Relattività (Maurits Cornelis Escher)

stampa litografika magħmula minn Maurits Cornelis Escher

Ir-Relattività hija stampa litografika ta' 27.7 cm × 29.2 cm magħmula mill-artist Olandiż Maurits Cornelis Escher, li ġiet stampata għall-ewwel darba f'Diċembru 1953. L-ewwel verżjoni ta' din l-opra tal-arti kienet ksilografija li saret iktar kmieni dik is-sena stess.

Ir-Relattività ta' Maurits Cornelis Escher

Deskrizzjoni immodifika

Turi dinja li fiha ma japplikawx il-liġijiet normali tal-gravità. L-istruttura arkitettonika jidher li hija ċ-ċentru ta' komunità idillika, u l-biċċa l-kbira tal-abitanti jimxu 'l hemm u 'l hawn jew jagħmlu l-affarijiet ta' kuljum bħal pereżempju jieklu. Hemm twieqi u daħliet li jagħtu għal ambjenti fil-beraħ simili għal xi parks. Il-figuri kollha huma lebsin b'ilbies identiku u għandhom irjus mingħajr fattizzi, b'għamla ta' bozza. Karattri identiċi bħal dawn huma preżenti f'bosta xogħlijiet oħra ta' Escher.

Fid-dinja tar-Relattività, hemm tliet sorsi ta' gravità, u kull sors huwa ortogonali mat-tnejn l-oħra. Kull abitant jgħix f'wieħed minn dawn il-"bjar" tal-gravità, fejn japplikaw il-liġijiet normali tal-fiżika. B'kollox hemm sittax-il karattru, li huma mifruxin ma' kull sors ta' gravità; sitta f'sors u ħamsa kull wieħed fiż-żewġ sorsi l-oħra. Il-konfużjoni apparenti tal-istampa litografija ġejja mill-fatt li t-tliet sorsi ta' gravità jidhru qishom qegħdin fl-istess post.

L-istruttura għandha settijiet ta' turġien, u kull sett ta' turġien jista' jintuża min-nies li jappartjenu għal żewġ sorsi differenti ta' gravità. Dan joħloq fenomeni interessanti, bħal fil-każ tas-sett ta' turġien ta' fuq nett, fejn żewġ abitanti jużaw l-istess sett ta' turġien fl-istess direzzjoni u fuq l-istess naħa, iżda kull wieħed minnhom juża lat differenti ta' kull tarġa; għaldaqstant, wieħed nieżel is-sett ta' turġien filwaqt li l-ieħor tiela', minkejja li t-tnejn mexjin fl-istess direzzjoni kważi maġenb xulxin. Fis-settijiet ta' turġien l-oħra, l-abitanti jidhru qishom telgħin is-settijiet ta' turġien ta' taħt fuq, iżda abbażi tas-sors ta' gravità tagħhom stess, fil-fatt qed jitilgħu s-settijiet ta' turġien normalment.

Kull wieħed mit-tliet parks jappartjeni għal wieħed mill-"bjar" tal-gravità. Id-daħliet kollha ħlief waħda jidhru qishom jagħtu lejn is-sulari ta' taħt il-parks. Għalkemm dan huwa fiżikament possibbli, sulari ppjanati b'dan il-mod xejn mhuma tas-soltu u jżidu mal-effett surreali tal-istampa.[1]

Ir-Relattività hija waħda mill-iżjed xogħlijiet popolari ta' Escher, u ntużat b'varjetà ta' modi.[2]

Referenzi immodifika

  1. ^ "Relativity (part I)". Escher in Het Paleis (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-18.
  2. ^ Gabriela (2018-04-26). "M.C. Escher – Relativity (1953)" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-18.