Żooloġija

studju tar-renju tal-annimali

Iż-żooloġija hija l-fergħa tal-bijoloġija li tistudja r-renju tal-annimali, inkluż l-istruttura, l-embrijunoloġija, l-evoluzzjoni, il-klassifikazzjoni, id-drawwiet u d-distribuzzjoni tal-annimali kollha, kemm ħajjin kif ukoll estinti, u kif jinteraġixxu mal-ekosistemi tagħhom. It-terminu joriġina mill-Grieg Antik ζῷον, zōion, jiġifieri “annimal” u λόγος, logos, jiġifieri “għarfien, studju”.[1]

Storja immodifika

Storja antika sa Darwin immodifika

 
Conrad Gesner (1516-1565). Ix-xogħol tiegħu Historiae animalium jitqies bħal il-bidu taż-żooloġija moderna.

L-istorja taż-żooloġija tittraċċa l-istudju tar-renju tal-annimali minn żmien il-qedem saż-żminijiet moderni. Għalkemm il-kunċett taż-żooloġija bħala qasam koerenti uniku tfaċċa ferm iktar tard, ix-xjenzi żooloġiċi feġġew mill-istorja naturali, u jmorru lura għax-xogħlijiet bijoloġiċi ta’ Aristotli u Galen fid-dinja tal-Greċja Antika u ta’ Ruma Antika. Dan ix-xogħol antik kompla jiġi żviluppat iktar fil-Medjuevu mill-fiżiċi Musulmani u minn studjużi bħal Albertus Magnus.[2][3][4] Matul ir-Rinaxximent u l-perjodu modern bikri, il-ħsieb żooloġiku ġie rrivoluzzjonat fl-Ewropa minn interess imġedded fl-empiriċiżmu u fl-iskoperta ta’ ħafna organiżmi ġodda. Individwi prominenti f’dan il-moviment kienu Vesalius u William Harvey, li użaw l-esperimentazzjoni u l-osservazzjoni bir-reqqa fil-fiżjoloġija, u naturalisti bħal Carl Linnaeus, Jean-Baptiste Lamarck, u Georges-Louis Leclerc De Buffon li bdew jikklassifikaw id-diversità tal-ħajja u tal-fossili, kif ukoll l-iżvilupp u l-imġiba tal-organiżmi. Il-mikroskopija żvelat id-dinja tal-mikroorganiżmi li qabel ma kinitx magħrufa, u wittiet it-triq għat-teorija taċ-ċelloli.[5] L-importanza dejjem tikber tat-teoloġija naturali, parzjalment bħala rispons għall-filosofija mekkanika li kienet qabdet ġmielha, ħeġġet it-tkabbir tal-istorja naturali (għalkemm sejset l-argument mid-disinn). Matul is-sekli 18, 19 u 20, kulma jmur iż-żooloġija saret dixxiplina xjentifika professjonali. Esploraturi u naturalisti bħal Alexander von Humboldt investigaw l-interazzjoni bejn l-organiżmi u l-ambjent tagħhom, u l-modi kif din ir-relazzjoni tiddependi fuq il-ġeografija, u b’hekk wittew it-triq għall-bijoġeografija, għall-ekoloġija u għall-etoloġija. In-naturalisti bdew jirrifjutaw l-essenzjaliżmu u bdew jikkunsidraw l-importanza tal-estinzjoni u tal-mutabbiltà tal-ispeċijiet. It-teorija taċ-ċelloli pprovdiet perspettiva ġdida dwar il-bażi fundamentali tal-ħajja.[6][7]

Wara Darwin immodifika

Dawn l-iżviluppi, kif ukoll ir-riżultati mill-embrijunoloġija u mill-paleontoloġija, ġew sintetizzati fit-teorija tal-evoluzzjoni bis-selezzjoni naturali ta’ Charles Darwin. Fl-1859, Darwin rifed it-teorija tal-evoluzzjoni organika fuq pedament ġdid, bis-saħħa tal-iskoperta tiegħu ta’ proċess li permezz tiegħu tista’ sseħħ l-evoluzzjoni organika, u pprovda evidenza li biha wieħed seta’ josserva din l-evoluzzjoni kienet seħħet.[8] Darwin ta direzzjoni ġdida lill-morfoloġija u lill-fiżjoloġija, billi għaqqadhom f’teorija bijoloġika komuni: it-teorija tal-evoluzzjoni organika. Ir-riżultat kien rikostruzzjoni tal-klassifikazzjoni tal-annimali abbażi tal-ġenealoġija, investigazzjoni ġdida tal-iżvilupp tal-annimali, u tentattivi bikrin li jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet ġenetiċi tagħhom. It-tmiem tas-seklu 19 ġab miegħu l-waqgħa tal-ġenerazzjoni spontanja u minflok qabdet it-teorija tal-mard bil-ġermi, għalkemm il-mekkaniżmu tal-wirt ġenertiku kien għadu misteru. Fil-bidu tas-seklu 20, l-iskoperta mill-ġdid tax-xogħol ta’ Mendel wassal għall-iżvilupp rapidu tal-ġenetika, u sas-snin 30 tas-seklu 20 il-kombinazzjoni tal-ġenetika tal-popolazzjonijiet u tas-selezzjoni naturali fis-sintesi moderna ħolqot il-bijoloġi evoluzzjonarja.[9]

