Luigi Pirandello

drammaturgu, rumanzier, kittieb tan-novelli u poeta Taljan u rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura (1867-1936)

Luigi Pirandello (pronunzja bit-Taljan: [luˈiːdʒi piranˈdɛllo]; twieled fit-28 ta' Ġunju 1867 – miet fl-10 ta' Diċembru 1936) kien drammaturgu, rumanzier, poeta u kittieb tan-novelli Taljan u l-ikbar kontributi tiegħu kienu d-drammi li kiteb.[1] Huwa ngħata l-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1934 "għall-poter kważi maġiku tiegħu li jittrasforma l-analiżi psikoloġika fi dramm tajjeb għat-teatru".[2] Huwa kien nazzjonalist Taljan u kien jappoġġa l-Faxxiżmu b'mod moderat, saħansitra darba minnhom ta l-medalja tal-Premju Nobel tiegħu lill-gvern Faxxist biex tiddewweb bħala parti mill-kampanja tal-1935 tal-Oro alla Patria (Deheb lill-Patrija) matul it-Tieni Gwerra Italo-Etjopjana.[3] Ix-xogħlijiet ta' Pirandello jinkludu r-rumanzi, mijiet ta' novelli, u xi 40 dramm, uħud minnhom miktuba bl-Isqalli. Il-farsi traġiċi ta' Pirandello sikwit jitqiesu bħala l-pijunieri tat-Teatru tal-Assurd.

Luigi Pirandello
Ħajja
Twelid Agrigento, 28 Ġunju 1867
Nazzjonalità Renju tal-Italja
Mewt Ruma, 10 Diċembru 1936
Kawża tal-mewt  (pulmonite)
Familja
Konjuga/i Maria Antonietta Portulano (en) Translate
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Bonn
Lingwi Ġermaniż
Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni drammaturgu
kittieb
poeta
rumanzier
xeneġġatur
reġista
Xogħlijiet importanti L'Esclusa (en) Translate
The Turn (en) Translate
Ma non è una cosa seria (en) Translate
One, No one and One Hundred Thousand (en) Translate
Six Characters in Search of an Author (en) Translate
Novels for a year (en) Translate
Il fu Mattia Pascal (en) Translate
Clothing The Naked (en) Translate
Henry IV (en) Translate
Premjijiet
Nominat għal
uri
  • [[Premju Nobel għal-Letteratura]]
    (1934)
Sħubija Compagnia del teatro d'arte di Roma (en) Translate

Bijografija immodifika

Ħajja bikrija immodifika

 
Luigi Pirandello meta kellu 17-il sena

Pirandello twieled f'familja ta' klassi għolja f'żona msejħa Caos (li bit-Taljan tfisser Kaos, iżda bid-djalett Sqalli tfisser litteralment "qalziet", u tirreferi għall-għamla ta' rdum fil-qrib), ħdejn Porto Empedocle, subborg fqir ta' Girgenti (Agrigento, fin-Nofsinhar ta' Sqallija). Missieru, Stefano, kien ġej minn familja sinjura involuta fl-industrija tal-kubrit, u ommu, Caterina Ricci Gramitto, kienet ukoll ġejja minn familja sinjura dixxendenti tal-klassi għolja tal-borgeżija ta' Agrigento. Iż-żewġ familji, Pirandello u Ricci Gramitto, kien ferm kontra l-Borboni u pparteċipaw b'mod attiv fit-taqbida għall-unifikazzjoni u d-demokrazija magħrufa bħala Risorgimento. Stefano pparteċipa fl-ispedizzjoni famuża tal-elf, u iktar 'il quddiem segwa lil Garibaldi sal-Battalja ta' Aspromonte, u Caterina, li bilkemm kellha tlettax-il sena, ġiet imġiegħla takkumpanja lil missierha lejn Malta, fejn kien intbagħat f'eżilju mill-monarkija tal-Borboni. Iżda l-parteċipazzjoni fil-beraħ għall-kawża ta' Garibaldi u s-sens qawwi ta' idealiżmu ta' dawk is-snin bikrin malajr ittrasformaw, speċjalment għal Caterina, f'diżappunt feroċi u morr bir-realità ġdida maħluqa mill-unifikazzjoni. Eventwalment Pirandello assimila dan is-sens ta' tradiment u għadab u esprimieh f'diversi poeżiji tiegħu u fir-rumanz tiegħu I Vecchi e I Giovani. X'aktarx ukoll li din il-klima ta' diżillużjoni qanqlet f'Luigi sens ta' sproporzjon bejn l-ideali u r-realità li joħroġ fid-dieher fis-saġġ tiegħu dwar l-umoriżmu (L'Umorismo).

Pirandello ngħata l-edukazzjoni primarja tiegħu d-dar, iżda kien iktar affaxxinat mill-ħrejjef u mil-leġġendi, xi mkien bejn il-popolari u l-maġija, li s-seftura anzjana tiegħu Maria Stella kienet tirrakkontalu milli mill-affarijiet skolastiċi jew akkademiċi. Meta kellu 12-il sena, kien diġà kiteb l-ewwel traġedja tiegħu. Fuq l-insistenza ta' missieru, inkiteb fi skola tas-snajja', iżda eventwalment qaleb għall-istudju tal-umanitajiet fil-ginnasio, xi ħaġa li dejjem kienet tattirah.

Fl-1880, il-familja Pirandello marret tgħix f'Palermo. Hemmhekk, fil-belt kapitali ta' Sqallija, Luigi temm l-edukazzjoni sekondarja tiegħu. Huwa beda wkoll jaqra bosta kotba, u ffoka l-iktar fuq il-poeti Taljani tas-seklu 19 bħal Giosuè Carducci u Arturo Graf. Imbagħad beda jikteb l-ewwel poeżiji tiegħu u sar iħobb lill-kuġina tiegħu Lina.

Matul dan il-perjodu, feġġew l-ewwel sinjali ta' differenzi serji bejn Luigi u missieru; Luigi kien skopra xi noti li żvelaw li Stefano kien qed jaqlibha lill-mara tiegħu. B'reazzjoni għan-nuqqas ta' fiduċja u ta' armonija dejjem tiżdied li Luigi beda jrawwem fil-konfront ta' missieru, raġel ta' fiżiku sod u li ma tantx joqgħod jomgħod il-kliem, ir-rabta tiegħu m'ommu baqgħet tikber tant li laħqet punt kważi ta' venerazzjoni qalila. Iktar 'il quddiem dan ħareġ fid-dieher, wara mewtha, fil-paġni li jmissu l-qlub tar-rumanz Colloqui con i personaggi fl-1915.

Is-sentimenti romantiċi għall-kuġina tiegħu, li inizjalment ma ġewx aċċettati mill-familja ta' Lina, f'daqqa waħda ttieħdu bis-serjetà ħafna. Il-familja tagħha talbet li Luigi jabbanduna l-istudji tiegħu u jiddedika ruħu għan-negozju tal-kubrit biex b'hekk ikun jista' jiżżewwiġha minnufih. Fl-1886, waqt jum ta' vaganza mill-iskola, Luigi mar iżur il-minjieri tal-kubrit ta' Porto Empedocle u beda jaħdem ma' missieru. Din l-esperjenza kienet essenzjali għalih u pprovdietlu l-bażi għal stejjer bħal Il Fumo, Ciàula scopre la Luna, kif ukoll għal uħud mid-deskrizzjonijiet u mill-isfond tar-rumanz I Vecchi e I Giovani. Iż-żwieġ, li inizjalment deher li kien se jkun xi ħaġa imminenti, ġie pospost.

Pirandello mbagħad inkiteb fl-Università ta' Palermo fid-dipartimenti tal-Liġi u tal-Umanitajiet. F'dawk is-snin l-Università ta' Palermo u speċjalment id-Dipartiment tal-Liġi kienu ċ-ċentru tal-moviment vast li eventwalment evolva fil-Faxxisti Sqallin. Għalkemm Pirandello ma kienx membru attiv ta' dan il-moviment, huwa kellu rabtiet mill-qrib ta' ħbiberija mal-ideologi ewlenin tiegħu: Rosario Garibaldi Bosco, Enrico La Loggia, Giuseppe De Felice Giuffrida u Francesco De Luca.[4]

Edukazzjoni għolja immodifika

Fl-1887, wara li għażel b'mod definittiv id-Dipartiment tal-Umanitajiet, Pirandello mar jgħix f'Ruma sabiex ikompli bl-istudji tiegħu. Iżda l-impatt mal-belt, iċ-ċentru tat-taqbida għall-unifikazzjoni li għaliha l-familji tal-ġenituri tiegħu kienu tant issieltu b'entużjażmu ġeneruż, kien diżappuntanti u xejn qrib dak li kien stenna. "Meta wasalt Ruma kienet nieżla xita qliel, kien billejl u ħassejt qisu qalbi tingħafas, iżda mbagħad dħakt bħal raġel iddisprat".

