Frédéric Bartholdi

skultur u pittur Franċiż (1834-1904)

Frédéric Auguste Bartholdi (/bɑːrˈtɒldi, -ˈθɒl-/ bar-T(H)OL-dee[1][2], bil-Franċiż: [fʁedeʁik oɡyst baʁtɔldi]; twieled fit-2 ta' Awwissu 1834 – miet fl-4 ta' Ottubru 1904) kien skultur u pittur Franċiż li huwa magħruf l-iktar għad-disinn tal-istatwa l-Libertà Tillumina d-Dinja, magħrufa iktar bħala l-Istatwa tal-Libertà.[3]

Frédéric Bartholdi
Ħajja
Isem propju Frédéric Auguste Bartholdi
Twelid Colmar, 2 Awwissu 1835
Nazzjonalità Franza
Mewt sitt arrondissement ta' Pariġi, 4 Ottubru 1904
Post tad-dfin Ċimiterju ta' Montparnasse
Kawża tal-mewt kawżi naturali (tuberkulożi)
Familja
Konjuga/i Jeanne-Emile Baheux  (20 Diċembru 1876 -
Edukazzjoni
Alma mater Lycée Louis-le-Grand
Lingwi Franċiż
Għalliema Antoine Étex
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni skultur
pittur
Post tax-xogħol Pariġi
Xogħlijiet importanti Fontaine Bartholdi
Funtana ta' Bartholdi
Statwa tal-Libertà
Fontaine Roesselmann (en) Translate
Lion of Belfort (en) Translate
Premjijiet
List
Psewdonomu Amilcar Hasenfratz
Servizz militari
Iġġieldu gwerra Franko Prussjana

Ħajja bikrija u edukazzjoni immodifika

Bartholdi twieled f'Colmar, Franza, fit-2 ta' Awwissu 1834. Huwa twieled f'familja Protestanta ta' Alsace, u kunjom il-familja ġie Latinizzat minn Barthold.[4] Il-ġenituri tiegħu kienu Jean Charles Bartholdi (1791-1836) u Augusta Charlotte Bartholdi (kunjomha xebba Beysser; 1801-1891). Frédéric Auguste Bartholdi kien l-iżgħar wild tagħhom minn erba', u wieħed minn tnejn li ma mitux meta kienu trabi, flimkien ma ħuh il-kbir, Jean-Charles, li sar avukat u editur.

Missier Bartholdi, sid tal-proprjetajiet u kunsillier tal-prefettura, miet meta Bartholdi kellu sentejn.[4] Wara, Bartholdi flimkien ma' ommu u ħuh il-kbir Jean-Charles marru jgħixu f'Pariġi, fejn kienet tgħix fergħa oħra minn familtu.[4] Il-familja spiss irritornat biex tqatta' perjodi twal f'Colmar fejn kellhom is-sjieda tad-dar tagħhom fejn kienu jgħixu flimkien mal-missier. Din id-dar iktar 'il quddiem saret il-Mużew ta' Bartholdi fl-1922.[5] Meta kien f'Colmar, Bartholdi ħa lezzjonijiet tat-tpinġija mingħand Martin Rossbach. F'Pariġi, huwa studja l-iskultura ma' Antoine Étex. Huwa studja wkoll l-arkitettura taħt Henri Labrouste u Eugène-Emmanuel Viollet-le-Duc.[4]

Bartholdi attenda l-Liċeo Louis-le-Grand f'Pariġi, u kiseb baċellerat fl-1852. Imbagħad kompla jistudja l-arkitettura fl-Iskola Nazzjonali Superjuri tal-Belle Arti, kif ukoll il-pittura taħt Ary Scheffer fl-istudjo tiegħu f'Rue Chaptal, li issa sar il-Musée de la Vie Romantique. Iktar 'il quddiem, Bartholdi reġa' xeħet l-attenzjoni tiegħu fuq l-iskultura, li mbagħad baqa' jaħdem fuqha tul ħajtu kollha.[2][4]

Karriera immodifika

Skulturi bikrin u xogħol f'Colmar immodifika

 
Ritratt ta' Bartholdi bilqiegħda

Fl-1853, Bartholdi bagħat grupp ta' skulturi bit-tema tas-Samaritan it-Tajjeb lis-Salon ta' Pariġi tal-1853. L-istatwa iktar 'il quddiem inħadmet mill-ġdid bil-bronż. Fi żmien sentejn mid-debutt tiegħu fis-Salon ta' Pariġi, Bartholdi ġie kkummissjonat minn raħal twelidu, Colmar, biex jiskolpixxi mafkar tal-bronż ta' Jean Rapp, Ġeneral ta' Napuljun. Fl-1855 u fl-1856 Bartholdi vvjaġġa lejn il-Jemen u l-Eġittu flimkien ma' Jean-Léon Gérôme u pitturi "Orjentalisti" oħra. Il-vjaġġ qanqal l-interess ta' Bartholdi fl-iskulturi kolossali.[4]