Riċerka immodifika

Strutturali immodifika

Il-bijoloġija taċ-ċelloli tistudja l-karatteristiċi strutturali u fiżjoloġiċi taċ-ċelloli, inkluż l-imġiba, l-interazzjonijiet u l-ambjent tagħhom. Dan isir kemm fuq livell mikroskopiku kif ukoll fuq livell molekolari, għall-organiżmi b’ċellola waħda bħall-batterji kif ukoll għaċ-ċelloli speċjalizzati f’organiżmi b’diversi ċelloli bħall-bnedmin. Il-fehim tal-istruttura u tal-funzjoni taċ-ċelloli huwa fundamentali għax-xjenzi bijoloġiċi kollha. Ix-xebh u d-differenzi bejn it-tipi ta’ ċelloli huma partikolarment rilevanti għall-bijoloġija molekolari.

L-anatomija tikkunsidra l-forom ta’ strutturi makroskopiċi bħall-organi u s-sistemi tal-organi.[10] Din tiffoka fuq kif l-organi u s-sistemi tal-organi jaħdmu flimkien fil-ġisem tal-bnedmin u tal-annimali, u kif jaħdmu b’mod indipendenti. L-anatomija u l-bijoloġija taċ-ċelloli huma żewġ studji li huma relatati mill-qrib ma’ xulxin, u jistgħu jiġu kkategorizzati bħala studji “strutturali”.

Fiżjoloġika immodifika

 
Inċiżjoni anatomika ta’ kelb mill-Handbuch der Anatomie der Tiere für Künstler.

Il-fiżjoloġija tistudja l-proċessi mekkaniċi, fiżiċi u bijokimiċi tal-organiżmi ħajjin billi tipprova tifhem kif l-istrutturi kollha jaħdmu flimkien. It-tema tal-“istruttura għall-funzjoni” hija ċentrali għall-bijoloġija. L-istudji fiżjoloġiċi tradizzjonalment ġew maqsuma fil-fiżjoloġija tal-pjanti u fil-fiżjoloġija tal-annimali, iżda xi prinċipji tal-fiżjoloġija huma universali, ikun xi jkun l-organiżmu li jkun qed jiġi studjat. Pereżempju, dak li wieħed jitgħallem dwar il-fiżjoloġija taċ-ċelloli tal-ħmira japplika wkoll għaċ-ċelloli tal-bnedmin. Il-qasam tal-fiżjoloġija tal-annimali jestendi l-għodod u l-metodi tal-fiżjoloġija tal-bniedem għal speċijiet mhux umani. Il-fiżjoloġija tistudja pereżempju kif jiffunzjonaw u jinteraġixxu s-sistemi nervużi, immunitarji, endokrinali, respiratorji u ċirkolatorji.

Evoluzzjonarja immodifika

Ir-riċerka evoluzzjonarja għandha x’taqsam mal-oriġini u mad-dixxendenza tal-ispeċijiet, kif ukoll mal-bidla tagħhom tul iż-żmien, u tinkludi lix-xjentisti minn ħafna dixxiplini orjentati lejn it-tassonomija. Pereżempju, ġeneralment tinvolvi lix-xjentisti li jkollhom taħriġ speċjali f’organiżmi partikolari bħall-mammoloġija, l-ornitoloġija, erpetoloġija jew l-entomoloġija, iżda li jużaw dawk l-organiżmi bħala sistemi biex iwieġbu mistoqsijiet ġenerali dwar l-evoluzzjoni.