Pirandello, li kien moralista estremament sensittiv, finalment kellu ċans jara b'għajnejh id-dekadenza kbira tal-hekk imsejħa eroj tar-Risorgimento fil-persuna ta' zijuh Rocco, li dak iż-żmien kien uffiċjal anzjan u eżawst tal-prefettura, li pprovdielu abitazzjoni temporanja f'Ruma. Id-"daħka ddisprata", l-unika manifestazzjoni ta' tpattija għad-diżappunt, ispirat il-versi morri tal-ewwel ġabra ta' poeżiji tiegħu, Mal Giocondo (1889). Iżda mhux kollox kien negattiv; din l-ewwel żjara lejn Ruma pprovdietlu l-opportunità li jżur b'mod assidwu bosta teatri tal-belt kapitali, fosthom it-Teatri Nazionale, Valle u Manzoni, u stqarr "O t-teatru drammatiku! Se naħkmu. Ma nistax nidħol ġo teatru mingħajr ma nesperjenza sensazzjoni stramba, eċitament li jwassal biex demmi jbaqbaq fil-vini kollha tiegħi..."

Minħabba kunflitt ma' professur tal-Latin, kellu jitlaq mill-Università ta' Ruma u mar lejn Bonn b'ittra ta' preżentazzjoni minn wieħed mill-professuri l-oħra tiegħu. Is-soġġorn tiegħu f'Bonn, li dam sentejn, kien mimli ħajja kulturali. Huwa qara r-romantiċi Ġermaniżi, Jean Paul, Tieck, Chamisso, Heinrich Heine u Goethe. Huwa beda jittraduċi l-Eleġiji Rumani ta' Goethe, ikkompona l-Eleġiji Boreali b'imitazzjoni tal-istil tal-Eleġiji Rumani, u beda jimmedita fuq is-suġġett tal-umoriżmu permezz tax-xogħlijiet ta' Cecco Angiolieri.

F'Marzu 1891 ingħata d-dottorat tiegħu fil-Filoloġija Rumanza b'teżi dwar id-djalett ta' Agrigento: Ħsejjes u Żviluppi tal-Ħsejjes fid-Djalett Mitkellem ta' Craperallis.

Żwieġ immodifika

Wara soġġorn qasir fi Sqallija, li matulu ż-żwieġ ippjanat ma' kuġintu tħassar, huwa reġa' lura Ruma, fejn sar ħbieb ma' grupp ta' kittieba u ġurnalisti, fosthom Ugo Fleres, Tommaso Gnoli, Giustino Ferri u Luigi Capuana. Capuana ħeġġeġ lil Pirandello jiddedika lilu nnifsu għall-kitba narrattiva. Fl-1893 kiteb l-ewwel xogħol importanti tiegħu, Marta Ajala, li ġie ppubblikat fl-1901 bħala l'Esclusa. Fl-1894 huwa ppubblika l-ewwel kollezzjoni ta' novelli tiegħu, Amori senza Amore. Huwa żżewweġ fl-1894 ukoll. Fuq suġġeriment ta' missieru huwa żżewweġ lil tfajla kwieta u mistħija minn familja tajba ta' Agrigento edukata mis-sorijiet ta' San Vinċenz: Maria Antonietta Portulano.

L-ewwel snin taż-żwieġ qanqlulu interess ġdid fl-istudji u fil-kitbiet tiegħu: huwa kompla jiltaqa' mal-ħbieb tiegħu u kompla jiddiskuti l-arti, b'mod iktar vivaċi u stimolanti minn qatt qabel, filwaqt li l-ħajja tal-familja tiegħu, minkejja n-nuqqas ta' komprensjoni ma' martu fir-rigward tal-vokazzjoni artistika tiegħu, baqgħet għaddejja bi trankwillità relattiva bit-twelid ta' wliedu Stefano, Fausto u Rosalia "Lietta". Sadanittant Pirandello intensifika l-kollaborazzjonijiet tiegħu mal-edituri tal-gazzetti u ma' ġurnalisti oħra f'rivisti bħal La Critica u La Tavola Rotonda fejn fl-1895 ippubblika l-ewwel parti tad-Dialoghi tra Il Gran Me e Il Piccolo Me.

Fl-1897 huwa aċċetta offerta biex jgħallem it-Taljan fl-Istituto Superiore di Magistero di Roma, u fir-rivista Marzocco ppubblika diversi paġni oħra tad-Dialoghi. Fl-1898, flimkien ma' Italo Falbo u Ugo Fleres, huwa stabbilixxa l-Ariel li kienet tinħareġ darba fil-ġimgħa, fejn ippubblika d-dramm b'att wieħed L'Epilogo (li iktar 'il quddiem biddel għal La Morsa) u xi novelli (La Scelta, Se...). L-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20 kienu perjodu ta' produttività kbira għal Pirandello. Fl-1900 ippubblika f'Marzocco wħud mill-iżjed novelli famużi tiegħu (Lumie di Sicilia, La Paura del Sonno...) u fl-1901 ippubblika l-ġabra ta' poeżiji Zampogna. Fl-1902 ippubblika l-ewwel sensiela ta' Beffe della Morte e della Vita u t-tieni rumanz tiegħu, Il Turno.

Diżastru fil-familja immodifika

Is-sena 1903 kienet fundamentali għall-ħajja ta' Pirandello. L-għargħar fil-minjieri tal-kubrit ta' Aragona, li fihom missieru Stefano kien investa mhux biuss ammont enormi tal-kapital tiegħu iżda anke d-dota ta' Antonietta, wasslet għall-kollass finanzjarju tal-familja. Antonietta, wara li fetħet u qrat l-ittra li ħabbret id-diżastru, daħlet fi stat ta' semikatatonija u tant ħadet xokk psikoloġiku li l-bilanċ mentali tagħha baqa' ssussat ferm u b'mod irrimedjabbli.

Pirandello, li inizjalment kellu ħsibijiet ta' suwiċidju, ipprova jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni mill-aħjar li seta' billi żied in-numru ta' lezzjonijiet kemm tat-Taljan kif ukoll tal-Ġermaniż, u talab għal kumpens mir-rivisti li kien tahom il-kitbiet u l-kollaborazzjonijiet tiegħu mingħajr ħlas. Sadanittant, fir-rivista Nuova Antologia, immexxija minn G. Cena, bdew jiġu ppubblikati l-ewwel episodji tar-rumanz li Pirandello kien qed jikteb matul dik is-sitwazzjoni orribbli (filwaqt li billejl kien jieħu ħsieb lil martu li kienet marida mentalment wara jum sħiħ jaħdem). Ir-rumanz kien Il Fu Mattia Pascal. Dan ir-rumanz fih bosta elementi awtobijografiċi li ġew elaborati mill-ġdid b'mod li ma jikkorrispondix mar-realtà. Ir-rumanz mill-ewwel kiseb suċċess kbir. Fl-1905 ir-rumanz ġie tradott bil-Ġermaniż u witta t-triq għall-fama u għall-popolarità ta' Pirandello, li b'hekk seta' jippubblika ma' ditti iktar importanti bħal Treves, li magħhom fl-1906 ippubblika ġabra oħra ta' novelli msejħa Erma Bifronte. Fl-1908 ippubblika volum ta' saġġi bit-titlu Arte e Scienza u s-saġġ importanti L'Umorismo, fejn ta bidu għad-dibattitu leġġendarju ma' Benedetto Croce li kompla jiħrax fir-realtà miż-żewġ naħat għal bosta snin.

Fl-1909 ġiet ippubblikata l-ewwel parti ta' I Vecchi e I Giovani f'episodji. Dan ir-rumanz jirrakkonta l-istorja tal-falliment u tar-repressjoni tal-Faxxisti Sqallin mill-1893 sal-1894. Meta ħareġ ir-rumanz fl-1913, Pirandello bagħat kopja tiegħu lill-ġenituri għall-ħmistax-il anniversarju taż-żwieġ tagħhom flimkien ma' dedika fejn kiteb li "l-ismijiet tagħhom, Stefano u Caterina, jgħixu b'mod erojku". Madankollu, filwaqt li ommu ġiet ittrasfigurata fir-rumanz fil-personaġġ ta' Caterina Laurentano, missieru, rappreżentat mir-raġel ta' Caterina, Stefano Auriti, jidher biss fil-memorji u fil-flashbacks, peress li, kif osserva tajjeb Leonardo Sciascia, "huwa miet iċċensurat b'sens Freudjan minn ibnu, li fil-fond ta' ruħu, huwa l-għadu tiegħu". Fl-1909 ukoll, Pirandello beda l-kollaborazzjoni tiegħu mal-ġurnal prestiġjuż Corriere della Sera fejn ippubblika n-novelli Mondo di Carta, La Giara, u fl-1910 Non è una cosa seria u Pensaci, Giacomino!. Dak iż-żmien, il-fama ta' Pirandello bħala kittieb kompliet tiżdied. Madankollu, il-ħajja privata tiegħu ġiet ivvelenata mis-suspetti u mill-għira ossessiva ta' Antonietta li bdiet issir fiżikament vjolenti.

