Patt tas-Sindki
Il-Patt tas-Sindki[1] huwa moviment Ewropew popolarizzat li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali impenjati volontarjament biex iżiedu l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-territorji tagħhom. Permezz tal-impenn tagħhom, il-firmatarji tal-Patt għandhom l-għan li jilħqu u jaqbżu l-għan tal-Unjoni Ewropea ta' tnaqqis ta’ emissjonijiet CO2 b’20% sal-2020.
Wara l-adozzjoni, fl-2008, tal-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea nidiet il-Patt tas-Sindki biex tapprova u tappoġġja l-isforzi skjerati mill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-enerġija sostenibbli.
Minħabba l-karatteristiċi uniċi tiegħu – minħabba li huwa l-uniku moviment ta’ dan it-tip li jimmobilizza atturi lokali u reġjonali għas-sodisfazzjoni tal-oġġettivi tal-Unjoni Ewropea – il-Patt tas-Sindki huwa meqjus mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bħala mudell eċċezzjonali ta' governanza fuq livelli multipli. [2]
Firmatarji tal-Patt tas-Sindki
immodifikaL-awtoritajiet lokali Ewropej ta’ kull daqs – minn villaġġi żgħar għal bliet kapitali u żoni metropolitani kbar – huma eliġibbli biex jiffirmaw bħala Firmatarji tal-Patt tas-Sindki.[3]
L-ibliet u żoni urbani oħra għandhom rwol kruċjali x’jilgħabu fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għaliex dawn jikkonsmaw tliet kwarti mill-enerġija prodotta fl-Unjoni Ewropea u huma responsabbli għal sehem simili ta’ emissjonijiet CO2. L-awtoritajiet lokali jinsabu wkoll f’pożizzjoni ideali biex jibdlu l-imġiba taċ-ċittadini u jindirizzaw kwistjonijiet tal-klima u tal-enerġija b’mod komprensiv, notevolment permezz tal-konċiljazzjoni tal-interessi pubbliċi u privati u bl-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet tal-enerġija sostenibbli f’għanijiet ġenerali ta’ żvilupp lokali.
Il-parteċipazzjoni fil-Patt tas-Sindki tirrapreżenta opportunità għall-awtoritajiet lokali biex jinfurzaw mill-ġdid l-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 skjerati fit-territorju tagħhom, jibbenefikaw mill-appoġġ u r-rikonoxximent Ewropew u jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom mal-kontrapartijiet Ewropej.
Impenji formali
immodifikaL-ambitu tal-Patt tas-Sindki jmur lil hinn minn sempliċement dikjarazzjoni tal-intenzjonijiet. Tabilħaqq, sabiex jilħqu l-miri ambizzjużi ta’ tnaqqis ta’ CO2 li stabbilixxew għalihom infushom, il-firmatarji jikkommettu għal serje ta’ passi u jaċċettaw li jirrapportaw u li jiġu monitorjati dwar l-azzjonijiet tagħhom. F’perjodi ta’ żmien definiti minn qabel, dawn formalment jimpenjaw ruħhom li jwettqu dan li ġej:
- Jiżviluppaw strutturi amministrattivi xierqa, inkluż l-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi umani, sabiex iwettqu l-azzjonijiet neċessarji;
- Jippreparaw Inventarju Bażi tal-Emissjonijiet;
- Jissottomettu Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli matul is-sena li ssegwi l-adeżjoni uffiċjali għall-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, u inklużi miżuri konkreti li jwasslu mill-anqas għal tnaqqis ta’ 20% tal-emissjonijiet CO2 sal-2020;
- Jissottomettu rapport ta’ implimentazzjoni mill-anqas kull tieni sena wara s-sottomissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli tagħhom għal skopijiet ta’ evalwazzjoni, monitoraġġ u verifika.
Sabiex jikkonformaw man-neċessità kruċjali li jiġu mobilizzati l-partijiet interessati lokali fl-iżvilupp tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, il-firmatarji jimpenjaw ruħhom ukoll li:
- Jikkondividu l-esperjenzi u l-għarfien tagħhom ma’ awtoritajiet lokali oħra;
- Jorganizzaw Jiem għall-Enerġija Lokali biex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-effiċjenza enerġetika;
- Jattendu jew jikkontribwixxu għaċ-ċerimonja annwali, il-laqgħat tax-xogħol tematiċi u l-laqgħat tal-gruppi ta’ diskussjoni dwar il-Patt tas-Sindki;
- Jifirxu l-messaġġ tal-Patt fil-fora xierqa u, b’mod partikolari, jinkoraġġixxu lis-sindki jipparteċipaw fil-Patt.
Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli
immodifikaSabiex jilħqu u jaqbżu l-oġġettivi ambizzjużi tal-enerġija u l-klima tal-Unjoni Ewropea, il-firmatarji tal-Patt tas-Sindki jikkommettu ruħhom li jiżviluppaw Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli (SEAP), fi żmien sena wara l-adeżjoni tagħhom għall-inizjattiva. Dan il-pjan ta’ azzjoni, approvat mill-kunsill muniċipali, jiddeskrivi l-attivitajiet u l-miżuri previsti mill-firmatarji sabiex jissodisfaw l-impenji tagħhom, bil-perjodi ta’ żmien korrispondenti u r-responsabbiltajiet assenjati.
