-tmiem tat-Tieni Imperu.

Kif laqgħu l-pubbliku immodifika

 
Nana, Fontispizzju tal-edizzjoni oriġinali bil-Franċiż

Ir-rumanz kellu suċċess immedjat. Le Voltaire, il-gazzetta Franċiża li kienet qed tippjana li tippubblikaha f’puntati li kienu se jibdew f'Ottubru 1879, nediet kampanja ta' reklamar ġganteska, li qajmet il-kurżità tal-pubbliku qarrej li kien qisu qabditu dagħdiegħa. Meta Georges Charpentier fl-aħħar ippubblika Nana f'forma ta' ktieb fi Frar 1880, l-ewwel edizzjoni ta' 55,000 kopja nbiegħet f'ġurnata waħda. Flaubert u Edmond de Goncourt faħħruh ħafna tax-xogħol Nana. Min-naħa l-oħra, parti mill-pubbliku u xi kritiċi rreaġixxew għall-ktieb bl-indinjazzjoni, u dan seta’ kkontribwixxa għall-popolarità tiegħu. Flaubert kiteb ittra entużjastika lil Zola fejn faħħar ir-rumanz fid-dettall. Qallu liema paġni kien immarka billi tewa l-kantunieri tagħhom u faħħar siltiet speċifiċi ("kollox dwar Fontane, perfett!"). Fil-qosor huwa kiteb: "Nana tourne au mythe, sans cesser d'être réelle". (Nana jinbidel f'leġġenda, mingħajr ma jieqaf ikun veru).[3] Kien hemm ukoll argumenti kontra l-ideat ta’ Zola dwar l-eredità u l-ambjent, infatti Alfred Sirven (1838-1900) u Henri Leverdier (1840-) kitbu rumanz dwar bint Nana li tirbaħ l-ambjent ta’ tfulitha u ssir mara rispettabbli. It-titlu kien "La fille de Nana, réponse au roman naturaliste de Zola" (It-Tifla ta’ Nana, risposta għar-rumanz naturalist ta’ Zola).

Referenzi ta’ wara immodifika

Il-pittur Édouard Manet, li kien impressjonat bid-deskrizzjoni ta’ Nana bħala “prekoċement immorali” f’L'Assommoir ta’ Zola, lir-ritratt ta’ Henriette Hauser tah it-titlu Nana qabel ma ġie ppubblikat il-ktieb.[4] Bil-Franċiż kontemporanju, il-kelma "nana" kienet terminu daqsxejn pastaż għal mara tat-triq.

Adattamenti immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ Hewitt, Catherine. The mistress of Paris : the 19th-century courtesan who built an empire on a secret. Londra. ISBN 978-1-78578-003-5. OCLC 924600273.
  2. ^ Becker, George J. (1982). Master European Realists of the Nineteenth Century. New York: Frederick Ungar Publishing Co. p. 118. [1]
  3. ^ "Gustave Flaubert Correspondence". Édition Louis Conard. 15 ta' Frar 1880. [2]
  4. ^ Barnes, Julian (15 April 2011). "Edouard Manet: Symphony in off-white". The Guardian. [3]

Ħoloq Esterni immodifika