Għal nies oħra bl-isem ta' Ben Foster, ara Ben Foster (diżambigwazzjoni).

Ben Anthony Foster (twieled fit-3 ta' April 1983) huwa eks-plejer tal-futbol Ingliż li kien jilgħab bħala gowler, l-iktar riċentament ma' Watford.

Ben Foster
Informazzjoni personali
Isem sħiħBen Anthony Foster
Twelid3 ta' April 1983 (1983-04-03) (41 sena)
Leamington SpaIngilterra
Tul1.93 m
RwolGowler
Mixtliet
0000–2000Racing Club Warwick
Karriera professjonali
SninKlabb
2000–2001Racing Club Warwick
2001–2005Stoke City
2002Bristol City (self)
2002–2003→ Tiverton Town (self)
2004→ Stafford Rangers (self)
2004Kidderminster Harriers (self)
2005Wrexham (self)
2005–2010Manchester United
2005–2007Watford (self)
2010–2012Birmingham City
2011–2012West Bromwich Albion (self)
2012–2018West Bromwich Albion
2018–2022Watford
Tim nazzjonali
2007–2014Ingilterra

Karriera immodifika

Racing Club Warwick immodifika

Ben Foster beda l-karriera fil-futbol ma' Racing Club Warwick fis-sena 2000. Hu dam staġun mal-klabb sakemm wara ngħaqad ma' Stoke City.

Stoke City immodifika

Matul iż-żmien ma' Stoke, Foster kellu żmien ta' self ma' Tiverton Town, Bristol City, Stafford Rangers, Kidderminster Harriers u Wrexham. Foster kellu jkun barra mill-azzjoni għal sitt xhur wara li bata minn uġigħ fil-ligament tal-irkoppa.[1]

Manchester United immodifika

Alex Ferguson kien ntebaħ bit-talent ta' Ben Foster meta kien qed jilgħab ma' Wrexham, taħt self minn Stoke, meta l-kowċ ta' United kien qed jara lit-tifel tiegħu, Darren, fil-finali tal-LDV Vans Trophy, li Wrexham rebħu. Manchester United kienu qed ibatu għal xi snin biex jissostitwixxu lil-leġġenda Peter Schmeichel, fil-pożizzjoni ta' gowlkiper, u Ferguson iddeċieda li jikseb il-żagħżugħ Foster b'somma ta' £1 miljun.

Hu ngħaqad ma' Manchester United minn Stoke City fid-19 ta' Lulju 2005. Bejn l-2005 u l-2007, hu ġie msellef lit-tim ta' Watford. Il-kowċ ta' Watford, Aidy Boothroyd, stqarr li "Foster hu aħjar mill-gowlkiper kurrenti ta' Manchester United Edwin van der Sar"[2] u jemmen li "hu se jkun l-aqwa gowlkiper fid-dinja".[3] Ferguson, il-kowċ ta' Manchester United, kompla jistqarr li Foster se jkun is-sostitut għall-post ta' Edwin van der Sar bejn il-lasti ta' United u eventwalment jieħu post Paul Robinson bħala l-"gowlkiper li jmiss tal-Ingilterra".

Foster kellu staġun tajjeb ma' Watford, fejn irċieva tifħir kbir mill-opinjonisti tat-timijiet opposti u kummentaturi. L-istatura u l-kunfidenza tiegħu, kif ukoll l-interventi li għamel fuq ix-xuttijiet kienu mpressjonanti fl-ewwel staġun sħiħ professjonali. Foster għen lil Watford biex jilħqu l-Premier League billi rebħu lil Leeds United fil-finali tal-play-off.

Fl-10 ta' Awissu 2006, Foster reġa' ffirma staġun ieħor ta' self ma' Watford wara li Manchester United assiguraw is-servizzi tal-Pollakk Tomasz Kuszczak taħt self. Foster baqa' f'Vicarage Road għall-istaġun sħiħ 2006-07 hekk kif United ma kellhomx bżonn isejħulu lura.

F'Ġunju 2007, kien imħabbar li Foster kien se jiġi operat minħabba li kien weġġa' fil-ligament tal-irkoppa l-leminija.[4] Ir-ritorn tiegħu wasal f'logħba tar-riservi kontra Middlesbrough fis-6 ta' Marzu 2008. Foster iddebutta ma' Manchester United fil-15 ta' Marzu 2008 kontra Derby County, hekk kif Van der Sar kien imweġġa waqt li Kuszczak kien sospiż. United rebħu 1–0, b'Foster jagħmel żewġ interventi importanti biex żamm l-iskor favur United.

Però, minkejja din il-prestazzjoni, Ferugson ma bediex lil Foster għall-partita kontra Bolton Wanderers, u għażel lil Kuszczak li kien għadu kif serva s-sospensjoni. Ir-raġuni kienet li Foster ma kienx reġistrat, u b'hekk kien ineliġibbli biex jilgħab fil-kompetizzjoni Ewropea, b'hekk Kuszczak kien ikun l-uniku gowlkiper eleġibbli u disponibbli jekk Van der Sar ma jkunx irkupra mill-uġigħ.

