Kremlin ta’ Moska

kumpless iffortifikat f’Moska, ir-Russja

Il-Kremlin ta' Moska (bir-Russu: Московский Кремль, trażlitterat: Moskovskiy Kreml, IPA: [mɐˈskofskʲɪj krʲemlʲ]), magħruf ukoll bħala l-Kremlin (għalkemm kemm diversi Kremlini fir-Russja), huwa kumpless iffortifikat fiċ-ċentru ta' Moska li ġie stabbilit mid-dinastija Russa tar-Rurik li kienet fil-poter sas-seklu 15.[1] Fin-Nofsinhar tal-Kremlin hemm ix-xatt tax-xmara Moskva, fil-Lvant hemm il-Katidral ta' San Bażilju u l-Pjazza l-Ħamra, u fil-Punent hemm il-Ġnien ta' Alexander. Il-Kremlin ta' Moska huwa l-iktar wieħed magħruf fost il-kremlin (ċittadelli Russi), u jinkludi ħames palazzi, erba' katidrali, u l-Ħajt tal-Kremlin mad-dawra tiegħu bit-torrijiet tal-Kremlin. Barra minn hekk, fi ħdan dan il-kumpless hemm il-Palazz il-Kbir tal-Kremlin li qabel kien ir-residenza tal-Kżar f'Moska. Il-kumpless issa huwa r-residenza uffiċjali tal-President tal-Federazzjoni Russa kif ukoll mużew li jżuruh kważi tliet miljun viżitatur fis-sena.[2]

Il-Kremlin ta' Moska minn fuq ix-xmara Moskva

L-isem Kremlin ifisser “fortizza fi ħdan belt”[3], u spiss jintuża wkoll metonimikament bħala referenza għall-gvern tal-Federazzjoni Russa bl-istess mod kif id-Dar il-Bajda (bl-Ingliż: White House) tintuża b'referenza għall-Uffiċċju Eżekuttiv tal-President tal-Istati Uniti. Fl-imgħoddi t-terminu kien jirreferi għall-gvern tal-Unjoni Sovjetika (1922-1991) u għall-ogħla membri tagħha (bħas-segretarji ġenerali, prim ministri, presidenti, ministri u kummissarji). It-terminu “kremlinoloġija” jirreferi għall-istudju tal-politika Sovjetika u Russa.

Il-Kremlin huwa miftuħ għall-pubbliku u jistgħu jsiru żjarat turistiċi individwali jew fi gruppi flimkien ma' gwida.[4] Fost ħafna monumenti fi ħdan il-Kremlin wieħed jista' jara l-Kamra tal-Armerija, il-Kanun tal-Kżar, il-Qanpiena tal-Kżar, l-artillerija, u l-wirja tal-iskulturi u tat-tinqix fl-injam Russi.[5] Flimkien mal-Pjazza l-Ħamra, il-Kremlin tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[6]

Storja immodifika

Oriġini immodifika

 
Kartolina antika tal-Kremlin fl-1890

Is-sit kien ilu abitat kontinwament minn popli Finno-Ugriċi mit-tieni seklu Q.K. Is-Slavi tal-Lvant okkupaw il-porzjon tal-Lbiċ tal-Għolja ta' Borovitsky mis-seklu 11, kif jixhed siġill metropolitan mis-snin 90 tas-seklu 11 li ġie skavat mill-arkeologi Sovjetiċi fiż-żona. Il-Vyatichi bnew struttura ffortifikata (jew grad) fuq l-għolja fejn il-fluss tax-xmara Neglinnaya kien jingħaqad max-xmara Moskva.

Sas-seklu 14, is-sit kien magħruf bħala l-“grad ta' Moska”. It-terminu “Kremlin” ġie ddokumentat għall-ewwel darba fl-1331[7] (għalkemm l-etimologu Max Vasmer isemmi dokumentazzjoni preċedenti fl-1320[8]). Il-grad ġie estiż ferm mill-Prinċep Yuri Dolgorukiy fl-1156, ġie meqrud mill-Mongoli fl-1237 u reġa' nbena bl-injam tal-ballut fl-1339.[1]

