Massimiljanu Kolbe: Differenza bejn il-verżjonijiet

Content deleted Content added
Paġna ġdida: Massimiljanu Marija Kolbe (Zdunska-Wola, Polonja, 7 ta’ Jannar 1894 - Auschwitz, Polonja, 14 ta' Awwissu 1941), imwieled bl-isem ta’ Rajmond Kolbe, kien patri Franġiskan Konve...
(L-ebda differenza)

Reviżjoni ta' 21:05, 13 Awwissu 2016

Massimiljanu Marija Kolbe (Zdunska-Wola, Polonja, 7 ta’ Jannar 1894 - Auschwitz, Polonja, 14 ta' Awwissu 1941), imwieled bl-isem ta’ Rajmond Kolbe, kien patri Franġiskan Konventwali li ta ħajtu għal priġunier ieħor f'kamp ta' konċentrament.

Jidħol mal-Franġiskani

Fl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Fl-1910 Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljanu. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fl-1912 intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija.

Fl-1914 għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljan.

Devozzjoni Marjana

Fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-"Pija Unjoni tal-Milizzja ta’ l-Immakulata". Fit-28 ta’ April 1918 ġie ordnat saċerdot, u sena wara malli ħa l-lawrija fit-teoloġija telaq lejn Krakovja fil-Polonja. Hawn ukoll beda l-Milizzja tal-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, ”Il-Kavallier tal-Immakulata”, u wara rivista oħra għat-tfal, ”Il-Kavallier Ċkejken”.

Fl-1930, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki. Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista tal-Kavallier ta’ l-Immakulata.

Fl-1935 reġa’ lura lejn art twelidu.

L-Arrest

Fl-1939 faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, u l-armata Ġermaniża ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.

Fiż-17 ta’ Frar 1941 ġie arrestat u fit-28 ta’ Mejju ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fejn, fl-ifran tiegħu ġew maħruqin fuq il-ħames miljun ruħ. Hawnhekk, Patri Kolbe sar numru: 16670. F’Lulju ntbagħat fil-kamp tal-invalidi.

Jagħti ħajtu għal priġunier ieħor

Ġara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skond il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.

Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: "Għażiża marti miniex ser narak iżjed! Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!" Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-berritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal”.

Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker biex imutu bla ikel u bla xorb. Wara ġimgħatejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih. Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu. Dakinhar kien l-14 ta’ Awissu 1941.

Fl-10 ta’ Ottubru 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri.