Johann Strauss I

kompożitur Awstrijak

Johann Strauss I magħruf ukoll bħala Johann Baptist Strauss, Johann Strauss Sr., il-Kbir, il-Missier (bil-Ġermaniż: Johann Baptist Strauß, Johann Strauss (Vater); 14 ta' Marzu 1804 - 25 ta' Settembru 1849) kien kompożitur romantiku Awstrijak. Huwa kien famuż għall-valzi tiegħu, li popolarizza flimkien ma' Joseph Lanner, u b'hekk stabbilixxa l-pedamenti għal uliedu biex ikomplu d-dinastija mużikali tiegħu. Huwa magħruf l-iktar għall-kompożizzjoni tiegħu tal-Marċ Radetzky (imsemmi għal Joseph Radetzky von Radetz).

Johann Strauss I
Ħajja
Twelid Vjenna, 14 Marzu 1804
Nazzjonalità Imperu Awstrijak
Mewt Vjenna, 25 Settembru 1849
Post tad-dfin Ċimiterju Ċentrali ta' Vjenna
Kawża tal-mewt kawżi naturali (infectious disease (en) Translate)
Familja
Missier Franz Borgias Strauss
Omm Barbara Strauss
Konjuga/i Maria Anna Streim (en) Translate
Koppja/i Emilie Trampusch (en) Translate
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Michael Pamer (en) Translate
Ignaz von Seyfried (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
surmast tal-orkestra
Xogħlijiet importanti Marċ Radetzky
Moviment artistiku mużika klassika
Strument/i tal-mużika vjola

Ħajja u xogħol immodifika

Strauss twieled f'Leopoldstadt (issa fi Vjenna). Il-ġenituri tiegħu, Franz Borgias Strauss (10 ta' Ottubru 1764 - 5 ta' April 1816) u Barbara Dollmann (3 ta' Diċembru 1770 - 28 ta' Awissu 1811), kienu lukandiera (Zum heiligen Florian). Huwa trabba bħala Kattoliku Ruman minn twelidu.

Ommu mietet b'deni persistenti meta kellu seba' snin. Ħames snin wara, għereq missieru, possibilment b'każ ta' suwiċidju, fix-xmara Danubju. Il-gwardjan ta' Strauss, il-ħajjat Anton Müller, daħħlu apprendist tal-legatur tal-kotba, Johann Lichtscheidl; Strauss ħa lezzjonijiet tal-vjolin u l-vjola fl-istess waqt li kien fl-apprendistat tiegħu.[1] Kuntrarjament għal storja li rrakkonta aktar tard ibnu Johann II, Strauss temm b'suċċess l-apprendistat tiegħu ta' legatur fl-1822. Huwa studja l-mużika wkoll ma' Johann Polischansky matul l-apprendistat tiegħu u eventwalment irnexxielu jassigura post f'orkestra lokali, immexxija minn Michael Pamer. Strauss ħalla l-orkestra biex jingħaqad ma' kwartett tal-kordi popolari magħruf bħala l-Lanner Quartet, iffurmat mir-rivali tiegħu Joseph Lanner u l-aħwa Drahanek, Karl u Johann. Dan il-kwartett tal-kordi, li kien idoqq Valzi Vjenniżi u mużika taż-żfin tar-raħħala Ġermaniżi, espanda f'orkestra żgħira tal-kordi fl-1824. 

Strauss sar viċi direttur tal-orkestra biex jassisti lil Lanner fil-kummissjonijiet wara li l-orkestra kisbet ċertu popolarità matul il-Fasching tal-1824. Huwa ma damx ma tpoġġa fil-kmand tat-tieni orkestra iżgħar li ġiet iffurmata bħala riżultat tas-suċċess tal-orkestra ewlenija. Fl-1825, huwa ddeċieda li jifforma l-banda tiegħu stess u beda jikteb il-mużika (l-aktar, mużika taż-żfin) biex idoqqha wara li ntebaħ li possibbilment jista' jikseb suċċess bħal Lanner u jindirizza l-problemi finanzjarji li kellu. B'hekk, huwa għamel lil Lanner rivali serju anke jekk ir-rivalità ta' bejniethom ma kinetx ostili u l-kompetizzjoni mużikali ta' bejniethom kienet produttiva ħafna għall-iżvilupp tal-valz kif ukoll għal mużika oħra taż-żfin fi Vjenna.

Strauss ma damx ma sar wieħed mill-iktar kompożituri taż-żfin magħrufa u maħbuba fi Vjenna. Matul il-karnival tal-1826, Strauss beda sensiela twila ta' trijonfi meta introduċa l-banda tiegħu lill-pubbliku ta' Vjenna fix-Schwan fis-subborg ta' Roßau fejn it-Täuberln-Walzer (Op. 1) mill-ewwel kisbu fama sostanzjali. Mal-banda tiegħu, huwa dar il-Ġermanja, l-Olanda, il-Belġju u l-Gran Brittanja. Eventwalment din l-Orkestra ta' Strauss għaddiet f'idejn uliedu sakemm ġiet xolta minn Eduard Strauss fl-1901.