Sede tal-Gran Duki immodifika

Dmitri Donskoi ssostitwixxa l-ħitan tal-ballut b'ċittadella b'saħħitha b'ħitan bojod tal-ġebla tal-ġir fl-1366-1368 fuq is-sisien bażiċi tal-ħitan attwali; din il-fortifikazzjoni rreżistiet l-assedju tal-Khan Tokhtamysh. Iben Dmitri, Vasily I, kompla l-kostruzzjoni tal-knejjes u tal-kjostri fil-Kremlin. Il-Katidral il-ġdid tal-Annunzjata ġie mpitter fuq ġewwa minn Teofane l-Grieg, Andrei Rublev, u Prokhor fl-1406. Il-Monasteru ta' Chudov ġie stabbilit mit-tutur ta' Dmitri, Metropolitan Alexis; filwaqt li martu Eudoxia, meta sfat armla, stabbiliet il-Kunvent tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna fl-1397.[1]

Residenza tal-kżarijiet immodifika

 
Pittura bl-akkwarelli tal-Kremlin bil-ħitan tal-ballut ta' Apollinari Wasnezow

Il-Gran Prinċep Ivan III organizza r-rikostruzzjoni tal-Kremlin, u stieden għadd ta' arkitetti b'ħiliet kbar mill-Italja Rinaxximentali, fosthom Petrus Antonius Solarius, li ddisinja l-ħajt il-ġdid tal-Kremlin u t-torrijiet tiegħu, u Marcus Ruffus, li ddisinja l-palazz il-ġdid għall-prinċep. Matul ir-renju ta' Ivan III nbnew tliet katidrali oħra tal-Kremlin, il-Knisja tad-Depożizzjoni, u l-Palazz tal-Faċċetti. L-ogħla binja tal-belt u tar-Russja Moskovita kien it-Torri tal-Kampnar ta' Ivan il-Kbir, li nbena fl-1505-1508 u li kompla jitkabbar sal-għoli attwali tiegħu fl-1600. Il-ħitan tal-Kremlin kif jidhru llum inbnew bejn l-1485 u l-1495.[1] Il-bibien ta' Spasskie tal-ħajt tal-Kremlin għad għandhom dedika miktuba bil-Latin li tfaħħar lil Petrus Antonius Solarius għad-disinn.

 
Il-Kremlin bil-ħitan bojod tal-ġebla tal-ġir

Wara l-kostruzzjoni tal-ħitan u tal-knejjes il-ġodda tal-Kremlin, il-monarka ħareġ digriet biex ma tinbena l-ebda struttura qrib iċ-ċittadella. Il-Kremlin kien separat mir-raħal merkantili mdawwar bil-ħitan (Kitay-gorod) b'ħandaq wiesa' 30 metru, li fuqu nbena l-Katidral ta' San Bażilju matul ir-renju ta' Ivan it-Terribbli. L-istess kżar irrinnova wkoll uħud mill-palazzi ta' nannuh, żied palazz ġdid u katidral ġdid għal uliedu subien, u ffinanzja l-kostruzzjoni tal-metochion (knisja ekkleżjastika tal-Ortodossi tal-Lvant) tat-Trinità fi ħdan il-Kremlin. Il-metochion kien amministrat mill-Monasteru tat-Trinità, u kellu t-torri grazzjuż tal-Knisja ta' San Sergius, li kien deskritt mill-barranin bħala wieħed mill-ifjen tal-pajjiż.[1]

 
Il-Kremlin ta' Moska fi żmien il-Prinċep Ivan III

Matul iż-Żmien tal-Instabbiltà (bir-Russu: смутное время, trażlitterat: smutnoe vremja), il-Kremlin inħataf mill-forzi Pollakki għal sentejn, bejn il-21 ta' Settembru 1610 u s-26 ta' Ottubru 1612. Il-liberazzjoni tal-Kremlin mill-armata voluntiera tal-Prinċep Dmitry Pozharsky u Kuzma Minin wittiet it-triq għall-elezzjoni ta' Mikhail Romanov bħala l-kżar il-ġdid. Matul ir-renju tiegħu, ta' ibnu Alexis u tan-neputi tiegħu Feodor, inbnew il-Katidral Superjuri tas-Salvatur bi ħdax-il koppla, il-Bieb tal-Araldika, il-Palazz ta' Terem, il-Palazz tad-Divertiment u l-Palazz tal-Patriarka Nikon. Wara l-mewt ta' iben Alexis, Feodor, u r-Rewwixta ta' Moska tal-1682, il-Kżar Peter irnexxielu jaħrab bi żbrixx mill-Kremlin u b'riżultat ta' dan umrah. Tliet deċennji wara, il-Kżar Peter abbanduna r-residenza ta' missirijietu u stabbilixxa l-belt kapitali ġdida tiegħu, Saint Petersburg.[1]