Fl-1869, Bartholdi rritorna lejn l-Eġittu biex jipproponi li jinbena fanal ġdid fid-daħla tal-Kanal ta' Suez, li kien għadu kemm tlesta. Il-fanal, li kellu jissejjaħ L-Eġittu Jġorr id-Dawl lejn l-Asja u li kellu l-għamla ta' figura mkebba fid-drapp b'torċa f'idejha, ma ġiex ikkummissjonat minħabba l-kost eċċessiv.[6] Il-Fanal ta' Port Said inbena minflok minn François Coignet fl-1869.

Gwerra u Statwa tal-Libertà immodifika

 
Bartholdi hu u jiskolpixxi. Fuq ix-xellug hemm minjatura tal-Istatwa tal-Libertà.

Bartholdi ħa sehem fil-Gwerra Franko-Prussjana tal-1870 bħala mexxej ta' skwadra tal-Gwardja Nazzjonali, u bħala uffiċjal ta' kollegament għall-Ġeneral Taljan Giuseppe Garibaldi, fejn irrappreżenta l-gvern Franċiż u l-Armata ta' Vosges. Bħala uffiċjal, huwa ħa sehem fid-difiża ta' Colmar mill-Ġermanja. Iddispjaċut minħabba t-telfa tar-reġjun tiegħu, fis-snin ta' wara bena għadd ta' monumenti li jiċċelebraw l-eroiżmu Franċiż fid-difiża kontra l-Ġermanja. Fost dawn il-proġetti kien hemm l-Iljun ta' Belfort magħmul mill-blat ramli, li beda jaħdem fuqu fl-1871, u li ma spiċċahx qabel l-1880.[4]

Fl-1871, huwa għamel l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Istati Uniti, fejn ħareġ bl-idea ta' statwa enormi mogħtija bħala rigal mill-Franċiżi lill-Amerikani f'ġieħ iċ-ċentenarju tal-indipendenza Amerikana. L-idea, li fil-bidu kien għaddielu fl-1865 il-ħabib tiegħu Édouard René de Laboulaye, irriżultat fl-Istatwa tal-Libertà fil-port tal-Belt ta' New York. Wara snin ta' ħidma u ġbir ta' fondi, l-istatwa ġiet inawgurata fl-1886. Matul dan il-perjodu, Bartholdi skolpixxa wkoll għadd ta' monumenti għal bliet Amerikani, fosthom funtana tal-ħadid fondut f'Washington D.C. li tlestiet fl-1878.[4]

Snin ta' wara immodifika

Fl-1875, huwa ssieħeb mal-Loġġa tal-Mażuni ta' Alsace-Lorraine f'Pariġi.[7][8] Fl-1876, Bartholdi kien wieħed mill-kummissarji Franċiżi fl-1876 fl-Espożizzjoni Ċentenarja ta' Philadelphia. Hemmhekk huwa wera statwi tal-bronż ta' Iż-Żagħżugħ li Jkabbar il-Vinji, Génie Funèbre, Paċi u Ġenju fil-Morsa tal-Miżerja, u rċieva medalja tal-bronż għal din tal-aħħar.[3] L-istatwa tiegħu tal-1878, Gribeauval, saret proprjetà tal-istat Franċiż.[3]

Huwa kien ħallieq prolifiku ta' statwi, monumenti u ritratti. Bartholdi baqa' jieħu sehem f'wirjiet fis-Salons ta' Pariġi sas-sena ta' mewtu fl-1904. Huwa baqa' attiv ukoll b'diversi mezzi, fosthom il-pittura biż-żejt u bl-akkwarelli, il-fotografija, u t-tpinġija, u rċieva l-unur li jkun imsejjaħ Kmandant tal-Leġjun tal-Unur fl-1886.[4] Bartholdi miet bit-tuberkulożi f'Pariġi meta kellu 70 sena fl-4 ta' Ottubru 1904.[9]

Ħajja personali immodifika

Fl-1876, huwa żżewweġ lil Jeanne-Emile Baheux f'Providence, Rhode Island. Matul ħajtu Bartholdi baqa' jżomm is-sjieda tad-dar fejn trabba meta kien żgħir f'Colmar; fl-1922, saret il-Mużew ta' Bartholdi.[4]

Proġetti maġġuri immodifika

Statwa tal-Libertà (Il-Libertà Tillumina d-Dinja) immodifika

 
Faċċata tal-Illustrated Newspaper ta' Frank Leslie, tal-ġimgħa li kienet tintemm fit-13 ta' Ġunju 1885

