Il-Kubiżmu kien moviment artistiku avangardista tas-seklu 20. Bis-saħħa tal-pijunieri tiegħu Pablo Picasso u Georges Braque, huwa rrivoluzzjona l-pittura u l-iskultura Ewropea, u ispira movimenti jixbħuh fil-qasam tal-mużika u tal-letteratura. Magħrufa bħala "Kubiżmu Analitiku", l-ewwel fergħa tal-kubiżmu kienet mhux biss radikali iżda ħalliet influwenza wkoll, bħala moviment artistiku qasir iżda sinifikanti ħafna bejn l-1907 u l-1911 fi Franza. Fit-tieni fażi tiegħu, jiġifieri l-"Kubiżmu Sintetiku" (l-użu ta' materjali sintetiċi fl-arti), il-moviment infirex u baqa' b'saħħtu sal-1919, meta l-moviment Surrealista beda jikseb il-popolarità.

Juan Gris, Natura mejta bi platt frott u mandolina, 1919.

L-istudjuż tal-istorja tal-arti Ingliż Douglas Cooper jiddeskrivi tliet fażijiet tal-Kubiżmu fil-ktieb seminali "The Cubist Epoch". Skont Cooper kien hemm il-"Kubiżmu tal-Bidu" (mill-1906 sal-1908) meta l-moviment nibet fl-istudji ta' Picasso u Braque; it-tieni fażi kienet il-"Kubiżmu Għoli" (mill-1909 sal-1914) li matulu Juan Gris wera ruħu bħala esponent importanti; u fl-aħħar Cooper tkellem dwar il-"Kubiżmu fit-Tard" (mill-1914 sal-1921), l-aħħar fażi tal-Kubiżmu bħala moviment radikali avangwardista [1] .

Fix-xogħlijiet ta' arti kubista, l-oġġetti jitkissru, jiġu analizzati u jerġgħu jitwaħħlu taħt forma astratta - minflok juri l-oġġett minn direzzjoni waħda, l-artista juri s-suġġett minn multitudni ta' direzzjonijiet sabiex jirrappreżenta s-suġġett f'kuntest akbar. L-angoli tal-uċuħ differenti sikwit jiltaqgħu għalarrieda u għaldaqstant mhemmx sens koerenti ta' fond. Il-pjani tal-isfond u tal-oġġett jidħlu f'xulxin sabiex joħolqu spazju baxx u ambigwu, wieħed mill-karatteristiċi partikolari tal-kubiżmu.

Konċepiment u Oriġini immodifika

Matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, l-elite kulturali Ewropej kienu qegħdin jiskopru l-arti Afrikana, Mikroneżjana u Amerikana Indjana għall-ewwel darba. Artisti bħal Paul Gauguin, Henri Matisse u Pablo Picasso kienu affaxxinati u ispirati mill-qawwa pura u s-sempliċità fl-istili ta' dawn il-kulturi barranin. Lejn l-1906, Picasso ltaqa' ma' Matisse permezz ta' Gertrude Stein, fi żmien meta ż-żewġ artisti ma kinux ilhom li bdew jinteressaw ruħhom fil-primittiviżmu, l-iskultura Iberjana, l-arti Afrikana u l-maskri tribali Afrikani. Saru ħbieb u għedewwa fl-istess ħin u kkompetew ma' xulxin matul il-karriera tagħhom, u jista' jkun għalhekk li Picasso fl-1907 daħal f'perijodu ġdid f'xogħlu fejn kien influwenzat mill-arti Griega, Iberjana u Afrikana. Il-pitturi ta' Picasso tal-1907 ġew ikkaratterizzati bħala Protokubiżmu, bħalma jidher b'mod notevoli f'Les Demoiselles d'Avignon, l-anteċedenti tal-Kubiżmu.

Xi wħud jemmnu li l-għeruq tal-kubiżmu jinsabu fiż-żewġ tendenzi distinti tax-xogħol aħħari ta' Paul Cézanne: l-ewwel nett il-qsim tal-wiċċ miżbugħ f'roqgħat żgħar ta' żebgħa b'aspetti multipli, biex b'hekk jiġu enfasizzati l-ħafna modi ta' kif tħares mill-viżjoni binokulari, u t-tieni nett l-interess li kien juri fis-simplifikazzjoni tal-forom naturali billi jibdilhom f'ċilindri, sferi u koni.

Noti u Referenzi immodifika

  1. ^ Douglas Cooper, "The Cubist Epoch", pġ. 11–221, Phaidon Press Limited 1970 b'kollaborazzjoni mal-Los Angeles County Museum of Art u l-Metropolitan Museum of Art ISBN 0 87587041 4