Perjodu imperjali immodifika

 
Il-Kanun tal-Kżar

Għalkemm xorta waħda kien jintuża għaċ-ċerimonji tal-inkoronazzjoni, il-Kremlin ġie abbandunat u ttraskurat sal-1773, meta Katerina l-Kbira tgħarrset ma' Vasili Bazhenov u bniet ir-residenza l-ġdida tagħha hemmhekk. Bazhenov ipproduċa disinn Neoklassiku bombastiku fuq skala erojka, li kien jinvolvi t-twaqqigħ ta' diversi knejjes u palazzi, kif ukoll parti mill-ħajt tal-Kremlin. Wara li tlestew il-preparamenti, il-kostruzzjoni ġiet ittardjata minħabba nuqqas ta' fondi. Bosta snin wara, l-arkitett Matvey Kazakov issorvelja r-rikostruzzjoni tas-sezzjonijiet imġarrfa tal-ħajt u ta' xi strutturi tal-Monasteru ta' Chudov, u bena l-Uffiċċji spazjużi u lussużi tas-Senat, li mbagħad ġew adattati biex jintużaw bħala l-post ta' ħidma prinċipali tal-President tar-Russja.[1]

Matul il-perjodu imperjali, mill-bidu tas-seklu 18 sal-aħħar tas-seklu 19, il-ħitan tal-Kremlin kienu tradizzjonalment miżbugħa bl-abjad, f'konformità mal-użanzi ta' dak iż-żmien.[9]

Il-forzi Franċiżi okkupaw il-Kremlin mit-2 ta' Settembru sal-11 ta' Ottubru 1812, wara l-invażjoni Franċiża fir-Russja. Meta Napuljun irtira flimkien mal-forzi tiegħu minn Moska, huwa ordna li l-Kremlin kollu jiġi splodut. L-Arsenal tal-Kremlin, diversi partijiet tal-ħajt tal-Kremlin u bosta torrijiet tal-ħajt inqerdu minn splużjonijiet u l-Palazz tal-Faċċetti u għadd ta' knejjes ġarrbu ħsarat minħabba n-nirien. L-isplużjonijiet komplew għal tlett ijiem, mill-21 sat-23 ta' Ottubru 1812. Madankollu, il-miċeċ tal-bombi ġew irvinati mix-xita, u b'hekk il-ħsara mġarrba kienet ferm inqas milli kien ippjanat mill-Franċiżi. Fl-1816-1819 saru xogħlijiet ta' restawr taħt is-superviżjoni ta' Osip Bove. Matul il-bqija tar-renju ta' Alexander I, diversi strutturi antiki ġew rinnovati bi stil Neo-Gotiku, iżda ħafna oħrajn, inkluż il-binjiet kollha tal-metochion tat-Trinità, ġew ikkundannati peress li kienu mitluqa jew ma baqgħux jintużaw u twaqqgħu.[1]

 
Il-Palazz il-Kbir tal-Kremlin

Meta żar Moska għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-inkoronazzjoni tiegħu, il-Kżar Nicholas I ma kienx sodisfatt bil-Palazz il-Kbir (magħruf ukoll bħala l-Palazz tax-Xitwa), li kien inbena fis-snin 50 tas-seklu 18 skont id-disinn ta' Francesco Rastrelli. B'hekk, l-istruttura Barokka elaborata twaqqgħet flimkien mal-Knisja ta' San Ġwann il-Prekursur, li kienet inbniet minn Aloisio il-Ġdid fl-1508 fil-post fejn kienet inbniet l-ewwel knisja ta' Moska. L-arkitett Konstantin Thon ġie kkummissjonat biex jissostitwihom bil-Palazz il-Kbir tal-Kremlin, li kien iħaqqaqha mal-Palazz tax-Xitwa f'Saint Petersburg bħala dimensjonijiet u l-opulenza fuq ġewwa. Il-palazz inbena bejn l-1839 u l-1849, u wara reġgħet inbniet l-Armerija tal-Kremlin fl-1851.[1]

Wara l-1851, il-Kremlin ma tantx inbidel wisq sar-Rivoluzzjoni Russa tal-1917. L-unika karatteristiċi ġodda li ġew miżjuda matul dan il-perjodu kienu l-Monument ta' Alexander II u salib tal-ġebel bħala mafkar tal-post preċiż fejn fl-1905 il-Gran Duka Sergei Alexandrovich tar-Russja ġie maqtul minn Ivan Kalyayev. Dawn il-monumenti nqerdu mill-Bolxeviki fl-1918.[1]

Perjodu Sovjetiku u wara immodifika

 
Il-Qanpiena tal-Kżar, l-ikbar qanpiena fid-dinja

Il-gvern Sovjetiku ċċaqlaq minn Petrograd (illum magħrufa bħala Saint Petersburg) għal Moska fit-12 ta' Marzu 1918. Vladimir Lenin għażel is-Senat tal-Kremlin bħala r-residenza tiegħu. Joseph Stalin ukoll kellu l-kmamar personali tiegħu fil-Kremlin. Huwa kien ħerqan li jneħħi “l-fdalijiet kollha tar-reġim tal-kżarijiet” mill-kwartieri ġenerali tiegħu. L-ajkli tad-deheb fuq it-torrijiet ġew sostitwiti bi kwiekeb jiddu tal-Kremlin, filwaqt li l-ħajt ħdejn il-Mawżolew ta' Lenin ġie kkonvertit fin-Nekropoli tal-Ħajt tal-Kremlin.[1]

Il-Monasteru ta' Chudov u l-Kunvent tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna, flimkien mal-katidrali tagħhom tas-seklu 16, twaqqgħu biex minflokhom tinbena l-iskola militari. Il-Palazz iż-żgħir ta' Nicholas u l-Katidral l-antik tas-Salvatur twaqqgħu wkoll. Ir-residenza tal-gvern Sovjetiku kienet magħluqa għat-turisti sal-1955, u inġenerali l-Kremlin infetaħ għall-viżitaturi barranin wara t-tnaqqis ta' tensjoni ta' Khrushchev bejn nofs is-snin 50 u 60 tas-seklu 20. Il-Mużewijiet tal-Kremlin ġew stabbiliti fl-1961, u l-kumpless kien wieħed mill-ewwel siti Sovjetiċi li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[6]

Għalkemm id-direttur attwali tal-Mużewijiet tal-Kremlin, Elena Gagarina (it-tifla ta' Yuri Gagarin), hija favur ir-restawr fuq skala kbira tal-kjostri li kienu nqerdu, l-iżviluppi reċenti kienu jinvolvu biss ir-restawr għali tal-Palazz il-Kbir tal-Kremlin fuq ġewwa, li kien ġie alterat taħt it-tmexxija ta' Stalin.[2]

Palazz tal-Istat tal-Kremlin immodifika

 
Il-Palazz tal-Istat tal-Kremlin

Il-Palazz tal-Istat tal-Kremlin, magħruf ukoll bħala l-Palazz tal-Kungressi tal-Kremlin, ġie kkummissjonat minn Nikita Khrushchev bħala arena moderna għal-laqgħat tal-Partit Komunista, u nbena fi ħdan il-ħitan tal-Kremlin bejn l-1959 u l-1961. Minn barra, il-palazz għandu faċċata tal-irħam abjad u t-twieqi huma skuri u jirriflettu biex minn barra ma jidher xejn ħlief rifless. Il-kostruzzjoni ta' binja pubblika moderna kbira fi kwartier storiku qanqlet il-korla, speċjalment peress li l-binja ssostitwiet diversi binjiet storiċi, fosthom il-binja Neoklassika tal-Armerija tal-Istat u wħud mill-partijiet ta' wara tal-Palazz il-Kbir tal-Kremlin. Għalkemm din ma kinitx l-ewwel darba li l-gvern Sovjetiku qered xi wirt arkitettoniku (notevolment il-Monasteru ta' Chudov u l-Kjostri tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna) fil-Kremlin u fil-pajjiż inġenerali, sa nofs is-snin 50 tas-seklu 20 daħħlu fis-seħħ liġijiet li permezz tagħhom il-kostruzzjonijiet ta' qabel is-Sovjetiċi kienu jitqiesu bħala monumenti storiċi u ma setgħux jitwaqqgħu iktar. Minkejja dan, il-Palazz ġie integrat fil-kumpless akbar tal-Palazz il-Kbir tal-Kremlin b'mogħdijiet li jikkollegawh mal-Kompartimenti Patriarkali u mal-Palazz ta' Terem.[2]

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Veduta mill-ajru tal-Kremlin flimkien mal-Pjazza l-Ħamra

Il-Kremlin ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990 flimkien mal-Pjazza l-Ħamra ta' Moska.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju”.[6]

Binjiet immodifika

 
It-torri ta' Vodovzvodnaya, parti mill-ħitan tal-Kremlin

Il-ħitan u t-torrijiet eżistenti tal-Kremlin inbnew minn arkitetti Taljani mill-1485 għall-1495. It-triangolu irregolari tal-ħajt tal-Kremlin jikkonfina erja ta' 275,000 metru kwadru. It-tul kumplessiv tiegħu huwa 2,235 metru, iżda l-għoli jvarji bejn ħames metri u 19-il metru, skont kif tinzerta l-art ta' taħthom. Il-ħxuna tal-ħajt tvarja bejn 3.5 u 6.6 metri.

 
Id-diversi torrijiet tal-ħajt tal-Kremlin

Oriġinarjament kien hemm tmintax-il torri tal-Kremlin, iżda l-għadd tagħhom żdied għal għoxrin fis-seklu 17. Kollha kemm huma ħlief tlieta għandhom pjanta kwadra. L-ogħla torri huwa dak ta' Troitskaya, li nbena fl-1495 u huwa twil 80 metru. Il-biċċa l-kbira tat-torrijiet oriġinarjament kellhom qishom tined tal-injam fuqhom. It-tined attwali tal-brikks bi strixxi ta' madum ikkulurit jmorru lura għas-snin 80 tas-seklu 17.

Il-Pjazza tal-Katidrali hija l-qalba tal-Kremlin. Il-pjazza hija mdawra b'sitt binjiet, fosthom tliet katidrali. Il-Katidral Ortodoss tal-Mewt tal-Madonna tlesta fl-1479 u kien jintuża bħala l-knisja ewlenija ta' Moska fejn il-Kżarijiet kollha ġew inkurunati. Il-faċċata enormi tal-ġebla tal-ġir u l-ħames koppli tad-deheb tagħha ġew iddisinjati minn Aristotele Fioravanti. Diversi metropolitani u patriarki huma midfuna f'dan il-katidral, fosthom Pietru u Makarii. Il-Katidral tal-Assunta bi tliet koppli ndurati tlesta fl-1489, iżda mbagħad ġie rikostruwit b'disinn ta' disa' koppli seklu wara. Fix-Xlokk tal-pjazza hemm il-Katidral kbir tal-Arkanġlu Mikiel li tlesta fl-1508, fejn ġew midfuna l-monarki Muskoviti kollha minn Ivan Kalita sa Ivan V tar-Russja. Boris Godunov oriġinarjament ġie midfun hemmhekk ukoll iżda mbagħad ġie mċaqlaq fil-Monasteru tat-Trinità.

 
Il-Pjazza tal-Katidrali fil-Kremlin

Hemm żewġ knejjes domestiċi tal-Metropolitani u tal-Patriarki ta' Moska, li huma l-Knisja tat-Tnax-il Appostlu (1653-1656), u l-Knisja tad-Depożizzjoni tal-Mant tal-Verġni Marija b'koppla waħda, li nbniet mill-artiġjani ta' Pskov bejn l-1484 u l-1488 u li fiha ikoni u affreski mill-isbaħ ta' bejn l-1627 u l-1644.

Struttura notevoli oħra hija t-Torri tal-Kampnar ta' Ivan il-Kbir fin-naħa tal-Grigal tal-pjazza, li jingħad li qiegħda eżatt fiċ-ċentru ta' Moska u li tixbaħ xemgħa mixgħula. It-torri tlesta fis-sena 1600 u huwa għoli 81 metru. Sar-Rivoluzzjoni Russa, kien l-itwal struttura tal-belt, peress li l-kostruzzjoni ta' binjiet itwal minnu kienet ipprojbita. Il-21 qanpiena tiegħu kienu jindaqqu meta kien ikun qed joqrob xi għadu. Il-parti ta' fuq tal-istruttura nqerdet mill-Franċiżi matul l-Invażjoni ta' Napuljun u reġgħet inbniet. Il-Qanpiena tal-Kżar, l-ikbar qanpiena fid-dinja, tinsab fuq pedestall maġenb it-torri tal-kampnar.

