Alessandro Volta

fiżiku, kimiku u pijunier tal-elettriku u tal-potenza Taljan

Alessandro Giuseppe Antonio Anastasio Volta ([alesˈsandro ˈvɔlta]; twieled fit-18 ta' Frar 1745 – miet fil-5 ta' Marzu 1827) kien fiżiku, kimiku u Kattoliku lajk Taljan li kien pijunier tal-elettriku u tal-potenza enerġetika li jitqies bħala l-inventur tal-batterija elettrika u dak li skopra l-metan.[1][2][3] Huwa vvinta l-batterija voltajka fl-1799, u rrapporta r-riżultati tal-esperimenti tiegħu fl-1800 b'ittra f'żewġ partijiet lill-President tas-Soċjetà Rjali.[4][5] Permezz ta' din l-invenzjoni, Volta wera bil-provi li l-elettriku seta' jiġi ġġenerat kimikament u mar kontra t-teorija prevalenti li l-elettriku seta' jiġi ġġenerat biss minn ħlejqiet ħajjin. L-invenzjoni ta' Volta ħolqot eċitament xjentifiku kbir u wasslet biex oħrajn iwettqu esperimenti simili, u dan eventwalment wassal għall-iżvilupp tal-qasam tal-elettrokimika.[5]

Alessandro Volta
senatur

1809 - 1814
Ħajja
Twelid Como, 18 Frar 1745
Nazzjonalità Dukat ta' Milan
Repubblika Ċisalpina
Renju tal-Italja
Renju ta' Lombardia-Venezja
Mewt Como, 5 Marzu 1827
Post tad-dfin qabar ta' Alessandro Volta
Familja
Konjuga/i Teresa Peregrini
Ulied
uri
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Latin
Peruano (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni fiżiku
inventur
akkademiku
kimiku
Post tax-xogħol Terranova
Impjegaturi Università ta' Pavia
Premjijiet
Sħubija Accademia Nazionale delle Scienze detta dei XL
Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi
Akkademja Franċiża tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi ta’ Torino
National Virgilian Academy (en) Translate
Koninklijke Nederlandse Akademie van Wetenschappen
Académie des sciences, belles-lettres et arts de Rouen (en) Translate

Volta kiseb ukoll l-ammirazzjoni ta' Napuljun Bonaparte għall-invenzjoni tiegħu, u ġie mistieden fl-Istitut ta' Franza biex juri l-invenzjoni tiegħu lill-membri tal-istitut. Volta kien pjuttost qrib l-imperatur matul ħajtu kollha u tah bosta unuri. Volta kien professur tal-fiżika sperimentali fl-Università ta' Pavia għal kważi 40 sena u kien qisu idolu tal-istudenti tiegħu.[6]

Minkejja s-suċċess professjonali tiegħu, Volta kien persuna iktar inklinata lejn il-ħajja domestika u dan ħareġ fid-dieher lejn l-aħħar snin ta' ħajtu. F'dak iż-żmien kien iħobb jgħix 'il bogħod mill-ħajja pubblika u iktar qrib il-familja tiegħu sa meta eventwalment miet fl-1827 wara sensiela ta' mardiet li bdew fl-1823. Il-volt, l-unità SI tal-potenzjal elettriku, issemmiet għalih.[6]

Ħajja bikrija u xogħlijiet immodifika

Volta twieled f'Como, raħal fit-Tramuntana tal-Italja, fit-18 ta' Frar 1745. Fl-1794, Volta żżewweġ mara aristokratika minn Como wkoll, Teresa Peregrini, u magħha rabba tliet subien: Zanino, Flaminio, u Luigi. Missieru, Filippo Volta, kien imnissel minn familja nobbli. Ommu, Donna Maddalena, kienet mill-familja Inzaghi.[7]

Fl-1774, huwa sar professur tal-fiżika fl-Iskola Rjali f'Como. Sena wara, huwa tejjeb u popolarizza l-elettroforu, apparat li kien jipproduċi l-elettriku statiku. Il-promozzjoni ta' dan l-apparat min-naħa tiegħu tant kienet estensiva li spiss jitqies bħala l-inventur, għalkemm makkinarju li kien jaħdem bl-istess prinċipju kien ġie deskritt fl-1762 mill-isperimentatur Żvediż Johan Wilcke.[8] Fl-1777, huwa vvjaġġa fl-Iżvizzera. Hemmhekk għamel ħbieb ma' H. B. de Saussure.

Fis-snin bejn l-1776 u l-1778, Volta studja x-xjenza kimika tal-gassijiet. Huwa rriċerka u skopra l-metan wara li qara saġġ ta' Benjamin Franklin tal-Istati Uniti dwar l-"arja fjammabbli". F'Novembru 1776, huwa sab il-metan fl-imraġ ta' Angera fil-Lago Maggiore[9], u sal-1778 huwa rnexxielu jiżola l-metan.[10] Huwa wettaq esperimenti bħat-tqabbid tal-metan permezz ta' sparkjatura elettrika f'kompartiment magħluq.

Volta studja wkoll dak li issa nsejħu kapaċitanza elettrika, u żviluppa mezzi separati biex jistudja l-potenzjal elettriku (V) u l-karga (Q), u skopra li għal oġġett partikolari, dawn ikunu proporzjonali. Din tissejjaħ il-Liġi tal-Kapiċitanza ta' Volta, u għal dan ix-xogħol l-unità tal-potenzjal elettriku ngħatat kunjomu.[11]

Fl-1779, huwa sar professur tal-fiżika sperimentali fl-Università ta' Pavia, kariga li okkupa għal kważi 40 sena.[6]

Volta u Galvani immodifika

 
Batterija voltajka fil-Mużew ta' Tempio Voltiano, Como

Luigi Galvani, fiżiku Taljan, skopra xi ħaġa li semmiha "elettriku tal-annimali", meta żewġ metalli differenti ġew konnessi f'serje ma' sieq ta' żrinġ u ma' xulxin. Volta rrealizza li sieq iż-żrinġ serviet kemm bħala konduttur tal-elettriku (li issa nistgħu nsejħu elettrolit) kif ukoll bħala detettur tal-elettriku. Huwa fehem ukoll li sieq iż-żrinġ kien irrelevanti għall-kurrent elettriku, li kien ikkawżat miż-żewġ metalli differenti.[12] Huwa ssostitwixxa sieq iż-żrinġ b'biċċa karta miblula fis-salmura, u qagħad attent għall-fluss tal-elettriku b'mezzi oħra li kien familjari magħhom minn studji preċedenti tiegħu. B'dan il-mod huwa skopra s-serje elettrokimika, u l-liġi li l-forza elettromotiva (emf) ta' ċellola galvanika, magħmula minn par elettrodi tal-metall isseparati b'elettrolit, hija d-differenza bejn iż-żewġ potenzjali tal-elettrodi (għaldaqstant, żewġ elettrodi identiċi u elettrolit komuni jwasslu għal emf nett ta' żero). Din il-liġi tista' tissejjaħ il-Liġi ta' Volta dwar is-serje elettrokimika.

Fl-1800, bħala riżultat ta' nuqqas ta' qbil professjonali fuq ir-rispons galvaniku sostnut minn Galvani, Volta vvinta l-batterija voltajka, batterija elettrika bikrija, li kienet tipproduċi kurrent elettriku stabbli.[13] Volta ddetermina li l-iżjed par effettiv ta' metalli differenti biex jiġi prodott l-elettriku kienu ż-żingu u r-ram. Inizjalment sperimenta b'ċelloli individwali f'serje, u kull ċellola kienet magħmula minn kalċi tal-inbid mimli salmura b'żewġ elettrodi differenti mdaħħlin. Il-batteriji voltajċi ssostitwew il-kalċijiet b'kartun miblul fis-salmura.

Batterija bikrija immodifika

 
Batterija voltajka

Meta ħabbar l-iskoperta tiegħu tal-batterija voltajka, Volta ta ġieħ lil William Nicholson, Tiberius Cavallo, u Abraham Bennet għall-influwenzi tagħhom.[14]

Il-batterija magħmula minn Volta titqies bħala waħda mill-ewwel ċelloli elettrokimiċi. Tikkonsisti minn żewġ elettrodi: wieħed taż-żingu, u l-ieħor tar-ram. L-elettrolit ikun aċidu tal-kubrit imħallat bl-ilma jew tip ta' salmura tal-ilma baħar. L-elettrolit jeżisti bħala 2 H+ u SO2−4. Il-metall taż-żingu, li huwa ogħla fis-serje elettrokimika meta mqabbla mar-ram u mal-idroġenu, jiġi ossidat ma' katjoni taż-żingu (Zn2+) u joħloq elettroni li jimxu lejn l-elettrodu tar-ram. Il-joni tal-idroġenu b'karga pożittiva (protoni) jaqbdu l-elettroni mill-elettrodu tar-ram, u jiffurmaw bżieżaq tal-gass tal-idroġenu, H2. B'hekk, il-virga taż-żingu ssir l-elettrodu negattiv u l-virga tar-ram issir l-elettrodu pożittiv. Għaldaqstant, ikun hemm żewġ terminals, u fluss ta' kurrent elettriku jekk jiġu konnessi. Ir-reazzjonijiet kimiċi f'din iċ-ċellola voltajka jkunu kif ġej:

Żingu:
Zn Zn2+ + 2e
Aċidu tal-kubrit:
2H+ + 2e H2

Il-metall tar-ram ma jirreaġixxix, iżda minflok jiffunzjona bħala elettrodi għall-kurrent elettriku. L-anjon tas-sulfati (SO2−4) ma jkollu l-ebda reazzjoni kimika lanqas, iżda jkun hemm migrazzjoni lejn l-anodu taż-żingu biex jikkumpensa għall-karga tal-katjoni taż-żingu li jiffurmaw hemmhekk. Madankollu, din iċ-ċellola fiha wkoll xi żvantaġġi. L-immaniġġar tagħha mhuwiex sikur, peress li l-aċidu tal-kubrit, anke jekk jiġi dilwit, jista' jkun perikoluż. Barra minn hekk, il-potenza taċ-ċellola tmajna biż-żmien minħabba li l-gass tal-idroġenu ma jiġix irrilaxxat. Minflok, jakkumla fuq is-superfiċe tal-elettrodu tar-ram u jifforma barriera fiżika bejn il-metall u s-soluzzjoni tal-elettrolit.

L-aħħar snin u rtirar immodifika

 
Pittura ta' Volta hu u jispjega l-prinċipju tal-"kolonna elettrika" lil Napuljun fl-1801, magħmula minn Bertini

Fl-1809, Volta sar membru assoċjat tal-Istitut Irjali tan-Netherlands.[15] Għax-xogħol li wettaq, Volta ngħata t-titlu ta' konti minn Napuljun Bonaparte fl-1810.

Volta rtira fl-1819 fil-villa tiegħu f'Camnago, raħal żgħir qrib Como, l-Italja, issa msejjaħ "Camnago Volta" biex jagħtih ġieħ. Volta miet hemmhekk fil-5 ta' Marzu 1827, ftit wara li għalaq 82 sena. Il-katavru ta' Volta huwa midfun f'Camnago Volta.[16]

Legat immodifika

Il-legat ta' Volta jiġi ċċelebrat mill-mafkar ta' Tempio Voltiano li jinsab fil-ġonna pubbliċi qrib il-lag. Hemm ukoll mużew li nbena f'ismu, li jeżebixxi wħud mill-apparati li Volta uża biex iwettaq l-esperimenti tiegħu. Fil-qrib hemm Villa Olmo, li tospita l-Fondazzjoni ta' Volta, organizzazzjoni li tippromwovi l-attivitajiet xjentifiċi. Volta wettaq l-istudji sperimentali tiegħu u pproduċa l-ewwel invenzjonijiet tiegħu qrib Como.[17]

L-immaġni tiegħu kienet tidher fuq il-karta tal-flus Taljana ta' 10,000 lire note (1990–1997) flimkien ma' skizz tal-batterija voltajka tiegħu.[18]

Fl-aħħar tal-2017, Nvidia ħabbret mikroarkitettura ġdida msejħa Volta, wara dik ta' Pascal u qabel dik ta' Turing. L-ewwel kards grafiċi bil-Volta ġew irrilaxxati f'Diċembru 2017, u żewġ kards oħra ġew irrilaxxati matul l-2018.