Ix-xogħol li Bartholdi baqa' l-iktar famuż għalih huwa l-Libertà Tillumina d-Dinja, magħrufa aħjar bħala l-Istatwa tal-Libertà. Ftit wara l-istabbiliment tat-Tielet Repubblika Franċiża, il-proġett biex jinbena xi mafkar adattat biex jintwera s-sentiment ta' fratellanza eżistenti bejn ir-repubbliki tal-Istati Uniti u ta' Franza ġie suġġerit, u fl-1874 l-Union Franco-Américaine (l-Unjoni Franko-Amerikana) ġiet stabbilita minn Edouard de Laboulaye. Raħal twelid Bartholdi fl-Alsace kien għadu kemm għadd taħt il-kontroll tal-Ġermaniżi fil-Gwerra Franko-Prussjana. Dan l-inkwiet rigward id-dar ta' tfulitu fl-Alsace jingħad li kompla qanqal l-interess kbir ta' Bartholdi fl-indipendenza, il-libertà u l-awtodeterminazzjoni. Bartholdi sussegwentement issieħeb fl-Unjoni Franko-Amerikana, u fost il-membri kien hemm Laboulaye, Paul de Rémusat, William Waddington, Henri Martin, Ferdinand Marie de Lesseps, Jean-Baptiste Donatien de Vimeur, il-Konti ta' Rochambeau, Oscar Gilbert Lafayette, François Charles Lorraine, u Louis François Lorraine.

 
L-Istatwa tal-Libertà

Bartholdi ħaddan l-idea ta' statwa enormi u ladarba d-disinn tagħha ġie approvat, l-

Unjoni Franko-Amerikana ġabret iktar minn miljun frank minn Franza kollha għall-kostruzzjoni tagħha. Fl-1879, Bartholdi ngħata l-privattiva tad-disinn, U.S. Patent D11,023, għall-Istatwa tal-Libertà. Fl-4 ta' Lulju 1880, l-istatwa ġiet ittrasportata uffiċjalment għand il-Ministru Amerikan f'Pariġi, u l-avveniment ġie ċċelebraw b'bankett kbir. F'Ottubru 1886, l-istruttura ġiet ippreżentata uffiċjalment bħala r-rigal konġunt tal-poplu Franċiż u Amerikan, u ġiet installata fil-Gżira ta' Bedloe fil-Port ta' New York. Fi Franza kien intqal li wiċċ l-Istatwa tal-Libertà ġie mmudellat fuq wiċċ omm Bartholdi.[10] L-istatwa hija għolja 46 metru, u l-quċċata tat-torċa tinsab f'elevazzjoni ta' 93 metru mil-livell medju tal-baħar. Kienet l-ikbar xogħol tax-xorta tagħha li tlestiet sa dak iż-żmien.[10]

Xogħlijiet f'Colmar immodifika

 
Il-Mużew ta' Bartholdi f'Colmar

Colmar, raħal twelid Bartholdi (fir-reġjun amministrattiv politiku modern tal-Grand Est) għandu għandu ta' statwi u monumenti mill-iskultur, kif ukoll mużew li ġie stabbilit fl-1922 fid-dar fejn kien twieled, f'30, Rue des Marchands.

  • Monument du Général Rapp – 1856 (monument tal-Ġeneral Rapp li ntwera għall-ewwel darba fl-1855 f'Pariġi; l-iktar xogħol maġġuri bikri ta' Bartholdi)
  • "Fontaine Schongauer" – 1863 (Funtana ta' Schongauer quddiem il-Mużew ta' Unterlinden)
  • "Fontaine de l'Amiral Bruat" – 1864 (Funtana tal-Ammirall Bruat)
  • "Fontaine Roeselmann" – 1888 (Funtana ta' Roeselmann)
  • "Monument Hirn" – 1894 (Monument ta' Hirn)
  • "Fontaine Schwendi", 1898 (Funtana ta' Schwendi li tirrappreżenta lil Lazarus von Schwendi)
  • Les grands soutiens du monde − 1902 (statwa fil-bitħa interna tal-mużew)
 
Il-Funtana ta' Bartholdi f'Washington D.C.