Waqt żjara fi Franza fl-1837 huwa sema' l-kwadrilja u beda jikkomponi f'din l-forma huwa wkoll. B'hekk daħħal dan l-istil ta' żfin fl-Awstrija waqt il-Fasching tal-1840, fejn kiseb popolarità kbira. Kien dan il-vjaġġ innifsu (fl-1837) li wera l-popolarità ta’ Strauss ma’ udjenzi minn sfondi soċjali differenti u dan wasslu għall-pjan ambizzjuż biex idoqq il-mużika tiegħu fl-Ingilterra waqt l-inkurunazzjoni tar-Reġina Victoria fl-1838. Strauss adatta wkoll diversi melodiji popolari ta' żmienu u integrahom fix-xogħlijiet tiegħu biex jappella għal udjenza usa', kif jidher fil-inkorporazzjoni tal-overture mill-Oberon fil-valz bikri tiegħu "Wiener Carneval", Op. 3, u wkoll l-innu nazzjonali Franċiż "La Marseillaise" fil-"Paris-Walzer" tiegħu, Op. 101.

 
Johann Strauss I, 1837

Strauss iżżewweġ lil Maria Anna Streim fl-1825 fil-Knisja Parrokkjali Kattolika Lichtental fi Vjenna. Iż-żwieġ kien relattivament infeliċi minħabba l-assenzi mtawla tiegħu kkawżati mill-vjaġġi frekwenti barra l-pajjiż, li wasslu għal bruda gradwali bejniethom. Huma kellhom sebat itfal: Johann (imwieled fl-1825), Josef (imwieled fl-1827), Anna (imwielda fl-1829), Therese (imwielda fl-1831), Ferdinand (imwieled fl-1834 u għex biss għaxar xhur) u Eduard (imwieled fl-1835). L-ewwel tifel ta' Eduard kien Johann Strauss III.

Sal-1834 Strauss kellu sieħba ġdida, Emilie Trampusch, li magħha kellu tmint[2] itfal. Meta Strauss irrikonoxxa bil-miftuħ il-paternità tiegħu ta’ tifla mwielda minn Emilie fl-1844, Maria Anna applikat għad-divorzju. Bit-tmiem taż-żwieġ, Anna Strauss iddeċidiet li tkompli l-karriera mużikali ta' Johann Strauss II, li jippermettilu jiżviluppa l-ħiliet tiegħu bħala kompożitur, kontra x-xewqa ta' missieru.

Minkejja problemi tal-familja, Strauss il-Missier kompla jivvjaġġa regolarment u jikteb biċċiet mużikali ġodda għal bosta organizzazzjonijiet tal-karità. Il-valzi tiegħu ġew żviluppati gradwalment minn żfin rustiku tal-bdiewa f'dak li biż-żmien sar rikonoxxut bħala l-Valz Vjenniż.

Filwaqt li ma kellux talent mużikali prolifiku daqs dak ta’ ibnu l-kbir, u lanqas sens ta’ negozju daqstant għaqli, Strauss il-Kbir kien fost numru żgħir ta’ kompożituri tal-valzi bikrin flimkien ma’ Joseph Lanner. Huma taw spinta lill-bejgħ tal-mużika tagħhom - li ppermetta lid-dilettanti tal-mużika jsiru jafu aktar dawk il-biċċiet mużikali. Waqt id-dehriet tiegħu fis-Sala tal-Balli Sperl fi Vjenna, fejn stabbilixxa ismu, huwa daħħal il-kunċett ta' ħlas fiss għad-dħul, mingħand l-udjenza tas-Sala tal-Balli minflok il-prattika preċedenti li jdawwar plattina għall-ġbir, fejn id-dħul kien jiddependi fuq ir-rieda tajba tal-udjenza.

 
Il-qabar ta' Johann Strauss I, Zentralfriedhof, Vjenna, l-Awstrija

Johann Strauss II spiss kien idoqq ix-xogħlijiet ta’ missieru u ddikjara bil-miftuħ l-ammirazzjoni tiegħu lejhom, għalkemm ma kienx sigriet għall-Vjenniżi li r-rivalità tagħhom kienet intensa, xi ħaġa li gazzetti ta' dak iż-żmien ukoll kienu jqanqlu. Johann Strauss I innifsu rrifjuta li jerġa' jdoqq fil-Casino ta' Dommayer, li offra lil ibnu d-debutt tiegħu bħala direttur tal-orkestra. Għalkemm huwa avvanza fil-karriera aktar minn ibnu matul ħajtu, Strauss II kiseb suċċess akbar f'dik li hija popolarità fir-repertorju klassiku fis-snin ta' wara. Fl-1846, Johann Strauss I ingħata t-titlu onorarju ta' KK Hofballmusikdirektor (Direttur tal-Mużika għall-Balli tal-Qorti Imperjali u Rjali) mill-Imperatur Ferdinand I.

