Anġlu Portelli

vigarju ġenerali u isqof Malti

L-Isqof Anġlu Portelli, Franġisku Saverju Portelli, (Valletta, 24 ta' April, 1852 - Valletta, 19 ta Ġunju 1927) kien Vigarju Ġenerali ta' Malta.

Anġlu Portelli
isqof awżiljarju

31 Marzu 1911 -
Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta
isqof titulari

31 Marzu 1911 -
Dioceses: dioċesi ta' Selinonte
vigarju ġenerali

Ħajja
Twelid Valletta, 24 April 1852
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Mewt Valletta, 19 Ġunju 1927
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Taljan
Latin
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
għalliem
Isqof Kattoliku

Patri Dumnikan immodifika

Bin Franġisk u Marija Antonja Vella, Franġisku Saverju ħaddan l-Ordni Dumnikan fil-knisja tad-dumnikani fir-Rabat fit-3 ta Frar tal-1868, semmewh Anġlu u ġie affiljat mal-kunvent tal-Madonna tal-Għar. Sena wara li għamel in-novizzjat fir-Rabat, ipprofessa fit-3 ta Frar tal-1869. Temm l-istudju kollu tal-filosofija u tat-teoloġija fil-Kulleġġ ta S.Tumas ta Akwinu fir-Rabat; fis-sena 1874 laħaq saċerdot u, sentejn wara, ħa l-grad ta Lettur fit-Teoloġija.

Il-Patri lettur ġdid, Portelli, beda minnufih il-karriera akkademika tat-tagħlim fil-Kulleġġ ta S.Tumas, ir-Rabat, matul is-snin 1876-1882 u 1885-1892 għallem diversi suġġetti, fosthom il-filosofija, it-teoloġija u l-Iskrittura Mqaddsa; fis-snin 1887-1892 kien Reġġent tal-Istudji kif ukoll surmast tan-novizzi u l-istudenti li kien hemm fir-Rabat. Fis-sena 1891 ġie lawrjat Majjistru fit-Teoloġija. Waqt li kien jgħallem, il-patrijiet tal-Birgu, fl-1883, għażluh pijol tagħhom; hu aċċetta dan l-uffiċċju kontra qalbu tant li rriżenja qabel ma għalaqlu ż-żmien. Wara, reġa tela jgħallem fil-Kulleġġ ta San Tumas, ir-Rabat.

Patri Portelli kien reliġjużi mill-aktar osservanti li jħobb il-ħajja fil-kunvent, l-istudju u l-appostolat; kien għalhekk li kif temm il-karriera ta tagħlim, fl-1893, ġie assenjat fil-kunvent tal-Portu Salvu, tad-dumnikani fil-Belt. Matul is-snin 1896-1902, hu kien kappillan tal-parroċċa tal-Portu Salvu. Mill-kunvent tal-Belt, p.Portelli seta jilħaq aħjar il-bliet u l-irħula u jaċċetta aktar talbiet li kienu jagħmlulu biex jippriedka; kien jinqala ħafna għal kull xorta ta priedki: paneġierki,kwareżimali, fervorini, konferenzi u priedki oħra ta xi okkażjoni. Ippriedka mhux biss f'Malta u Għawdex, iżda ukoll f'bosta bliet Taljani: Ruma,Torin, Vercelli, Trani u postijiet oħra.

Isqof immodifika

Il-majjistru Portelli għen ħafna lid-Djoċesi ta Malta; kien eżaminatur u mħallef prosinodali, eżaminatur tal-filosofija fis-Seminarju Arċiveskovili, eżaminatur tal-ordinandi u Membru tal-Kummisjoni Djoċesana kontra l-Moderniżmu. Fis-sena 1910 inħatar Viżitatur Appostoliku għall-Kongregazzjonijiet kollha tas-Sorijiet f'Malta u Għawdex; hu wettaq din il-missjoni sa tmiem is-sena. Id-dehen, il-prudenza u l-ħila li wea ssoktar isaħħu l-fiduċja li tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi kellhom fih; jista jkun li għalhekk, fl-1911, inħatar Isqof Titulari ta Selinonte u Awżiljarju tal-Arċisqof ta Malta.

P.Anġlu Portelli ġie kkonsagrat isqof fl-14 ta Mejju tas-sena 1911; bħala Isqof Awżljarju hu għen ħafna lill-Arċisqof P. Pace, li kien imdaħħal sew fiż-żmien. Meta dan miet fl-1914, l-isqof Portelli ġie nominat Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta Malta sakemm, fl-1915, Dom Mawru Caruana laħaq Arċisqof ta Malta; u, fl-istess sena, Portelli sar Vigarju Ġenerali Delegat għad-Djoċesi ta Malta. Matul il-karriera tiegħu, l-Isqsof Portelli fittex li jindiehes u jgħin lil kull klassi ta fidli; kien għalhekk li ġibed is-simpatija tal- Maltin u kien maħbub minnhom ilkoll.

Mewt immodifika

Mons. Anġlu Portelli miet fid-19 ta Ġunju 1927, fid-dar li fiha kien joqgħod, qrib il-kunvent tal-Belt. L-għada li miet, tqiegħed fl-Oratorju tad-Duttrina, qrib sew tad-dar tiegħu, fejn il-fidili setgħu jagħtuh l-aħħar tislima. Fil-għodwa tal-21 ta Ġunju ġie trasportat fil-knisja ta Portu Salvu fejn sarlu funeral solenni li għalih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet ekkleżjastiċi u ċivili; wara nofs inhar, korteo magħmul minn personalitajiet distinti wassal il-katavr tiegħu mill-Knisja tal-Portu Salvu sa Bieb Irjali. Il-funeral tiegħu ntemm fil-knisja tal-Madonna tal-Għar, tad-Dumnikani fir-Rabat, fejn ġie midfun fqabar għalih.