Wara li sofra minn waqfa ta' tmien ġimgħat f'Settembru tal-2008 wara li kien għamel waqgħa ħażina fuq l-irkoppa f'logħba mat-tim tar-riservi ta' Manchester United, Foster għamel ir-ritorn tiegħu f'logħba miċ-Champions League kontra Celtic nhar il-5 ta' Novembru 2008. Nhar l-1 ta' Marzu 2009, Alex Ferguson għażel lil Foster bejn il-lasti għall-finali tal-League Cup 2009 ġewwa Wembley Stadium. Wara li l-partita spiċċat mingħajr gowls anke wara l-ħin barrani, waqt l-għoti tal-penalties Foster salva l-penalty mogħti mill-plejer ta' Tottenham Jamie O'Hara. Din, flimkien mal-iżball ta' David Bentley, taw lil United rebħa ta' 4–1 bil-penalties u t-titlu tal-League Cup. Għall-prestazzjoni tiegħu, hu ġie mogħti l-unur tal-plejer tal-partita.

B'Van der Sar imweġġa' għall-ewwel xahrejn tal-istaġun 2009–10, Foster ingħata l-opportunità li jkun in-numru wieħed. Bi prestazzjonijiet li xejn ma impressjonaw, fl-assenza għal darb'oħra ta' Van der Sar, postu ħadu Tomasz Kuszczak.

Birmingham City immodifika

Minħabba li ma kienx garantit logħob regulari mal-United, Foster iffirma kuntratt għal tliet snin ma' Birmingham City nhar id-19 ta' Mejju 2010, bis-somma tilħaq madwar is-6 miljun sterlina.[5] Id-debutt tiegħu wasal fl-ewwel ġurnata tal-istaġun 2010–11 fil-pari ta' 2–2 kontra Sunderland. Mat-tim tal-Birmingham, Foster lagħab fil-finali tal-Carling Cup kontra Arsenal, mirbuħa bl-iskor ta' 2–1, b'dan l-unur ikun l-ewwel trofew maġġuri fi 48 sena.[6].

Internazzjonali immodifika

Fis-26 ta' Mejju 2006, Foster kien imsejjaħ fil-lista temporanja tal-Ingilterra għat-Tazza tad-Dinja 2006, minħabba li Robert Green kien weġġa' f'partita internazzjonali "B" kontra l-Belarus.

Wara li Foster reġa' ffirma self ieħor ma' Watford, hu kien imsejjaħ fl-ewwel tim ta' Steve McClaren bħala wieħed mit-tliet gowlkipers tal-partita ta' ħbiberija kontra l-Greċja. Hu ddebutta mal-Ingilterra fit-telfa tal-Ingilterra 1–0 kontra Spanja fis-7 ta' Frar 2007. Wara li kien ilu madwar sentejn nieqes mill-kamp internazzjonali, il-prestazzjoni tajba li wettaq fil-finali tal-Carling Cup wasslet lil Fabio Capello biex jagħżlu fost l-iskwadra Ingliża u deher bħala sostitut fit-tieni taqsima fir-rebħa ta' 4–0 fuq is-Slovakkja.

Il-prestazzjonijiet inkosistenti mal-United fl-ewwel partiti tal-istaġun 2009–10 wassluh biex ma jiġix mgħajjat fl-iskwadra mmexxiha minn Capello għall-aħħar żewġ konfronti validi għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Madanakollu minħabba li Robert Green ġie mkeċċi kontra l-Ukrajna u David James weġġa' fit-taħriġ, Foster sab ruħu bejn il-lasti kontra l-Belarus. Il-konfront intemm 3–0 favur l-Ingliżi. Ir-raba' partita tiegħu bil-flokk tal-Ingilterra wasal fl-14 ta' Novembru 2009 fil-logħba ta' ħbiberija kontra l-Brażil fil-Qatar, bil-partita tispiċċa f'telfa ta' 1–0.

Referenzi immodifika

  1. ^ "Foster out for six months" (bl-Ingliż). Sky Sports. 2003-06-24. Miġbur 2007-08-19.
  2. ^ Kliem tradotti minn: "He's better than current Manchester United goalkeeper Edwin van der Sar."
  3. ^ Kliem tradotti minn: "He is going to be the best goalkeeper in the world."
  4. ^ "Knee surgery for Man Utd's Foster" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2007-06-06. Miġbur 2007-06-06.
  5. ^ "Birmingham sign Manchester United goalkeeper Ben Foster" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2010-05-19. Miġbur 2010-05-19.
  6. ^ "Blues earn Wembley glory" (bl-Ingliż). Sky Sports. 2011-02-27. Miġbur 2011-02-27.

Ħoloq esterni immodifika