Il-bijoloġija evoluzzjonarja hija parzjalment ibbażata fuq il-paleontoloġija, li tuża l-fossili biex twieġeb mistoqsijiet dwar il-modalità u r-ritmu tal-evoluzzjoni[11], u parzjalment fuq l-iżviluppi f’oqsma bħall-ġenetika tal-popolazzjonijiet[12] u t-teorija evoluzzjonarja. Wara l-iżvilupp tat-tekniki tat-teħid tal-impronti tad-DNA fl-aħħar tas-seklu 20, l-applikazzjoni ta’ dawn it-tekniki fiż-żooloġija żiedet il-fehim tal-popolazzjonijiet tal-annimali.[13] Fis-snin 80 tas-seklu 20, il-bijoloġija tal-iżvilupp reġgħet iddaħħlet fil-bijoloġija evoluzzjonarja wara l-esklużjoni inizjali tagħha mis-sintesi moderna permezz tal-istudju tal-bijoloġija tal-iż-żvilupp tal-evoluzzjoni.[14] Oqsma relatati li sikwit jitqiesu bħala parti mill-bijoloġija evoluzzjonarja huma l-filoġenetika, ix-xjenza sistematika u t-tassonomija.

Klassifikazzjoni immodifika

Il-klassifikazzjoni xjentifika fiż-żooloġija hija metodu li permezz tiegħu ż-żoologi jpoġġu l-organiżmi fi gruppi u f’kategoriji skont it-tip bijoloġiku tagħhom, bħall-ġeneru jew l-ispeċi. Il-klassifikazzjoni bijoloġika hija forma ta’ tassonomija xjentifika. Il-klassifikazzjoni bijoloġika moderna oriġinat bis-saħħa tax-xogħol ta’ Carl Linnaeus, li poġġa l-ispeċijiet fi gruppi skont karatteristiċi fiżiċi kondiviżi. Minn dak iż-żmien ’l hawn, dawk ir-raggruppamenti ġew reveduti biex tittejjeb il-konsistenza mal-prinċipju ta’ Darwin ta’ dixxendenza komuni. Il-filoġenetika molekolari, li tuża s-sekwenzi tad-DNA bħala data, wasslet għal ħafna reviżjonijiet reċenti u x’aktarx li se tkompli tagħmel dan. Il-klassifikazzjoni bijoloġika hija parti mix-xjenza sistematika żooloġika.

 
It-tabella tar-renju tal-annimali ta’ Linnaeus mill-ewwel edizzjoni tas-Systema Naturae (1735).

Ħafna xjentisti issa jikkunsidraw li s-sistema ta’ ħames renji ma għadhiex tapplika għal żminijietna. Sistemi alternattivi u moderni ta’ klassifikazzjoni ġeneralment jibdew b’sistema ta’ tliet dominji: Archaea (originally Archaebacteria); Bacteria (oriġinarjament Eubacteria); Eukaryota (inkluż il-protisti, il-fungi, il-pjanti u l-annimali). Dawn id-dominji jirriflettu jekk iċ-ċelloli għandhomx nuklei jew le, kif ukoll id-differenzi fil-kompożizzjoni kimika tal-karatteristiċi esterni taċ-ċelloli.[15]

Barra minn hekk, kull renju jiġi diviż ulterjorment sakemm kull speċi tiġi kklassifikata b’mod separat. L-ordni hija: dominju; renju; filu; klassi; ordni; familja; ġeneru; speċi. L-isem xjentifika ta’ organiżmu jiġi ġġenerat mill-ġeneru u mill-ispeċi. Pereżempju, il-bnedmin huma elenkati bħala Homo sapiens. Homo huwa l-ġeneru, u sapiens huwa l-epitetu speċifiku, u t-tnejn li huma flimkien iwasslu għal isem l-ispeċi. Meta jinkiteb l-isem xjentifiku ta’ organiżmu, jixraq li l-ewwel ittra tal-ġeneru tinkiteb b’ittra kapitali u l-epitetu speċifiku jinkiteb b’ittri żgħar. L-isem xjentifiku kollu jinkiteb ukoll bil-korsiv jew jiġi sottolinjat.[16] Is-sistema tal-klassifikazzjoni dominanti tissejjaħ it-tassonomija ta’ Linnaeus. Tinkludi l-klassifiki u n-nomenklatura binomja. Il-klassifikazzjoni, it-tassonomija u n-nomenklatura tal-organiżmi żooloġiċi jiġu amministrati mill-Kodiċi Internazzjonali tan-Nomenklatura Żooloġika. Abbozz ta’ standardizzazzjoni, imsejjaħ BioCode, ġie ppubblikat fl-1997 f’tentattiv ta’ standardizzazzjoni tan-nomenklatura, iżda dan għadu jrid jiġi adottat formalment.[17]

Etoloġija immodifika

 
Il-frieħ tal-gawwi tar-Repubblika Dominicana (Larus dominicanus) inaqqru tikka ħamra fuq munqar ommhom biex jistimolaw rifless ta’ regurġitazzjoni tal-alka biex jingħalfu.