Materjali ta’ appoġġ tekniċi u metodoloġiċi differenti (inkluż id-"Dokument ta’ Gwida dwar is-SEAP" u l-mudell [4], rapporti dwar metodoloġiji u għodod eżistenti, eċċ) joffru gwida prattika u rakkomandazzjonijiet ċari dwar il-proċess sħiħ ta’ żvilupp tas-SEAP. Abbażi tal-esperjenzi prattiċi tal-awtoritajiet lokali u żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, dan il-pakkett ta’ appoġġ jipprovdi lill-firmatarji tal-Patt bil-prinċipji ewlenin u approċċ ċar pass wara pass. Id-dokumenti kollha jistgħu jitniżżlu mil-librerija tal-websajt. www.eumayors.eu [5]
Koordinazzjoni u appoġġ
immodifikaKoordinaturi u Partitarji tal-Patt
immodifikaIl-Firmatarji tal-Patt mhux dejjem ikollhom l-għodod u r-riżorsi xierqa biex jippreparaw Inventarji Bażi tal-Emissjonijiet, ifasslu l-Pjan ta’Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli relatat u jiffinanzjaw l-azzjonijiet li hemm f’dan tal-aħħar. Fid-dawl ta’ dan, il-provinċji, ir-reġjuni, in-netwerks u l-gruppi ta’ muniċipalitajiet għandhom rwol kruċjali x’jilgħabu biex jgħinu l-firmatarji jonoraw l-impenji tagħhom.
Il-Koordinaturi tal-Patt huma awtoritajiet pubbliċi minn livelli tal-gvern differenti (nazzjonali, reġjonali, provinċjali) li jipprovdu gwida strateġika lill-firmatarji, kif ukoll appoġġ finanzjarju u tekniku fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli tagħhom. Il-Kummissjoni tiddistingwi bejn "Koordinaturi Territorjali" – li jinkludu provinċji, reġjuni u gruppi pubbliċi ta’ muniċipalitajiet -, u "Koordinaturi Nazzjonali", li jinkludu korpi pubbliċi nazzjonali – bħal aġenziji tal-enerġija nazzjonali u ministeri tal-enerġija.
Il-Partitarji tal-Patt huma netwerks Ewropej, nazzjonali u reġjonali u assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet lokali li jingranaw l-attivitajiet ta’ influwenza, komunikazzjoni u kooperazzjoni tagħhom biex jippromwovu l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki u jappoġġjaw l-impenji tal-firmatarji tiegħu.
Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki
immodifikaAssistenza promozzjonali, teknika u amministrattiva tingħata fuq bażi ta’ kuljum lill-firmatarji u l-partijiet interessati tal-Patt mill-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki (CoMO), ġestit minn konsorzju ta’ netwerks ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali, immexxi minn Energy Cities, u kompost minn CEMR, Climate Alliance, Eurocities u FEDARENE. Iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, il-CoMo hu responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali tal-inizjattiva.
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
immodifikaSabiex tappoġġja l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli tal-firmatarji, il-Kummissjoni Ewropea kkontribwixxit għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet finanzjarji li jimmiraw b’mod partikolari lejn il-firmatarji tal-Patt tas-Sindki, fosthom il-faċilità Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA), stabbilita f’kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, għal proġetti ta’ skala kbira, u ELENA-KfW li, stabbilita fi sħubija mal-German Group KfW, toffri approċċ kumplimentari li jimmobilizza investimenti sostenibbli ta’ muniċipalitajiet ta’ daqs żgħir u medju.
Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-Patt jibbenefika minn appoġġ istituzzjonali sħiħ, inkluż mill-Kumitat tar-Reġjuni, li appoġġja l-inizjattiva mill-bidu; il-Parlament Ewropew, fejn saru l-ewwel żewġ ċerimonji tal-iffirmar; u l-Bank Ewropew tal-Investiment, li jassisti lill-awtoritajiet lokali fil-ftuħ tal-potenzjali tagħhom ta’ investiment.
Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka
immodifikaIċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea huwa responsabbli għall-provvista ta’ appoġġ tekniku u xjentifiku lill-inizjattiva. Dan jaħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki biex jagħti lill-firmatarji linji gwida tekniċi u mudelli ċari sabiex jassisti s-sodisfazzjon tal-impenji tal-Patt tas-Sindki tagħhom, kif ukoll biex jissorvelja l-implimentazzjoni u r-riżultati.
Ara wkoll
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ http://www.eumayors.eu/IMG/pdf/covenantofmayors_text_mt.pdf
- ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-08-25. Miġbur 2011-08-22.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
- ^ http://www.eumayors.eu/about/signatories_en.html
- ^ http://www.eumayors.eu/IMG/pdf/seap_guidelines_en-2.pdf
- ^ http://www.eumayors.eu/support/library_en.html