L-ispeċi ta' sallura elettrika, Electrophorus voltai, deskritta fl-2019 u l-iktar produttur ta' bijoelettriku qawwi fin-natura, ingħatat kunjom Volta.[19]

Twemmin reliġjuż immodifika

Volta trabba bħala Kattoliku u għal ħajtu kollha pprattika dan it-twemmin.[20] Peress li ma ġiex ordnat bħala membru tal-kleru kif kienet qed tistenna familtu, xi kultant kien jiġi akkużat li ma kienx reliġjuż u xi nies spekulaw dwar in-nuqqas possibli ta' twemmin tiegħu, u saħqu li "ma ngħaqadx mal-Knisja"[21], jew li virtwalment "injora s-sejħa tal-Knisja".[22] Madankollu, huwa neħħa kull dubju f'dikjarazzjoni tal-fidi fejn qal:

Ma nistax nifhem kif xi ħadd jista' jiddubita s-sinċerità u l-kostanza tal-għożża tiegħi għar-reliġjon li nipprattika, ir-reliġjon Rumana, Kattolika u Appostolika li jien twieled u trabbejt fiha, u li dejjem esprimejt, kemm esternament kif ukoll internament. Tabilħaqq, u pjuttost sikwit, ma rnexxilix inwettaq l-affarijiet tajbin li jwettaq Kristjan Kattoliku, u għamilt bosta dnubijiet: iżda bis-saħħa tal-ħniena speċjali ta' Alla, qatt, sa fejn naf jien, ma mort kontra t-twemmin tiegħi... F'dan it-twemmin li nirrikonoxxi bħala rigal pur ta' Alla, u grazzja supernaturali; ma injorajtx dawk il-mezzi umani li jikkonfermaw it-twemmin, u li jkeċċu d-dubji li xi kultant ifeġġu. Studjajt bir-reqqa r-raġunijiet u l-bażi tar-reliġjon, ix-xogħlijiet tal-apoloġisti u tal-assalituri, ir-raġunijiet favur u kontra, u nista' ngħid li r-riżultat ta' dan l-istudju kien li jlibbes ir-reliġjon b'grad ta' tant probabbiltà, anke sempliċement minħabba r-raġuni naturali, li kull spirtu mhux maħkum mid-dnub u miż-żina, kull spirtu naturalment nobbli għandu jħobb u jaċċetta r-reliġjon. Nittama li din id-dikjarazzjoni tiegħi li ntalbitli u li ridt nagħti, miktuba u sottoskritta minni stess, bl-awtorità li tintwera lil kull min ikun irid jaraha, għaliex ma nistħix mill-Vanġelu, tagħti l-frott![23][24]

 
Il-paġna ta' quddiem tad-De vi attractiva ignis electrici

Pubblikazzjonijiet immodifika

  • De vi attractiva ignis electrici, Novo Comi: Typis Octavii Staurenghi. 1769.

