Charles Clews

kittieb u attur komiku Malti

Charles Clews (Isla, Malta, 27 ta' Settembru 1919 - G'Mangia, 29 ta' Jannar 2009) kien attur komiku Malti.

Charles Clews
Ħajja
Twelid L-Isla, 27 Settembru 1919
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Stat ta' Malta
Malta
Mewt 29 Jannar 2009
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Ħal Luqa
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni attur
kittieb
ġurnalist
komiku
Bust ta' Charles Clews fi ġnien fl-Isla

"Charlie" Clews, kif kien magħruf aħjar, twieled l-Isla fis-27 ta' Settembru 1919 u kien wieħed mill-ewwel vuċijiet li nstemgħu fuq is-sistema tar-Redifussion. Fl-1996 kien ingħata ġieh bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika, filwaqt li fl-1998 ingħata Premju għall-karriera komika tieħu lill-pajjiż.

Qabel beda l-karriera fil-media, Clews kien jaħdem fit-Tarzna ta' Malta, minfejn telaq biex jibda karriera fil-ġurnaliżmu. Biex ikun jista’ jgħin lill-familja tiegħu fir-riżorsi finanzjarji limitati li kellha, huwa kien telaq mill-iskola, għalkemm kien xtaq ħafna jsir perit u jistudja l-Latin, u daħal apprendist fit-Tarzna fejn dam bejn l-1935 u l-1964 bħala ‘engine fitter surveyor’. Iżda minn dejjem kien jistqarr li qalbu hi aktar marbuta mal-palk u r-radju. Fil-fatt, hu beda jirreċta f'raħal twelidu stess qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-karriera pubblika bdiet fi żmien il-Gwerra stess, meta kien jagħmel kunċerti għall-ħaddiema fit-Tarzna li mhux l-ewwel darba twaqqfu ħesrem minn xi bumbardament.

Karriera immodifika

Fl-1945 Charles Clews kien membru tal-kumpanija komika The Stage Commandos u anke parti essenzjali minn Radju Muskettieri. Fil-karriera tiegħu ħadem viċin ħafna mill-aqwa komiċi tal-pajjiż, iżda l-aktar viċin Johnny Catania. Oħrajn kienu jinkludu lil Ġemma Portelli, Vitorin Galea, Johnny Navarro, Terry Bencini, Josette Ciappara, Nosi' Ghirlando u Ġuża Caruana. Fl-istejjer tiegħu kien jieħu gost jinkludi lill-kunjata, impinġija bħala 'mostru', għalkemm kien jiddikjara li fil-verita' kienet 'anġlu'.

Iżda probabbli l-akbar suċċess ta' Clews kienet is-soap opera "It-Tieġ ta' Karmena Abdilla", li għal sentejn sħaħ inżammet fit-Teatru Radio City, u wara kważi daret is-swali kollha ta' Malta u Għawdex bl-interpretazzjoni ta' Nosi' Ghirlando. Clews kien igawdi wkoll popolarita' fl-Awstralja, fejn kien mistieden darbtejn mill-Maltin tal-Awstralja. Aktar riċenti, kien jikteb kontribuzzjonijiet komiċi f'ġurnali lokali.

Kitbiet u Impenji Oħra immodifika

Bogħod mill-komiċità, fis-snin ħamsin hu serva għal tliet snin bħala ċermen tal-Bord taċ-Ċensura għall-Palk u l-Films. Għal ħafna żmien kien jikteb regolarment fil-ġurnali It-Torċa, L-Antenna u Is-Sejħa tal-Ħbiberija. Fl-1964 huwa ngħaqad mal-Union Press bħala ġurnalist u ħadem f’it-Torċa, l-orizzont u l-Malta News u beda jikteb il-kolonna tiegħu fuq it-Torċa fl-1959 meta The Torch saret it-Torċa. Il-kolonna tiegħu kien jisimha "X’kont se ngħid", li baqgħet regolari sa ftit qabel daħal l-isptar fl-2008. Fost l-eluf ta' kitbiet tiegħu nsibu: Ali Babì, Ħotel Żewwiġni u Don Rodrigo (kummiedji mużikali) u L-Imgermda (adattazzjoni ta’ Cinderella). Prof. A. J. Arberry ittraduċielu Dar Fuq ir-Ramel għall-Maltese Anthology. Kiteb madwar ħamsin makjetta, fosthom il-famuża "Rosa Marie".

Ħajja Personali immodifika

Charles Clews iżżewweġ lil Anne fl-1943, u kellu tmint itfal – Hilary (miet qablu l-Kanada), Miriam, Jane, Irene, Norman, Kenneth, Alan u Kevin. Kien proprju l-post fejn illum hemm id-Domus Piju IX f’Bormla fejn Clews beda jirreċta, post li laqqgħu ukoll mal-mara tiegħu Annie, li kienet tmur tarah jirreċta u minn hemm ħadet grazzja miegħu. Huwa għex għal ħafna żmien Bormla.

Eloġji wara mewtu immodifika

  • L-attur John Suda jiddes­krivih bħala l-istorja tat-teatru ta’ Malta u jgħid li hija ħasra li ż-żgħażagħ tal-lum ma jiftakruhx tajjeb u ma jafux kemm kien kittieb tajjeb, ħassieb tajjeb kif ukoll attur u komiku tajjeb. Jgħid ukoll li Clews kien wieħed mill-kbar li qatt kellu pajjiżna u l-kontribut tiegħu kien kbir wisq. “Charles qiegħed fil-ġenna żgur.”
  • Il-Kelliem Ewlieni Laburista għall-Edukazzjoni u Midja Evarist Bartolo flimkien mal-Kelliem Laburista għaż-Żgħażagħ u l-Kultura Owen Bonnici fi stqarrija ddeskrivew lil Charles Clews bħala “Ir-raġel tat-tbissima”, li kellu ħila unika li jnissel tbissima fil-poplu għal snin kontinwi bla ma qatt weġġa’ biċ-ċajt tiegħu. “Il-ħila artistika tiegħu kienet tip­proponi ċajt u reċtar komiku li fis-sinċerità tagħhom kienu jnisslu ferħ f’min jismagħhom kemm waqt żminijiet terribli tal-gwerra kif ukoll fi żminijiet ta’ paċi meta l-poplu ftit kellu fejn jistrieħ u jiddeverti,” tgħid l-istqarrija.
  • Il-Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà mal-familja u qal li Charles Clews ferraħ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin permezz tar-radju, bis-sehem tiegħu fi ‘musicals’, ‘sketches’ u drammi ewlenin u ta’ dan huwa protagonist ewlieni fil-qasam tad-divertiment f’paj­jiżna :) .

Ħoloq esterni immodifika