 
Id-diversi koppli tad-deheb tal-Katidral tal-Annunzjata fil-Kremlin

L-iktar struttura lajka antika li għadha teżisti sa llum hija l-Palazz tal-Faċċetti li tlesta fl-1491 u li fih it-tronijiet imperjali. It-tieni l-iktar struttura lajka antika hija l-ewwel residenza tal-familja rjali, il-Palazz ta' Terem. Il-palazz oriġinali kien ġie kkummissjonat ukoll minn Ivan III, iżda l-biċċa l-kbira tal-palazz eżistenti llum inbena fis-seklu 17. Il-Palazz ta' Terem u l-Palazz tal-Faċċetti huma kkollegati ma' xulxin permezz tal-Palazz il-Kbir tal-Kremlin. Dan kien ġie kkummissjonat minn Nicholas I fl-1838 u huwa l-ikbar struttura fil-Kremlin. Sewa 11-il miljun rublu biex jinbena u iktar minn biljun dollaru biex ġie rrinnovat fis-snin 90 tas-seklu 20. Fih swali lussużi ta' riċeviment, taraġ ċerimonjali aħmar, appartamenti privati tal-kżarijiet u s-sular t'isfel tal-Knisja tal-Irxuxtar ta' Lazzru tal-1393, li hija l-eqdem struttura eżistenti fil-Kremlin u f'Moska.

In-naħa tat-Tramuntana tal-Kremlin hemm l-Arsenal, li kien inbena għal Peter il-Kbir fl-1701. Fuq in-naħa tal-Lbiċ tal-Kremlin hemm il-binja tal-Armerija. Din inbniet fl-1851 b'disinn Neo-Rinaxximentali, u attwalment hija mużew tat-teżori tal-Istat Russu.

Il-batterju Methylophaga murata ġie iżolat għall-ewwel darba mill-irħam li kien qed jiddeterjora fil-Kremlin.[10]

Ħelipad immodifika

 
Il-ħelipad fil-Kremlin

Sabiex ma jibqax ikun hemm tfixkil fit-traffiku tal-belt kull darba li jkun hemm xi laqgħa jew żjara uffiċjali f'Moska fejn ikun preżenti l-president, il-President Vladimir Putin awtorizza l-kostruzzjoni ta' ħelipad fil-Kremlin. Din tlestiet f'Mejju 2013. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-President jivvjaġġa lejn il-Kremlin u mill-Kremlin permezz ta' ħelikopter tat-tip Mil Mi-8. Ingħatat attenzjoni partikolari għall-post fejn inbniet il-ħelipad u jingħad li l-post fejn inbniet ma twassal għal ebda theddida għall-arkitettura tal-Kremlin.[11]

Tramm ta' taħt l-art immodifika

L-istazzjonijiet tat-tramm ta' taħt l-art ta' Moska li huma waqfiet tajbin għall-Kremlin huma: Okhotny Ryad u Biblioteka Imeni Lenina (il-Linja ta' Sokolnicheskaya), Teatralnaya (il-Linja ta' Zamoskvoretskaya), Ploshchad Revolyutsii u Arbatskaya (il-Linja ta' Arbatsko-Pokrovskaya), Alexandrovsky Sad (il-Linja ta' Filyovskaya), u Borovitskaya (il-Linja ta' Serpukhovsko-Timiryazevskaya).

Referenzi immodifika

  1. ^ a b ċ d e f ġ g h ħ Paul, Michael C. (January 2004). "The Military Revolution in Russia 1550–1682". The Journal of Military History. 68 (1): 31.
  2. ^ a b ċ "Moscow Kremlin Museums: ABOUT THE MUSEUM". www.kreml.ru. Miġbur 2021-04-11.
  3. ^ "Vasmer's Etymological Dictionary : Query result". starling.rinet.ru. Miġbur 2021-04-11.
  4. ^ "Moscow Kremlin Museums: VISIT US". www.kreml.ru. Miġbur 2021-04-11.
  5. ^ "Exposition of Russian wooden sculpture and carvings". www.kreml.ru (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-11.
  6. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Kremlin and Red Square, Moscow". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-11.
  7. ^ Agrawal, Premendra (4 February 2012). Silent Assassins Jan 11, 1966. Agrawal Overseas. p. 184. ISBN 9789350878453.
  8. ^ "Стр. 321". vasmer.narod.ru. Miġbur 2021-04-11.
  9. ^ "Почему кремлевские стены красили в белый цвет". Российская газета (bir-Russu). Miġbur 2021-04-11.
  10. ^ Doronina NV; Li TsD; Ivanova EG; Trotsenko IuA. (2005). "Methylophaga murata sp. nov.: a haloalkaliphilic aerobic methylotroph from deteriorating marble". Mikrobiologiia. 74 (4): 511–9.
  11. ^ "Putin gets helipad to ease congestion" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-11.