Kollezzjonijiet inqas magħrufa immodifika

  • Briefe über thierische elektricität (1900) (Letters about thieric electricity, Disponibbli permezz tal-libreriji ta' Worldcat.org, Leipzig, W. Engelmann, pubblikatur)
  • Untersuchungen über den Galvanismus, 1796 bis 1800 (Studies on Galvanism, Disponibbli permezz tal-libreriji ta' Worldcat.org)
  • Del modo di render sensibilissima la più debole elettricità sia naturale, sia artificiale (Of the method of rendering very sensible the weakest natural or artificial electricity By Mr. Alexander Volta, Professur tal-Filosofija Sperimentali f'Como, Moqri fis-Soċjetà Rjali fl-14 ta' Marzu 1782, Disponibbli permezz tal-libreriji ta' Worldcat.org)

Referenzi immodifika

  1. ^ Pancaldi, Giuliano (2003). Volta, Science and Culture in the Age of Enlightenment. Princeton Univ. Press. ISBN 978-0-691-12226-7.
  2. ^ Alberto Gigli Berzolari, "Volta's Teaching in Como and Pavia" - Nuova voltiana.
  3. ^ "Engineering Hall of Fame". edisontechcenter.org. Miġbur 2022-02-19.
  4. ^ "Milestones:Volta's Electrical Battery Invention, 1799 - ETHW". ethw.org. Miġbur 2022-02-19.
  5. ^ a b Russell2003-08-01T00:00:00+01:00, Colin. "Enterprise and electrolysis..." Chemistry World (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-19.
  6. ^ a b ċ Munro, John (1902). Pioneers of Electricity; Or, Short Lives of the Great Electricians. Londra: The Religious Tract Society. pp. 89–102.
  7. ^ "Life and works". web.archive.org. 2015-02-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-02-21. Miġbur 2022-02-19.
  8. ^ Joh. Carl Wilcke (1762) "Ytterligare rön och försök om contraira electriciteterne vid laddningen och därtil hörande delar" (Additional findings and experiments on the opposing electric charges [that are created] during charging, and parts related thereto) Kongliga Svenska Vetenskaps Academiens Handlingar (Proceedings of the Royal Swedish Science Academy), vol. 23, pp. 206–229, 245–266.
  9. ^ Alessandro Volta, Lettere del Signor Don Alessandro Volta ... Sull' Aria Inflammabile Nativa delle Paludi (Milan, l-Italja: Giuseppe Marelli, 1777).
  10. ^ Methane Summary (bl-Ingliż).
  11. ^ Williams, Jeffrey Huw (2014). Defining and Measuring Nature: The Make of All Things. Morgan & Claypool. ISBN 978-1-627-05278-8.
  12. ^ Price, Derek deSolla (1982). On the Brink of Tomorrow: Frontiers of Science. Washington D.C.: National Geographic Society. pp. 16–17.
  13. ^ Robert Routledge (1881). A popular history of science (2nd ed.). G. Routledge and Sons. p. 553. ISBN 0-415-38381-1.
  14. ^ Notes and Records of the Royal Society of London. 53 (1): 59–78.
  15. ^ "KNAW Historisch Ledenbestand | Digitaal Wetenschapshistorisch Centrum". web.archive.org. 2015-09-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-09-03. Miġbur 2022-02-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ "Volta". web.archive.org. 2009-04-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-08. Miġbur 2022-02-19.
  17. ^ "Villa Olmo". web.archive.org. 2009-02-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-02-10. Miġbur 2022-02-19.
  18. ^ Desmond, Kevin (2016). Innovators in Battery Technology: Profiles of 95 Influential Electrochemists. McFarland. p. 235. ISBN 9781476622781.
  19. ^ Nature Communications. 10 (1): 4000.
  20. ^ "Gli scienziati cattolici che hanno fatto lItalia | ZENIT - Il mondo v…". archive.ph. 2013-04-16. Miġbur 2022-02-19.
  21. ^ Hart-Davis, Dr Adam John, (born 4 July 1943), freelance writer, since 1994. Oxford University Press. 2007-12-01. Miġbur 2022-02-19.
  22. ^ Michael Brian Schiffer (2003), Draw the Lightning Down: Benjamin Franklin and Electrical Technology in the Age of Enlightenment. University of California Press. p. 55.
  23. ^ Kneller, Karl Alois, Christianity and the leaders of modern science; a contribution to the history of culture in the nineteenth century (1911), p. 117–118.
  24. ^ Alessandro Volta. 1955. Epistolario, Volume 5. Zanichelli. p. 29.