Marlene Farrugia (twieldet iż-Żurrieq fl-24 ta' Lulju 1966) hija dentista u Kap tal-Partit Demokratiku u Deputat Parlamentari fil-Lista tal-Partit Nazzjonalista.

Marlene Farrugia
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta


membru tat-13-il Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta


District: 10 Distrett
Election: Elezzjonijiet Ġenerali 2017
Ħajja
Twelid Żurrieq, 24 Lulju 1966 (57 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
dentist

Tfulija immodifika

Farrugia twieldet u trabbiet fiż-Żurrieq. "Gawdejt il-ġmiel kollu ta' raħal twelidi bil-kampanja, ix-xagħri u l-widien ta' madwar. Mill-baħar ma konniex neqsin. Konna nqattgħu sjuf sħaħ f'Wied iż-Żurrieq u kultant f'Wied ix-Xoqqa jew f'Wied il-Buni ġo Birżebbuġa, fejn kien joqgħod il-bużnannu".

Studju immodifika

Attendiet l-Iskola Primarja taż-Żurrieq u wara l-Iskola Sekondarja tal-Qrendi u dik ta' Marija Assunta, fil-Ħamrun.

Ta' sittax-il sena bdiet il-kors tad-dentistrija fl-Università ta' Malta. Hawnhekk kienet rappreżentanta tal-istudenti tad-dentistrija fuq il-Bord tal-Fakultà u membru tal-KSU.

Iggradwat fl-1986, u baqgħet tipprattika l-professjoni mill-kliniki privati tagħha f'Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u ż-Żurrieq.

Politika immodifika

Kunsilliera tal-PN immodifika

Minkejja li ġejja minn familja Laburista, hija bdiet isservi bħala kunsilliera mal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ fl-1996. Ikkontestat l-elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba fl-1998, mal-Partit Nazzjonalista, u ma kinitx eletta, l-iktar għax kienet taqbel ma' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea. "Kont nippreferi kieku l-PL dak iż-żmien ta kontribut aktar siewi, għax forsi kien ikollna pakkett ta' sħubija aħjar minn dak li rnexxielhom iġibu l-PN waħedhom".

Membru Parlamentari Laburista immodifika

Meta kkontestat għall-ewwel darba mal-Partit Laburista fl-2008, wara li fi kliemha dawn ukoll adottaw l-għażla tal-poplu fir-referendum u l-elezzjoni ġenerali għall-politika barranija fi ħdan l-UE; għażlet il-PL għax emmnet li Malta kellha bżonn bidla fil-mod ta' kif issir il-politika.

"Minn politika tal-wegħdi u retorika, xtaqt u nixtieq nara politika prattika, imsejsa fuq l-interess nazzjonali u mhux partiġġjan, u mħaddma b'mod responsabbli li jirrendi l-aktar ġid minn dak li nkunu qegħdin ninvestu bħala poplu, kemm jekk hu xogħol u finanzi f'kull qasam".

Hija kienet eletta bħala Deputata Laburista fl-2008 mill-ħames distrett minn fejn ġabet 3,375 vot, u fejn ingħatat ir-responsabbiltà ta' Kelliema għall-Utilitajiet. Wara r-riżenja ta' Alfred Sant minn Mexxej tal-Partit Laburista, hija appoġġjat in-nomina ta' George Abela għal Mexxej ġdid tal-Partit li iżda ntrebħet minn Joseph Muscat.

Fl-2013, hija reġgħet kienet eletta mal-Partit Laburista li din id-darba rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali b'maġġoranza storika. F'din l-elezzjoni hija naqqset 850 vot, u ġabet 2,525 vot. Is-sieħeb tagħha, Godfrey Farrugia nħatar Ministru tas-Saħħa. Ftit jiem biss wara li saret Assistenta tal-Ministru, hija irriżenjat wara kritika kbira mill-Partit Nazzjonalista u mill-opinjoni pubblika.

Indipendenti immodifika

Fis-17 ta' Novembru 2015 hija rriżenjat mill-Partit Laburista wara li vvutat mal-Oppożizzjoni kontra emendi fl-Att għall-Ħarsien tal-Ambjent, iżda baqgħet iżżomm is-siġġu parlamentari bħala Membru Indipendenti.

Nhar l-4 ta' Mejju 2016, hija ressqet mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi, li iżda ma għaddietx b’31 vot favur u 36 kontra.

Partit Demokratiku immodifika

Nhar l-4 ta' Ġunju 2016, hija nediet partit ġdid f'Malta, il-Partit Demokratiku. Fit-22 ta' Ottubru 2016, inħatret bħala kap ta' dan il-partit.

Skont stħarriġ tal-Malta Today, 0.5 % biss tal-Laburisti li vvutaw PL fl-2013 kieku kienu jivvutaw lil Farrugia f'elezzjoni ġenerali. 2 % ta' dawk li vvutaw PN fl-2013, kienu jivvutawlha kieku kellha ssir elezzjoni.

Fis-6 ta' Ġunju 2017, hija ġiet eletta fuq il-lista tal-PN bħala kandidata "tal-Oranġjo" (Partit Demokratiku) fuq l-għaxar distrett.[1]

Kandidata għal Kap tal-Partit Nazzjonalista immodifika

Fis-6 ta' Ġunju 2017, meta intervistata qalet li ma teskludix li tikkontesta biex tkun Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara li jum qabel tħabbret ir-riżenja ta’ Simon Busuttil. F’kumment li tat lill-midja fil-post tal-għadd tal-voti, Farrugia sostniet li jekk ma tikkontestax tixtieq li jkollha sehem fil-proċess biex jintgħażel kap ġdid.

Ħajja Personali immodifika

Hija kienet miżżewġa lil Jeffrey Pullicino Orlando[2] u hija omm ta' tlett itfal. Is-sieħeb tagħha hu t-Tabib Godfrey Farrugia, l-eks Whip tal-Partit Laburista u eks Ministru tas-Saħħa. Taħdem għal rasha bħala dentista, b'numru ta' kliniki privati f'diversi lokalitajiet. Fost il-passatempi li għandha, hi tħobb l-iżjed il-qari, l-ivvjaġġar u l-antikità.

Referenzi immodifika

  1. ^ "New Political Party in Malta".
  2. ^ "Pullicino Orlando, divorce law promoter, gets his divorce". MaltaToday.com.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-28.