Fl-1911, filwaqt li l-pubblikazzjoni tan-novelli kompliet, Pirandello spiċċa r-raba' rumanz tiegħu, Suo Marito, ippubblikat mill-ġdid wara mewtu fl-1941, u rivedut għalkollox fl-ewwel erba' kapitli, bit-titlu Giustino Roncella nato Boggiòlo. Matul ħajtu l-awtur qatt ma ppubblika mill-ġdid dan ir-rumanz għal raġunijiet ta' diskrezzjoni; dan għaliex fih referenzi impliċiti għall-kittieba Grazia Deledda. Iżda x-xogħol li l-iżjed xoroblu l-enerġiji tiegħu dak iż-żmien kien il-ġabra ta' ġrajjiet La Vendetta del Cane, Quando s'è capito il giuoco, Il treno ha fischiato, Filo d'aria u Berecche e la guerra. Dawn kollha ġew ippubblikati mill-1913 sal-1914 u issa kollha jitqiesu bħala klassiċi tal-letteratura Taljana.

L-Ewwel Gwerra Dinjija immodifika

Malli l-Italja daħlet fl-Ewwel Gwerra Dinjija, iben Pirandello Stefano nkiteb bħala voluntier għas-servizz militari u ttieħed bħala priġunier mill-Awstro-Ungeriżi. Fl-1916 l-attur Angelo Musco rnexxielu jirreċta l-kummiedja fi tliet atti li l-kittieb kien silet min-novella Pensaci, Giacomino! u l-kummiedja pastorali Liolà.

Fl-1917 il-ġabra ta' novelli E domani Lunedì ġiet ippubblikata, iżda s-sena kienet immarkata l-iktar minn rappreżentazzjonijiet teatrali importanti: Così è (se vi pare), A birrita cu' i ciancianeddi u Il Piacere dell'onestà. Sena wara, Ma non è una cosa seria u Il Gioco delle parti ġew prodotti bħala drammi fuq il-palk. Iben Pirandello Stefano reġa' lura d-dar meta l-gwerra ntemmet.

 
Bust ta' Pirandello fil-Ġnien Ingliż f'Palermo

Fl-1919 Pirandello daħħal lil martu fi sptar tal-mard mentali. Is-separazzjoni minn ma' martu, minkejja l-għira morbuża u l-alluċinazzjonijiet tagħha, ikkawżaw tbatija kbira għal Pirandello li, saħansitra fl-1924, baqa' jemmen li seta' jieħu ħsiebha d-dar. Martu qatt ma ħarġet mill-isptar. L-1920 kienet is-sena tal-kummiedja bħal Tutto per bene, Come prima meglio di prima, u La Signora Morli. Fl-1921, il-Compagnia di Dario Niccodemi tellgħet fuq il-palk fil-Valle di Roma, id-dramm Sei personaggi in cerca d'autore. Dan kien tassew falliment. Il-pubbliku kien maqsum f'dawk li kienu favur u dawk li kienu kontra, u dawn tal-aħħar bdew jgħajtu, "Sptar tal-Mard Mentali, Sptar tal-Mard Mentali!". L-awtur, li kien preżenti fl-ispettaklu ma' bintu Lietta, telaq minn ħruġ laterali biex jevita l-folla ta' avversarji. Madankollu, l-istess dramm kien suċċess kbir meta ġie ppreżentat f'Milan. Fl-1922 f'Milan, Enrico IV ttella' għall-ewwel darba fuq il-palk u kien suċċess universali. Ir-reputazzjoni internazzjonali ta' Pirandello żviluppat ukoll. Is-Sei personaggi ttella' f'Londra u fi New York.