Mewt u legat immodifika

Strauss miet fi Vjenna fil-25 ta' Settembru 1849 ta' 45 sena bl-iskarlatina li qabditu minn wieħed mit-tfal illeġittimi tiegħu.[3] Huwa ġie midfun fiċ-ċimiterju ta' Döblinger ħdejn il-ħabib tiegħu Joseph Lanner. Fl-1904, il-fdalijiet tagħhom ġew trasferiti għall-oqbra tal-unur fiż-Zentralfriedhof. L-eks ċimiterju ta’ Döbling issa huwa Strauss-Lanner Park.

Hector Berlioz ta ġieħ lill-"Missier il-Valtz Vjenniż" meta qal li "Vjenna mingħajr Strauss hija bħall-Awstrija mingħajr id-Danubju".

Nita Strauss, kitarrista ma' Alice Cooper u oħrajn, hija dixxendenta ta' Johann Strauss.[4]

Xogħlijiet immodifika

Valzi immodifika

 
Qoxra ta' Loreley-Rhein-Klänge .
  • Täuberln-Walzer, Op. 1 Ħamiem Żgħir (1827)
  • Döblinger Réunion-Walzer, Op. 2 Dobling Reunion Waltz
  • Wiener Carneval, Op. 3 Karnival Vjenniż (1828)
  • Kettenbrücke-Walzer, Op. 4 Pont Sospiż (1828)
  • Gesellschafts-Walzer, Op. 5 Waltz tal-Assoċjazzjoni
  • Wiener Launen-Walzer, Op. 6 Vienna Fancy Waltz
  • Tivoli-Rutsch Walzer, Op. 39 Tivoli-Slide (1830)
  • Das Leben ein Tanz oder Der Tanz ein Leben! Walzer, Op. 49 Il-Ħajja Hija Żfin
  • Elisabethen-Walzer, Op. 71
  • Philomelen-Walzer, Op. 82
  • Paris-Walzer, Op. 101 (1838)
  • Huldigung der Königin Victoria von Grossbritannien, Op. 103 Ġieħ lir-Reġina Victoria tal-Gran Brittanja
  • Wiener Gemüths-Walzer, Op. 116 Sentimenti Vjenniżi (1840)
  • Loreley-Rhein-Klänge, Op. 154 Echoes of the Rhine Loreley (1843)

Galoppi u polkas immodifika

Il-galoppi u l-polkas ta' Strauss jinkludu:

  • Champagner-Galopp, op. 8
  • Seufzer-Galopp, Op. 9 Tnehid
  • Chineser Galopp, Op. 20 Ċiniż
  • Einzugs-Galopp, Op. 35 Entratura Galopp
  • Sperl-Galopp, Op. 42
  • Fortuna-Galopp, Op. 69
  • Jugendfeuer-Galopp, Op. 90 Spirtu Żagħżugħ
  • Cachucha-Galopp, Op. 97
  • Carneval f'Pariġi, Op.100
  • Indianer-Galopp, Op. 111 Galopp ta' Indjan Aħmar
  • Sperl-Polka, Op. 133
  • Annen-Polka, Op. 137 (m'għandhiex tiġi konfuża ma' Annen-Polka ta' ibnu, Op. 117, 1852)
  • Wiener Kreutzer Polka, Op. 220
  • Piefke und Pufke Polka, Op. 235

Marċi immodifika

  • Radetzky-Marsch, Op. 228 (1848)
  • Jelačić-Marsch, Op. 244

Ħoloq esterni immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ "Johann Strauss Society: Johann Strauss I". web.archive.org. 2011-09-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-09-30. Miġbur 2021-03-14.
  2. ^ Michael Lorenz: "Familie Trampusch – geliebt und totgeschwiegen", Jahrbuch des Vereins für Geschichte der Stadt Wien, Vol. 62/63, 2006/2007, (Vienna: Verein für Geschichte der Stadt Wien, 2011), 135–49.
  3. ^ http://www.oxfordmusiconline.com/subscriber/article/grove/music/52380pg1?q=johann+strauss+i&search=quick&pos=1&_start=1#firsthit. |title= nieqes jew vojt (għajnuna)
  4. ^ https://www.rollingstone.com/music/music-news/nita-strauss-proves-shred-guitars-not-dead-44499/. |title= nieqes jew vojt (għajnuna)