Xogħlijiet maġġuri oħra immodifika

Fost ix-xogħlijiet maġġuri oħra ta' Bartholdi hemm varjetà ta' statwi f'Clermont-Ferrand; f'Pariġi, u f'postijiet oħra. Xi xogħlijiet notevoli jinkludu:

  • 1852: Francesca da Rimini
  • 1870: LeVigneron
  • 1876 (verżjoni bil-ġibs fl-1874) : Freġju u erba' trumbettiera anġeliċi fuq it-torri tal-Knisja ta' Brattle Square, f'Boston, Massachusetts, l-Istati Uniti.
  • 1876: Marquis de Lafayette (jew Il-Wasla ta' Lafayette fl-Amerka), twettqet fl-1872, fonduta fl-1873 f'Union Square, fil-Belt ta' New York, l-Istati Uniti.[11]
  • 1878: Il-Funtana ta' Bartholdi fil-Park ta' Bartholdi, il-Ġnien Botaniku tal-Istati Uniti, f'Washington D.C., l-Istati Uniti.
  • 1880: L-Iljun ta' Belfort, f'Belfort, Franza; skultura enormi ta' ljun li jirrappreżenta d-diffikultà kbira tal-Franċiżi li jirreżistu l-assedju ta' Prussja fit-tmiem tal-Gwerra Franko-Prussjana. Opra tal-arti tal-ġibs intweriet fl-1878. Bartholdi kien uffiċjal hu stess matul dan il-perjodu, stazzjonat ma' Garibaldi.
  • 1889: Is-Sokkors tal-Iżvizzera lil Strasburgu f'Basel, l-Iżvizzera, li kien rigal mill-belt Franċiża ta' Strasburgu, bħala apprezzament tal-għajnuna umanitarja li kienet ingħatat matul il-Gwerra Franko-Prussjana.
  • 1890: Statwa tal-Libertà f'Potosí, il-Bolivja.
  • 1892: Funtana ta' Bartholdi, f'Place des Terreaux, f'Lyon, Franza.
  • 1893: Statwa ta' Kristofru Kolombu, fondut fil-fidda għall-Espożizzjoni Kolombjana tal-1892 f'Chicago, Illinois; replika tal-bronż inbniet f'Providence, Rhode Island fl-1893 u tneħħiet f'Ġunju 2020.[12][13]
  • 1895: Monument ta' Lafayette u Washington, f'Place des États-Unis, Pariġi, u replika eżatt bħalha f'Morningside Park, il-Belt ta' New York, l-Istati Uniti.
  • 1903: Vercingetorix, statwa ekwestri f'Place de Jaude, Clermont-Ferrand.
 
L-Iljun ta' Belfort, Franza

Kultura popolari immodifika

The Statue of Liberty huwa film dokumentarju tal-1985 ta' Ken Burns li jiffoka fuq l-istorja tal-istatwa u l-impatt tagħha fuq is-soċjetà.

Il-ħajja ta' Bartholdi u l-kreazzjoni tiegħu ta' l-Libertà Tillumina d-Dinja huma parti wkoll mill-film dokumentarju tal-2019, Liberty: Mother of Exiles.

Referenzi immodifika

  1. ^ "Bartholdi definition and meaning | Collins English Dictionary". www.collinsdictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-02.
  2. ^ a b "BARTHOLDI, AUGUSTE | Definition of BARTHOLDI, AUGUSTE by Oxford Dictionary on Lexico.com also meaning of BARTHOLDI, AUGUSTE". Lexico Dictionaries | English (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-08-02. Miġbur 2021-08-02.
  3. ^ a b ċ Appletons' Cyclopædia of American Biography.
  4. ^ a b ċ d e f ġ g h "Artist Info". www.nga.gov. Miġbur 2021-08-02.
  5. ^ Schenk, Peter. "Mein Leben im Dreiland - Die Freiheitsstatue steht in Colmar". bz - Zeitung für die Region Basel (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-08-02.
  6. ^ Karabell, Zachary (2003). Parting the desert: the creation of the Suez Canal. Alfred A. Knopf. p. 243. ISBN 0-375-40883-5.
  7. ^ Moreno, Barry (10 November 2004). The Statue of Liberty. Arcadia Publishing. ISBN 978-1-4396-3220-8.
  8. ^ Giuseppe Seganti, Massoni Famosi, Rome, Atanòr, 2005, ISBN 88-7169-223-3.
  9. ^ "Visionneuse - Archives de Paris". archives.paris.fr. Miġbur 2021-08-02.
  10. ^ a b Isl, Mailing Address: Liberty; York, New; Us, NY 10004 Phone:363-3200 Contact. "Frequently Asked Questions About the Statue of Liberty - Statue Of Liberty National Monument (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-02.
  11. ^ "Union Square Park Monuments - Marquis de Lafayette : NYC Parks". www.nycgovparks.org. Miġbur 2021-08-02.
  12. ^ "Providence removes statue of Christopher Columbus, its fate unclear". The Providence Journal (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-02.
  13. ^ "Brown Digital Repository | Item | bdr:318514". repository.library.brown.edu. Miġbur 2021-08-02.

Ħoloq esterni immodifika