L-Italja taħt il-Faxxisti immodifika

Fl-1924 Pirandello kiteb ittra lil Benito Mussolini biex jitolbu jaċċettah bħala membru tal-Partit Faxxista Nazzjonali. Fl-1925 Pirandello, bl-għajnuna ta' Mussolini, kiseb id-direzzjoni artistika u s-sjieda tat-Teatro d'Arte di Roma, stabbilit mill-Grupp tal-Ħdax. Huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala "Faxxist minħabba li jien Taljan". Għad-devozzjoni tiegħu għal Mussolini, ir-rivista satirika Il Becco Giallo kienet issejjaħlu P. Randello (randello bit-Taljan tfisser għuda twila u rqiqa).

Pubblikament kien jesprimi twemmin apolitiku, u kien jgħid: "Jien apolitiku, jien bniedem fid-dinja biss". Huwa kellu kunflitti kontinwi mal-mexxejja Faxxisti. Fl-1927 huwa qatta' biċċiet il-karta tas-sħubija Faxxista tiegħu quddiem is-segretarju ġenerali tal-Partit Faxxista li baqa' ċċassat. Għall-bqija ta' ħajtu, Pirandello dejjem kien taħt sorveljanza stretta mill-pulizija sigrieta Faxxista OVRA.

Id-dramm tiegħu I Giganti della Montagna ġie interpretat bħala evidenza tar-realizzazzjoni tiegħu li l-Faxxisti kienu ostili għall-kultura; minkejja dan, fi New York Pirandello ta stqarrija fejn ħabbar l-appoġġ tiegħu għall-annessjoni tal-Abissinja tal-Italja. Huwa ta l-medalja tal-Premju Nobel tiegħu lill-gvern Faxxista biex tiddewweb għall-Kampanja ta' Abissinja. L-appoġġ ta' Mussolini tah fama internazzjonali u għamel tour dinji, fejn introduċa x-xogħol tiegħu f'Londra, Pariġi, Vjenna, Praga, Budapest, il-Ġermanja, l-Arġentina, u l-Brażil.

Il-kunċett ta' teatru ta' Pirandello għadda minn bidla sinifikanti. L-idea tal-attur bħala traditur inevitabbli tat-test, bħal fis-Sei personaggi, wittiet it-triq għall-identifikazzjoni tal-attur mal-karattru li jirreċta. Il-kumpanija tellgħet l-att tagħha fil-bliet ewlenin tal-Ewropa, u r-repertorju ta' Pirandello kulma jmur sar magħruf ferm. Bejn l-1925 u l-1926 l-aħħar u x'aktarx l-aħjar rumanz ta' Pirandello, Uno, Nessuno e Centomila, ġie ppubblikat bħala sensiela fir-rivista Fiera Letteraria. Huwa kien wieħed mill-kontributuri tar-rivista nazzjonalista tan-nisa, Lidel, u tal-ġurnal Faxxist Il Tevere.

Pirandello ġie nnominat bħala l-Akkademiku tal-Italja fl-1929, u fl-1934 ingħata l-Premju Nobel għal-Letteratura wara li kien ġie nnominat minn Guglielmo Marconi, bħala membru tal-Akkademja Rjali tal-Italja. Huwa kien l-aħħar drammaturgu Taljan li ntgħażel għall-premju sad-9 ta' Ottubru 1997.

Pirandello miet waħdu f'daru f'Via Bosio, Ruma, fl-10 ta' Diċembru 1936. Huwa rrifjuta funeral Statali offrut minn Mussolini u fl-1947 biss il-fdalijiet ikkremati tiegħu ndifnu fi Sqallija.

Għażla ta' xogħlijiet immodifika

 
Pirandello mal-ħabib tiegħu Albert Einstein fl-1935

Drammi ewlenin immodifika

  • 1916: Liolà
  • 1917: Così è (se vi pare)
  • 1917: Il piacere dell'onestà
  • 1918: Il gioco delle parti
  • 1919: L'uomo, la bestia e la virtù
  • 1921: Sei personaggi in cerca d'autore
  • 1922: Enrico IV
  • 1922: L'imbecille
  • 1922: Vestire gli ignudi
  • 1923: L'uomo dal fiore in bocca
  • 1923: L'altro figlio (The Other Son)
  • 1923: La vita che ti diedi
  • 1924: Ciascuno a suo modo
  • 1924: Sagra del Signore della Nave
  • 1926: L'Amica delle Mogli
  • 1926: Bellavita
  • 1927: Diana e la Tuda
  • 1929: O di Uno o di Nessuno
  • 1929: Come Tu Mi Vuoi
  • 1930: Questa sera si recita a soggetto
 
Test oriġinali tal-iżjed rumanz famuż ta' Pirandello, Uno, nessuno e centomila)

Rumanzi immodifika

  • 1902: Il turno
  • 1904: Il fu Mattia Pascal
  • 1908: L'esclusa
  • 1911: Suo marito
  • 1913: I vecchi e i giovani
  • 1915: Si Gira, Quaderni di Serafino Gubbio
  • 1926: Uno, nessuno e centomila

Novelli immodifika

  • 1922-1937: Novelle per un anno, 15-il volum. Għażla ta' tletin ġrajja ġew tradotti minn Virginia Jewiss bħala Stories for the Years (Yale, 2021).

