Kunflitt Iżraeli-Palestinjan

Il-Konflitt Iżraeli Palestinjan fil-Lvant Nofsani jaf il-bidu tiegħu fis-Sena 70 Wara Kristu, meta l-Lhud tkeċċew minn arthom mill-kolonizzaturi tagħhom ta’ dak iż-żmien, ir-Rumani. Ir-Rumani keċċew lil-Lhud għax tal-aħħar kienu l-iktar poplu maħkum li taw inkwiet lill-ħakkiema tagħhom. Dan wassal biex il-Lhud baqgħu bla stat għal mijiet ta’ snin. Din is-sitwazzjoni damet għaddejja sat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-Twaqqif tal-Istat Palestinjan immodifika

Meta din il-gwerra spiċċat, il-popli kollha ta’ madwar id-dinja urew simpatija mal-Lhud minħabba l-ġenoċidju li l-Ġermanja Nażista għamlet fil-konfront tagħhom. Dan wassal biex il-komunità Internazzjonali, inklużi ż-żewġ super potenzi, kienu favur l-idea li l-Lhud jerġgħu jingħataw l-istat li huma kienu jokkupaw sa meta tkeċċew mill-Imperu Ruman. Minn dan il-mument bdiet it-tensjoni f’dan ir-reġjun. Dan għax dik l-art li prattikament żvojtat wara t-tkeċċija tal-Lhud, matul iż-żmien ġiet okkupata mill-Għarab Palestinjani. L-Għarab ma qablux li parti mill-art li huma issa kienu qegħdin jokkupaw tingħata lil-Lhud. Kellhom kull dritt jargumentaw hekk minn perspettiva ta’ Liġi Internazzjonali iżda l-Lhud ingħataw stat fl-1948.

Gwerer immodifika

Dan wassal għal sensiela ta‘ gwerer bejn iż-żewġ naħat fosthom dawk fl-1948, fl-1956, fl-1967 u fl-1973. Ir-riżultat ta’ dawn il-gwerer kien aktar ġlied u aktar tensjoni li wasslu ż-żewġ naħat biex jikkommettu diversi żbalji li kellhom konsegwenzi koroh. Fost dawn insibu li wara l-gwerra tal-1967, il-Lhud okkupaw it-territorju Palestinjan kollu, mossa li wasslet biex in-nazzjonaliżmu tal-Palestinjani jiġi demonizzat. Dan wassal biex il-Palestijani u l-istati Għarab li jappoġġjaw il-preservazzjoni ta’ stat Palestinjan, ikunu aktar għatxana għat-tpattija.

Terroriżmu immodifika

Min-naħa l-oħra l-ħolqien ta’ dan l-istat Lhudi wassal biex fid-dinja Għarbija tinħoloq l-ideoloġija anti-Żionista, li tibbaża t-twemmin tagħha fuq id-distruzzjoni tal-istat Lhudi u li d-dinja Għarbija tingħaqad fi stat wieħed. Fid-dinja Għarbija kien hemm ukoll it-twaqqif ta’ gruppi terroristi bħall-Hamas, Hizbollaħ u al-Qaeda, li pproġettaw il-kunflitt ma’ Iżrael bħala gwerra qaddisa. L-attakki ta’ dawn il-gruppi kontra l-Iżrael, wasslu biex dan ta’ l-aħħar ikompli jżid is-suspetti tiegħu fil-konfront tad-dinja Għarbija. Dawn l-affarijiet kollha wasslu biex iż-żewġ naħat jibdew jaraw lil xulxin b’lenti skura u bla dubju l-prospetti għall-paċi ġew imminati serjament.

Is-sitwazzjoni preżenti immodifika

Il-konsegwenzi ta’ dak li seħħ fil-passat għadhom jaffettwaw lis-sitwazzjoni preżenti. Dan għax il-kunflitt baqa’ wieħed statiku, li jfisser li l-pajjiżi nvoluti ma biddlux il-perspettiva tagħhom ta’ kif jaraw lil xulxin. Jidher biċ-ċar li n-nostalġija tal-passat għad għandha effett kbir fuq iż-żewġ naħat. Din qiegħda timmina l-prospett ta’ paċi għax jekk irid isir progress hemm ħtieġa li jintesa l-passat u tibda paġna ġdida. Fil-fatt, iż-żewġ naħat iqisu dan il-kunflitt bħala kwistjoni ta’ ħajja jew mewt. Minn perspettiva Lhudija jekk jitilfu jkun ifisser theddida kbira għal eżistenza tagħhom. Il-Palestinjani jafu li jekk jitilfu, iċ-ċansijiet huma li jibqgħu mingħajr stat. Din it-tensjoni wasslet, ħafna drabi, biex iż-żewġ naħat jirtiraw id-diplomatiċi. Ħafna darbi dan wassal biex il-medjaturi ma jkollhomx fejn jaħdmu. L-effett ta’ dan kien li ż-żewġ naħat bdew jaraw lil xulxin b’lenti aktar ħażina. Bla dubju jekk hemm bżonn ta’ medjazzjoni bis-serjetà huwa neċessarju li jkun hemm pajjiżi oħrajn jew istituzzjonijiet barranin li l-irwol tagħhom ikun li jressqu l-partijiet f’kunflitt eqreb lejn xulxin.

L-Istati Uniti tal-Amerika immodifika

Bla dubju wieħed mill-aktar pajjiżi importanti huwa l-Istati Uniti. Sfortunatament l-Istati Uniti mhix medjatur tajjeb għas-sitwazzjoni kif tinsab fil-Lvant Nofsani. Hawnhekk huwa importanti li ssir referenza għall-effett li ħalliet il-Gwerra l-Bierda fuq dan ir-reġjun. Fil-Gwerra l-Bierda ż-żewġ superpotenzi użaw dan il-kunflitt biex juru d-dominanza tagħhom. Fil-fatt. l-Istati Uniti saret alleat ta’ Iżrael fil-waqt li l-Unjoni Sovjetika saret l-alleat tal-Palestinjani. Dan kollu għadu jinħass sal-lum, tant li f’ħafna pajjiżi Għarab għadha tinħass ċertu klima ta’ ostilità fil-konfront tal-Istati Uniti u viċi-versa. Min-naħa l-oħra, il-komunità Lhudija residenti fl-Istati Uniti ħafna drabi tagħmel pressjoni biex il-Gvern Amerikan jieħu pożizzjoni favur Iżrael. Dawn iż-żewġ affarijiet imminaw serjament l-irwol li l-Istati Uniti tista’ tagħti bħala medjatur bejn iż-żewġ naħat.

Il-Ġnus Magħquda immodifika

Min-naħa l-oħra, hemm il-Ġnus Magħquda li ukoll lagħbet rwol importanti sa ċertu punt fuq dan il-kunflitt, però kienet falliment. Jekk wieħed janalizza r-riżoluzzjoni famuża magħrufa bħala “242 ta’ 1967”, li implikat li Iżrael jitlaq mit-territorju Palestinjan, din għadha sal-lum ma ġietx implimentata. Dan juri li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom poter limitat ħafna kkomparat ma’ dak li għandhom l-istati, għax ma għandhomx l-għodda neċessarja biex jimplimentaw il-leġislazzjoni tagħhom. Waħda mill-affarijiet bażiċi li tista’ tagħmel il-Gnus Magħquda biex tnaqqas it-tensjoni huwa billi tlaqqa’ liż-żewġ naħat.