L-alfabett Malti huwa l-alfabett li jintuża sabiex jinkiteb il-Malti. Dan huwa l-uniku alfabett Latin li, miżjud b'xi sinjali dijakritiċi, jintuża biex jesprimi l-fonemi ta' lingwa Semitika.

Kellhom jgħaddu żewġ sekli u iktar minn tnax-il verżjoni biex l-alfabett attwali jiġi stabbilit uffiċjalment fl-1 ta' Jannar 1934. Il-ħolqien ta' dan l-alfabett kien neċessarju sabiex jippermetti lill-Malti biex ma jibqax iktar bħala lingwa mitkellma biss. Dan kollu sar grazzi għal ġabra ta' studjużi Maltin li kienu jiffurmaw l-Akkademja tal-Malti. L-Akkademja kellha taffaċċja diversi diffikultajiet sabiex tadatta l-alfabett Latin f'lingwa Semitika; ix-xena politika, li rat kunflitt bejn sostenituri tal-irredentiżmu Taljan u l-okkupanti Ingliżi, ir-reliġjon u t-tradizzjonijiet kienu ostakli.

L-alfabett jikkonsisti minn 30 ittra:

A a, B b, Ċ ċ, D d, E e, F f, Ġ ġ, G g, GĦ għ, H h, Ħ ħ, I i, IE ie, J j, K k, L l, M m, N n, O o, P p, Q q, R r, S s, T t, U u, V v, W w, X x, Ż ż, Z z.

Storja tal-alfabett immodifika

Il-Malti kien għal ħafna żmien lingwa mitkellma biss; il-popolazzjoni kienet tikkomunika bil-Malti imma kienu jintużaw l-ittri Sqallin sabiex jinkiteb. Fil-fatt, fis-Sikulu-Għarbi bil-Malti, il-kliem u l-kitba fl-arċipelagu Malti segwew evoluzzjoni parallela għal dik fi Sqallija, b'din tal-aħħar mis-Sikulu-Għarbi għall-Isqalli.

Huwa stmat li l-oriġini tal-Malti jmur lura għas-seklu 11,[1] però huwa biss fis-seklu 15 li dehru l-ewwel traċċi ta' kitba bil-Malti grazzi għal atti notarili. Dawn l-atti huma miktubin bl-Isqalli, imma l-ismijiet tal-persuni u l-postijiet huma miktubin bil-Malti flimkien ma' traskrizzjoni fonoloġika u fonetika. L-alfabett użat ma kienx adattat, it-traskrizzjoni kienet b'mod każwali u, għal fonema bil-Malti kienu jikkorrispondu grafemi bl-Isqalli ħafna drabi differenti (it-traskrizzjoni tal-"k" jew "ch" u "i" jew "j" tiegħu kienet tagħti grafija Maltija, "knisja" jew waħda pjuttost Sqallija, "chnisia").[2]

Matul iż-żmien, diversi kittieba ħolqu alfabett tal-Malti biex ikunu jistgħu jiktbu l-Malti bih. Lejn is-seklu 19, biż-żieda sostanzjali ta' letteratura miktuba bil-Malti u bil-pubblikazzjoni ta' ħafna gazzetti bil-Malti, inħasset il-ħtieġa li l-alfabett tal-Malti jiġi standardizzat. Għall-bidu kien hemm individwi li ħolqu alfabett tal-Malti biex jinqdew bih, u kultant, anke bl-iskop li jxerrduh fost il-kittieba l-oħra u fl-iskejjel. Iktar 'il quddiem, twaqqfu bosta għaqdiet bil-għan li joħolqu alfabett u ortografija tal-Malti biex jistandardizzaw il-lingwa. Fost l-individwi u l-għaqdiet li ħolqu alfabett tal-Malti nsibu lil:

Il-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis - 1750 immodifika

Mikiel Anton Vassalli - 1788 immodifika

Francesco Vella - 1831 immodifika

Is-Società Medica - 1841 immodifika

L-Accademia Filologica Maltia - 1843 immodifika

Fortunato Panzavecchia - 1845 immodifika

Giovanni Battista Falzon - 1845 immodifika

Ix-Xirka Xemija - 1880 immodifika

Il-Kumitat tal-Ħamsa - 1894 immodifika

L-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti - 1920 immodifika

Referenzi immodifika

  1. ^ M. Vanhove (1994) pġ. 167.
  2. ^ T. Cardona (1997) pġ. 85.

Biblijografija immodifika

Ħoloq esterni immodifika