Poeżiji immodifika

  • 1889: Mal giocondo
  • 1891: Pasqua di Gea
  • 1894: Pier Gudrò, 1809-1892
  • 1895: Elegie renane, 1889-1890
  • 1901: Zampogna
  • 1909: Scamandro
  • 1912: Fuori di chiave

Filmografija immodifika

  • Il crollo, dirett minn Mario Gargiulo (l-Italja, 1920, ibbażat fuq id-dramm Lumie di Sicilia)
  • Il lume dell'altra casa, dirett minn Ugo Gracci (l-Italja, 1920, ibbażat fuq in-novella Il lume dell'altra casa)
  • Lo scaldino, dirett minn Augusto Genina (l-Italja, 1920, ibbażat fuq in-novella Lo scaldino)
  • But It Isn't Serious, dirett minn Augusto Camerini (l-Italja, 1921, ibbażat fuq id-dramm Ma non è una cosa seria)
  • La rosa, dirett minn Arnaldo Frateili (l-Italja, 1921, ibbażat fuq in-novella La rosa)
  • The Voyage, dirett minn Gennaro Righelli (l-Italja, 1921, ibbażat fuq in-novella Il viaggio)
  • Feu Mathias Pascal, dirett minn Marcel L'Herbier (Franza, 1925, ibbażat fuq in-novella Il fu Mattia Pascal)
  • The Flight in the Night, dirett minn Amleto Palermi (il-Ġermanja, 1926, ibbażat fuq id-dramm Enrico IV)
  • The Song of Love, dirett minn Gennaro Righelli (l-Italja, 1930, ibbażat fuq in-novella In silenzio)
    • La Dernière berceuse, dirett minn Gennaro Righelli u Jean Cassagne (Franza, 1931, ibbażat fuq in-novella In silenzio)
    • Liebeslied, dirett minn Constantin J. David (il-Ġermanja, 1931, ibbażat fuq in-novella In silenzio)
  • As You Desire Me, dirett minn George Fitzmaurice (1932, bibbażat fuq id-dramm Come tu mi vuoi)
  • Steel, dirett minn Walter Ruttmann (l-Italja, 1933, ibbażat fuq in-novella Giuoca, Pietro!)
    • Pensaci, Giacomino!, dirett minn Gennaro Righelli (l-Italja, 1936, ibbażat fuq id-dramm Pensaci, Giacomino!)
  • But It's Nothing Serious, dirett minn Mario Camerini (l-Italja, 1936, ibbażat fuq id-dramm Ma non è una cosa seria)
    • The Man Who Couldn't Say No, dirett minn Mario Camerini (il-Ġermanja, 1938, ibbażat fuq id-dramm Ma non è una cosa seria)
  • The Man from Nowhere, dirett minn Pierre Chenal (Franza, 1937, ibbażat fuq ir-rumanz Il fu Mattia Pascal)
    • The Former Mattia Pascal, dirett minn Pierre Chenal (l-Italja, 1937, ibbażat fuq ir-rumanz Il fu Mattia Pascal)
  • No Man's Land, dirett minn Mario Baffico (l-Italja, 1939, ibbażat fuq żewġ novelli)
  • Enrico IV, dirett minn Giorgio Pastina (l-Italja, 1943, ibbażat fuq id-dramm Enrico IV)
  • This Love of Ours, dirett minn William Dieterle (1945, ibbażat fuq id-dramm Come prima, meglio di prima)
  • Man, Beast and Virtue, dirett minn Steno (l-Italja, 1953, ibbażat fuq id-dramm L'uomo, la bestia e la virtù)
  • Of Life and Love, dirett minn Aldo Fabrizi, Giorgio Pastina, Mario Soldati u Luigi Zampa (l-Italja, 1954, ibbażat fuq erba' novelli)
  • Vestire gli ignudi, dirett minn Marcello Pagliero (l-Italja, 1954, ibbażat fuq id-dramm Vestire gli ignudi)
  • Never Say Goodbye, dirett minn Jerry Hopper (1956, ibbażat fuq id-dramm Come prima, meglio di prima)
  • Todo sea para bien, dirett minn Carlos Rinaldi (l-Arġentina, 1957, ibbażat fuq id-dramm Tutto per bene)
  • Liolà, dirett minn Alessandro Blasetti (l-Italja, 1963, ibbażat fuq id-dramm Liolà)
  • The Voyage, dirett minn Vittorio De Sica (l-Italja, 1974, ibbażat fuq in-novella Il viaggio)
  • Il turno, dirett minn Tonino Cervi (l-Italja, 1981, ibbażat fuq ir-rumanz Il turno)
  • Henry IV, dirett minn Marco Bellocchio (l-Italja, 1984, ibbażat fuq id-dramm Enrico IV)
  • Kaos, dirett minn Paolo and Vittorio Taviani (l-Italja, 1984, ibbażat fuq erba' novelli)
  • The Two Lives of Mattia Pascal, dirett minn Mario Monicelli (l-Italja, 1985, ibbażat fuq ir-rumanz Il fu Mattia Pascal)
  • You Laugh, dirett minn Paolo and Vittorio Taviani (l-Italja, 1998, ibbażat fuq żewġ novelli)
  • The Nanny, dirett minn Marco Bellocchio (l-Italja, 1999, ibbażat fuq in-novella La balia)
  • The Choice, dirett minn Michele Placido (l-Italja, 2015, ibbażat fuq id-dramm L'innesto)
  • The Wait, dirett minn Piero Messina (l-Italja, 2015, ibbażat fuq id-dramm La vita che ti diedi)