L-etoloġija hija l-istudju xjentifiku u oġġettiv tal-imġiba tal-annimali f’kundizzjonijiet naturali, għad-differenza tal-istudju komportamentali, li jiffoka fuq studji tar-rispons komportamentali f’ambjent tal-laboratorju. L-etologi ħadmu b’mod partikolari fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-imġiba u l-fehim tal-imġiba f’termini tat-teorija tas-selezzjoni naturali. Sa ċertu punt, l-ewwel etologu modern kien Charles Darwin, u l-ktieb tiegħu The Expression of the Emotions in Man and Animals influwenza ħafna etologi futuri.[18]

Bijoġeografija immodifika

Il-bijoġeografija tistudja d-distribuzzjoni spazjali tal-organiżmi fid-Dinja[19], u tiffoka fuq suġġetti bħat-tettonika tal-plakek, it-tibdil fil-klima, it-tixrid u l-migrazzjoni, u l-kladistika. Hemm qbil b’mod ġenerali li l-ħolqien ta’ dan l-istudju kien frott ix-xogħol ta’ Alfred Russel Wallace, bijologu Brittaniku li kellu xi xogħlijiet minn tiegħu li ġew ippubblikati b’mod konġunt ma’ Charles Darwin.

Fergħat taż-żooloġija immodifika

Minkejja li l-istudju tal-annimali huwa antik, l-istudju xjentifiku huwa relattivament modern. Dan jirrifletti t-tranżizzjoni mill-istorja naturali għall-bijoloġija fil-bidu tas-seklu 19. Minn żmien Hunter u Cuvier, l-istudju anatomiku komparattiv ġie assoċjat mal-morfografija, filwaqt li sawwar l-oqsma moderni tal-investigazzjoni żooloġiku: l-anatomija, il-fiżjoloġija, l-istoloġija, l-embrijunoloġija, it-teratoloġija u l-etoloġija. Iż-żooloġija moderna feġġet għall-ewwel darba fl-universitajiet Ġermaniżi u Brittaniċi. Fir-Renju Unit, Thomas Henry Huxley kien figura prominenti. L-ideat tiegħu kienu ċċentrati fuq il-morfoloġija tal-annimali. Ħafna jikkunsidrawh bħala l-aqwa anatomista komparattiv tat-tieni nofs tas-seklu 19. Bl-istess mod bħal Hunter, il-korsijiet tiegħu kienu magħmulin minn lekċers u minn klassijiet prattiċi fil-laboratorju, b’kuntrast mal-format preċedenti ta’ lekċers biss.

Gradwalment, iż-żooloġija twessgħet lil hinn mill-anatomija komparattiva ta’ Huxley biss biex tinkludi s-sottodixxiplini li ġejjin:

  • iż-żoografija, magħrufa wkoll bħala żooloġija deskrittiva, hija x-xjenza applikata tad-deskrizzjoni tal-annimali u l-ħabitats tagħhom;
  • l-anatomija komparattiva li tistudja l-istruttura tal-annimali;
  • il-fiżjoloġija tal-annimali;
  • l-ekoloġija komportamentali;
  • l-etoloġija li tistudja l-imġiba tal-annimali;
  • iż-żooloġija konjittiva;
  • iż-żooloġija tal-invertebrati;
  • iż-żooloġija tal-vertebrati;
  • iż-żooloġija tal-ħamrija;
  • id-diversi dixxiplini orjentati lejn it-tassonomija bħall-mammaloġija, l-antropoloġija bijoloġika, l-erpetoloġija, l-ornitoloġija, l-ittjoloġija, u l-entomoloġija, jidentifikaw u jikklassifikaw l-ispeċijiet kif ukoll jistudjaw l-istrutturi u l-mekkaniżmi speċifiċi ta’ dawk il-gruppi.

