Park Nazzjonali tat-Taġikistan

park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Taġikistan

Il-Park Nazzjonali tat-Taġikistan (bit-Taġik: Боғи миллии Тоҷикистон, b'ittri Rumani: Boghi millii Tojikiston; bir-Russu: Таджикский национальный парк, b'ittri Rumani: Tadzhikskiy natsional'nyy park) huwa park nazzjonali u riżerva naturali fil-Lvant tat-Taġikistan. Ġie stabbilit fl-1992 u twessa' fl-2001 biex jinkludi partijiet mill-Muntanji Pamir. Il-park ikopri 26,116.74-il kilometru kwadru (10,083.73 mil kwadru) jew ftit iktar minn 18 % tal-erja totali tat-Taġikistan. Fl-2013 il-Park Nazzjonali tat-Taġikistan tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-Quċċata tal-Komuniżmu fil-Park Nazzjonali tat-Taġikistan.
 
Mappa taż-żona protetta tal-Muntanji Pamir.

Mill-1989 sal-1992, Anvar J. Buzurukov (bħala l-kap tad-Dipartiment taż-Żoni Protetti tal-Ministeru għall-Ambjent) beda, ippjana u mexxa (taħt il-kamp xjentifiku internazzjonali "Pamir-90") studji xjentifiċi ta' fattibbiltà favur l-istabbiliment tal-ewwel parks nazzjonali u naturali fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tat-Taġikistan. Żona b'erja ta' 12,000 kilometru kwadru (4,600 mil kwadru) ġiet iddeżinjata bħala l-Park Nazzjonali tat-Taġikistan permezz tad-Deċiżjoni Nru 267 tal-gvern tat-Taġikistan fl-20 ta' Lulju 1992. Sena qabel, l-istess tim stabbilixxa l-ewwel riżerva naturali fit-Taġikistan, il-Park Naturali ta' Shirkent.

Fl-2001 l-erja tal-Park Nazzjonali tat-Taġikistan żdiedet għal 26,116.74-il kilometru kwadru (10,083.73 mil kwadru) permezz tal-Ordni Nru 253 tal-Gvern tar-Repubblika tat-Taġikistan.

Fl-2013 il-Park Nazzjonali tat-Taġikistan tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Ekoloġija u organiżmi selvaġġi

immodifika

Il-park nazzjonali fih taħlita ta' reġjuni bl-isteppa, bid-deżerti, bil-bwar tal-ħaxix u alpini. Ikollu xtiewi twal u kesħin u sjuf friski, b'preċipitazzjoni annwali medja ta' 12.7-il ċentimetru.[2]

Fost l-ispeċijiet li huwa magħruf li jgħixu fil-park nazzjonali hemm l-ors kannella, il-leopard tal-borra, il-lupu, il-markhor, in-nagħġa ta' Marco Polo, il-gawwi ta' rasu kannella u l-wiżża bl-istrixxi ma' rasha.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-Muntanji Pamir fi ħdan il-Park Nazzjonali tat-Taġikistan.

Fl-2008, il-Park Nazzjonali tat-Taġikistan tressaq bħala sit indikattiv biex fil-ġejjieni jsir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Fl-2013, il-park ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d "Tajik National Park (Mountains of the Pamirs) - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-14.
  2. ^ "Pamir | Infoplease". www.infoplease.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-14.
  3. ^ "Mount Etna and the Mountains of Pamir inscribed on World Heritage List alongside El Pinacate and Gran Desierto de Altar - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-14.