Iktar qari immodifika

  • Giudice, Gaspare. Luigi Pirandello, UTET, 1963.
  • Baccolo, L. Pirandello. Milan: Bocca. 1949 (it-tieni edizzjoni).
  • Di Pietro, L. Pirandello. Milano: Vita e Pensiero. 1950. (it-tieni edizzjoni).
  • Ferrante, R. Luigi Pirandello. Firenze: Parenti. 1958.
  • Gardair, Pirandello e il Suo Doppio. Rome: Abete. 1977.
  • Janner, A. Luigi Pirandello. Firenze, La Nuova Italia. 1948.
  • Monti, M. Pirandello, Palermo: Palumbo. 1974.
  • Moravia. A. "Pirandello" in Fiera Leteraria. Rome. 12 December 1946.
  • Pancrazi, P. "L'altro Pirandello" In Scrittori Italiani del Novecento. Bari: Laterza. 1939.
  • Pasini. F. Pirandello nell'arte e nella vita. Padova. 1937.
  • Podestà. G. "Kafka e Pirandello." Humanitas, XI, 1956, pp. 230–44.
  • Sarah Zappulla Muscarà, Enzo Zappulla, Pirandello e il teatro siciliano, Giuseppe Maimone Editore, Catania 1986.
  • Mirella Maugeri Salerno, Pirandello e dintorni, Giuseppe Maimone Editore, Catania, 1987.
  • Sarah Zappulla Muscarà (a cura di), Narratori siciliani del secondo dopoguerra, Giuseppe Maimone Editore, Catania 1990.
  • Elio Providenti (a cura di), Archeologie pirandelliane, Giuseppe Maimone Editore, Catania, 1990.
  • Carlo Schirru, Per un’analisi interlinguistica d’epoca: Grazia Deledda e contemporanei, Rivista Italiana di Linguistica e di Dialettologia, Fabrizio Serra editore, Pisa-Roma, Anno XI, 2009, pp. 9-32.
  • Virdia. F. Pirandello. Milan:Mursia. 1975.
  • Frederick May, Three Major Symbols in Four Plays by Pirandello, Lawrence, Kansas: Allen Press, 1974.

Referenzi immodifika

  1. ^ "The Nobel Prize in Literature 1934". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
  2. ^ "The Nobel Prize in Literature 1934". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-06-29.
  3. ^ WINEGARTEN, RENEE (1994). "The Nobel Prize for Literature". The American Scholar. 63 (1): 63–75. ISSN 0003-0937.
  4. ^ "Giuseppe Bonghi Biografia di Luigi Pirandello". web.archive.org. 2010-06-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-20. Miġbur 2022-06-29.