Oqsma relatati:

  • il-bijoloġija evoluzzjonarja: l-iżvilupp tal-annimali u tal-pjanti jitqies fl-artikli dwar l-evoluzzjoni, il-ġenetika tal-popolazzjonijiet, l-eredità, il-varjazzjoni, il-Mendeliżmu, u r-riproduzzjoni;
  • il-bijoloġija molekolari: tistudja l-mekkaniżmi ġenetiċi u tal-iżvilupp komuni tal-annimali u tal-pjanti;
  • il-paleontoloġija: l-istudju tal-fossili ta’ forom ta’ ħajja li issa huma estinti;
  • ix-xjenza sistematika, il-kladistika, il-filoġenetika, il-filoġeografija, il-bijoġeografija, u t-tassonomija: jikklassifikaw u jiġbru fi gruppi l-ispeċijiet permezz ta’ dixxidenza komuni u assoċjazzjonijiet reġjonali.

Referenzi immodifika

  1. ^ "zoology | Origin and meaning of zoology by Online Etymology Dictionary" (bl-Ingliż). Parametru mhux magħruf |opra= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  2. ^ "Bayrakdar, Mehmet (1986). "Al-Jahiz and the rise of biological evolution". Ankara Üniversitesi İlahiyat Fakültesi Dergisi. Ankara University. 27 (1): 307–315". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  3. ^ Paul S. Agutter & Denys N. Wheatley (2008). Thinking about Life: The History and Philosophy of Biology and Other Sciences. Springer. p. 43. ISBN 978-1-4020-8865-0.
  4. ^ Saint Albertus Magnus (1999). On Animals: A Medieval Summa Zoologica. Johns Hopkins University Press. ISBN 0-8018-4823-7.
  5. ^ Lois N. Magner (2002). A History of the Life Sciences, Revised and Expanded. CRC Press. pp. 133–144. ISBN 0-8247-0824-5.
  6. ^ Jan Sapp (2003). "Chapter 7". Genesis: The Evolution of Biology. Oxford University Press. ISBN 0-19-515619-6.
  7. ^ William Coleman (1978). "Chapter 2". Biology in the Nineteenth Century. Cambridge University Press. ISBN 0-521-29293-X.
  8. ^ Jerry A. Coyne (2009). Why Evolution is True. Oxford: Oxford University Press. p. 17. ISBN 978-0-19-923084-6.
  9. ^ "Appendix: Frequently Asked Questions". Science and Creationism: a view from the National Academy of Sciences (php) (Second ed.). Washington, DC: The National Academy of Sciences. 1999. p. 28. ISBN -0-309-06406-6.
  10. ^ "Introduction. Gray, Henry. 1918. Anatomy of the Human Body". Parametru mhux magħruf |opra= injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  11. ^ "Jablonski D (1999). "The future of the fossil record". Science. 284 (5423): 2114–2116". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  12. ^ John H. Gillespie (1998). Population Genetics: A Concise Guide. Johns Hopkins Press. ISBN 978-0-8018-8008-7.
  13. ^ Chambers, Geoffrey K.; Curtis, Caitlin; Millar, Craig D.; Huynen, Leon; Lambert, David M. (2014-01-01). "DNA fingerprinting in zoology: past, present, future". Investigative Genetics. 5 (1): 3. ISSN 2041-2223.
  14. ^ Chambers, Geoffrey K.; Curtis, Caitlin; Millar, Craig D.; Huynen, Leon; Lambert, David M. (2014-01-01). "DNA fingerprinting in zoology: past, present, future". Investigative Genetics. 5 (1): 3. ISSN 2041-2223.
  15. ^ "Woese C, Kandler O, Wheelis M (1990). "Towards a natural system of organisms: proposal for the domains Archaea, Bacteria, and Eucarya". Proc Natl Acad Sci USA. 87 (12): 4576–4579. Bibcode:1990PNAS...87.4576W" (PDF). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna)
  16. ^ Heather Silyn-Roberts (2000). Writing for Science and Engineering: Papers, Presentation. Oxford: Butterworth-Heinemann. p. 198. ISBN 0-7506-4636-5.
  17. ^ John McNeill. "The BioCode: Integrated biological nomenclature for the 21st century?". Proceedings of a Mini-Symposium on Biological Nomenclature in the 21st Century.
  18. ^ Black, J. "Darwin in the world of emotions". Journal of the Royal Society of Medicine. 95 (6): 311–313. ISSN 0141-0768.
  19. ^ Wiley, R. H. (1981). "Social structure and individual ontogenies: problems of description, mechanism, and evolution". Perspectives in Ethology. 4: 105–133. ISBN 978-1-4615-7577-1.